Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrajno sodišče v Mariboru (is-Slovenja) fil-31 ta’ Jannar 2024 – LH vs NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d.

(Kawża C-81/24, Jenec 1 )

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Okrajno sodišče v Mariboru

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LH

Konvenuta: NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d.

Domandi preliminari

L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi 1 jawtorizza lill-Istati Membri jissuġġettaw lill-banek għall-obbligu li jirrifjutaw lil konsumatur il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi peress li dan il-konsumatur huwa inkluż fil-lista tal-Office of Foreign Assets Control (OFAC) – Lista tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Istati Uniti tal-Amerika, Uffiċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin – minħabba li l-ftuħ ta’ tali kont jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu skont id-Direttiva 2015/849/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE 2 ?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, teżisti eċċezzjoni fl-ipotezi fejn dan il-konsumatur ma ġie kkundannat imkien fid-dinja għal ksur li minħabba fih huwa jinsab fl-imsemmija lista u/jew ebda miżura restrittiva ma ġiet adottata fil-konfront tiegħu mill-Istat Membru inkwistjoni, mill-Unjoni Ewropea jew minn organizzazzjoni internazzjonali oħra li tagħha l-Istat Membru inkwistjoni jew l-Unjoni Ewropea huma membri?

Risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tfisser inkompatibbiltà mal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprevedi d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza?

Risposta fin-negattiv għat-tieni domanda tfisser inkompatibbiltà mal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprevedi d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2014, L 257, p. 214.

1     ĠU 2015, L 141, p. 73.