Language of document : ECLI:EU:T:2011:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Settembru 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark Komunitarja verbali CENTROTHERM – Użu ġenwin mit-trade mark – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑427/09,

centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, stabbilita fi Blaubeuren (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn O. Löffel, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider u R. Manea, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Centrotherm Systemtechnik GmbH, stabbilita fi Brilon (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Albrecht u U. Vormbrock, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal‑UASI, tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG u Centrotherm Systemtechnik GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi, President, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-risposti tal-UASI u tal-intervenjenti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2010,

wara li rat it-talbiet tal-partijiet għaż-żamma ta’ seduta,

wara li rat id-digriet tat-30 ta’ Marzu 2011 li jgħaqqad il-Kawżi T‑427/09 u T‑434/09 għall-finijiet tal-proċedura orali,

wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Settembru 1999, l-intervenjenti, Centrotherm Systemtechnik GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CENTROTHERM.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 11, 17, 19 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 11: “Tubi għall-gass tal-impjanti għat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin; aċċessorji għall-berner tal-gass; partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin, ta’ tkessiħ, ta’ ġenerazzjoni tal-fwar, ta’ tnixxif u ta’ ventilazzjoni; tagħmir ta’ filtrazzjoni tal-arja u l-komponenti tiegħu; partijiet mekkaniċi tal-impjanti tal-gass; viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni”;

–        klassi 17: “Ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li ma humiex imsemmija iktar ’il fuq; siġilli, materjali għas-siġilli; materjal għal ippakkjar, għal mili u għal iżolament; materjal tal-plastik parzjalment miftuħ; prodotti tal-plastik inklużi fil-klassi 17”;

–        klassi 19: “Materjali għal kostruzzjoni, pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; tubi tal-ilma, pajpijiet ta’ konnessjoni; tagħmir għall-bini; apparat li jkopri l-ħitan; pannelli ta’ kostruzzjoni, pannelli; estensjonijiet għal ċmieni, kanen taċ-ċmieni, għotjien taċ-ċmieni, protezzjoni taċ-ċmieni, ħarrieġa taċ-ċmieni, il-prodotti msemmija qabel li ma humiex tal-metall”;

–        klassi 42: “Pariri ta’ kostruzzjoni, ippjanar tal-kostruzzjoni, servizzi ta’ inġinier, ippjanar tekniku tal-proġetti; xogħlijiet ta’ inġiniera (esperti)”.

4        It-trade mark CENTROTHERM kienet irreġistrata għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, fid-19 ta’ Jannar 2001, bħala trade mark Komunitarja.

5        Fis-7 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti, centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, ippreżentat quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 15 u skont l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 15 u l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], applikazzjoni għal revoka tat-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti u għas-servizzi kollha rreġistrati.

6        L-applikazzjoni għal revoka ġiet innotifikata fil-15 ta’ Frar 2007 lill-intervenjenti, li kienet mistiedna sabiex tippreżenta osservazzjonijiet eventwali u provi tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata f’terminu ta’ tliet xhur.

7        Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Mejju 2007, l-intervenjenti kkontestat l-applikazzjoni għal revoka u, sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha, ipproduċiet il-provi li ġejjin:

–        erbatax-il ritratt diġitali;

–        erba’ kontijiet;

–        dikjarazzjoni, intitolata “eidesstattliche Versicherung” (affidavit), magħmula minn M. W., fil-kapaċità tiegħu bħala maniġer tal-intervenjenti.

8        L-intervenjenti ddikjarat li hija kellha fil-pussess tagħha diversi kopji oħra ta’ kontijiet li hija kienet rrinunzjat li tippreżenta, fil-bidu, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Peress li ddikjarat li tista’ tipproduċi dokumenti oħra, hija talbet lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI sabiex skont iċ-ċirkustanzi tieħu miżura proċedurali, jekk ikun il-każ li hija kienet tixtieq li provi u dokumenti individwali oħra jitpoġġew fil-fajl.

9        Fit-30 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ordnat ir-revoka tat-trade mark CENTROTHERM peress li kkonstatat li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.

10      Fl-14 ta’ Diċembru 2007, l-intervenjenti ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni, liema appell ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal revoka tal-prodotti “tubi għall-gass tal-impjanti għat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin; aċċessorji għall-berner tal-gass; partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni”; li jaqgħu fil-klassi 11; “ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li ma humiex imsemmija iktar ’il fuq”; li jaqgħu fil-klassi 17, u “pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; pajpijiet ta’ konnessjoni; kanen taċ-ċmieni” li jaqgħu fil-klassi 19. Il-Bord tal-Appell ċaħad il-kumplament tal-appell.

12      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin mit-trademark CENTROTHERM, fir-rigward tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal revoka, jiġifieri s-7 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”) għall-prodotti msemmija fil-punt 11 kienet ġiet prodotta, peress li r-ritratti pprovduti mill-intervenjenti juru n-natura tal-użu mit-trade mark u li l-kontijiet prodotti juru li l-prodotti msemmija kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tiċħad it-talba għal revoka tat-trade mark CENTROTHERM;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi. Meta kkunsidra li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-Regola 40(5) u r-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat.

16      Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tinjora r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tal-ġurisprudenza, jiġifieri l-prova tan-natura, tal-post, tat-tul u tal-firxa tal-użu minn trade mark. Essenzjalment, ir-rikorrenti tiddikjara li r-ritratti ma għandhomx data, li l-kontijiet ma jsemmux it-trade mark ikkontestata iżda l-isem tal-kumpannija tal-intervenjenti, li l-affidavit tal-maniġer tal-intervenjenti ma għandu ebda valur ta’ prova, u li, meħuda flimkien, dawn il-provi differenti ma jistgħux jistabbilixxu li l-prodotti murija fir-ritratti kienu effettivament imqegħda fis-suq matul il-perijodu rilevanti.

17      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li, għalkemm il-provi fil-fajl ma humiex, meħuda individwalment, provi adegwati ta’ użu ġenwin, huma flimkien juru, u dan mingħajr ma jista’ jkun hemm ebda dubju, użu mit-trade mark ikkontestata li għandu jiġi deskritt bħala użu ġenwin.

18      L-intervenjenti tikkontesta wkoll l-argumenti tar-rikorrenti. Filwaqt li tammetti li r-ritratti fil-fajl kienu meħuda wara l-perijodu rilevanti, hija tikkunsidra li huwa eċċessiv li jiġi rikjest li l-proprjetarju ta’ trade mark jippreżenta ritratti ta’ prodotti kummerċjalizzati diversi xhur jew anki diversi snin, qabel, u li, barra minn hekk, li huwa jindika d-data li fiha jkunu ttieħdu matul il-perijodu rilevanti. Dan fil-fatt ikun qed jippreżumi li l-proprjetarju tat-trade mark jieħu regolarment, bħala prekawzjoni, ritratti tal-prodotti kollha tiegħu u jarkivjahom, sabiex ikun jista’ jipproduċihom fil-każ ta’ proċedimenti ta’ revoka. Skont l-intervenjenti, tali rekwiżit ma huwiex realistiku.

19      Barra minn hekk l-intervenjenti tenfasizza l-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-prodotti u s-servizzi protetti mit-trade mark tagħha huma prodotti li huma kkummerċjalizzati mhux lill-konsumatur finali iżda lill-impriżi ta’ kostruzzjoni. Il-prodotti huma essenzjalment ikkummerċjalizzati mhux fil-kummerċ bl-imnut jew fuq l-internet, iżda offruti u pprovduti direttament lil klijenti kummerċjali. Dan ikun ifisser li l-prodotti koperti mit-trade mark CENTROTHERM ikunu inqas reklamati fil-gazzetti, fir-rivisti, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni jew fuq l-internet, milli fil-fieri kummerċjali u fuq prospektus, f’ittri kummerċjali u f’kontijiet tal-intervenjenti. L-użu prinċipali tat-trade mark ikun fuq kollox li titwaħħal fuq il-prodotti u l-ippakkjar tagħhom, jiġifieri l-kartun u l-pjattaformi.

20      Skont l-intervenjenti, ma hemmx użanza fis-suq ikkonċernat li jkun hemm użu u ssir il-promozzjoni ta’ għadd kbir ta’ trade marks. Fil-fatt, filwaqt li x-xerrejja ta’ prodotti tal-konsum ġeneralment ikollhom aċċess għal numru kbir ta’ prodotti simili, offruti minn għadd kbir ta’ fornituri differenti, u għandhom ikunu ggwidati skont it-trade marks, ix-xerrejja tal-prodotti rilevanti f’din il-kawża normalment jixtru mingħand fornitur wieħed, fuq perijodi twal, firxa sħiħa ta’ prodotti u ta’ aċċessorji u ta’ servizzi relatati. Skont l-intervenjenti, din hija r-raġuni għaliex, ġeneralment, l-isem tal-kumpannija jew it-tabella huwa biżżejjed sabiex issir distinzjoni, bħala trade mark, ta’ firxa sħiħa ta’ prodotti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

21      Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-proċedura u l-għan imfittex mill-piena ta’ revoka kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi fi proċedimenti ta’ revoka.

22      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li d-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati revokati, wara applikazzjoni ppreżentata quddiem l-UASI, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji għal dan in-nuqqas ta’ użu.

23      Ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-UASI, fil-każ ta’ applikazzjoni għal revoka, għandu jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja terminu li fih dan tal-aħħar iġib il-prova tal-użu mit-trade mark. Jekk il-prova ma tingħatax fit-terminu previst, ikun deċiż li hemm ir-revoka tat-trade mark Komunitarja. Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet għal revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu mit-trade mark għandha tirrigwarda l-post, it-tul, l-estensjoni u n-natura tal-użu li jkun sar minnha.

24      Ir-ratio legis tar-rekwiżit li trade mark ikun sar użu ġenwin minnha sabiex tkun protetta skont id-dritt tal-Unjoni jinsab fil-fatt li r-reġistru tal-UASI ma jistax jiġi assimilat ma’ maħżen strateġiku u statiku li jagħti lil proprjetarju inattiv monopolju legali għal żmien indefinit. Għall-kuntrarju, u skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmi reġistru għandu jirrifletti b’mod preċiż l-informazzjoni li l-kumpanniji attwalment jużaw fis-suq sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ħajja ekonomika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punti 18 sa 22).

25      Skont il-ġurisprudenza, trade mark ikun sar użu ġenwin minnha meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq ta’ bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandu l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija permezz tat-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark tirrikjedi li din it-trade mark, kif inhi protetta fit-territorju rilevanti, għandha tintuża pubblikament u lejn l-estern [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      Għalkemm l-użu ġenwin jipprekludi għaldaqstant kull użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti sabiex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku, jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż li jevalwa s-suċċess kummerċjali, lanqas li jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew ukoll li jirriżerva l-protezzjoni ta’ trade marks għall-użi kummerċjali ta’ importanza kwantitattiva biss [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, Ġabra p. II‑445, punt 32].

27      B’mod iktar speċifiku, sabiex tiġi eżaminata, f’każ bħal dan, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni, għandha ssir evalwazzjoni globali fid-dawl tal-provi kollha li jinsabu fil-fajl, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti ta’ dan il-każ. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex veru, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati, fil-qasam ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-portata tal-użu magħmul mit-trade mark preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti ta’ użu kollha, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, tat-tul tal-perijodu li matulu twettqu dawn l-atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. B’hekk, volum żgħir ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew ċerta kostanza fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, iktar ma huwa limitat il-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark, iktar huwa neċessarju li l-proprjetarju tat-trade mark jipproduċi provi addizzjonali sabiex jitneħħew eventwali dubji dwar il-ġenwinità tal-użu mit-trade mark ikkonċernata [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31].

30      Barra minn hekk, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell ikkunsidrax li l-provi prodotti mill-intervenjenti jurux użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq. Skont ir-rikorrenti, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell ma għandhiex bażi fattwali suffiċjenti.

32      F’din il-kawża, il-provi prodotti mill-intervenjenti fid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex juru użu ġenwin mit-trade mark tagħha huma l-affidavit tal-maniġer tagħha, erba’ kontijiet u erbatax-il ritratt diġitali.

33      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mir-raġunament tal-Bord tal-Appell li l-konklużjoni tiegħu dwar l-istabbiliment ta’ użu ġenwin għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq hija bbażata fuq l-affidavit tal-maniġer tal-intervenjenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-interazzjoni bejn il-valur probatorju tar-ritratti u dik tal-erba’ kontijiet li wasslet lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonstata li l-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM kien ġie pprovat. Ir-riferimenti, magħmula fil-punti 27 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-imsemmija affidavit jirrigwardaw biss li jiġu rrilevati n-nuqqasijiet ta’ din tal-aħħar u n-nuqqas ta’ provi addizzjonali li jikkorroboraw il-kontenut tiegħu.

34      Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni globali tar-ritratti u tal-erba’ kontijiet tippermettix li jiġi konkluż li t-trade mark ikkontestata kien sar użu ġenwin minnha skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 29 iktar ’il fuq.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, rigward l-erba’ kontijiet, tlieta minnhom għandhom id-data ta’ Lulju 2006 u jirrigwardaw id-Danimarka, l-Ungerija u s-Slovakkja, u wieħed minnhom għandu d-data ta’ Jannar 2007 u jirrgwarda l-Ġermanja. Il-kelma “centrotherm” tidher fl-intestatura tal-imsemmija kontijiet, flimkien mal-logo tal-intervenjenti li hija wkoll l-isem tal-kumpannija u l-indirizz postali tagħha.

36      Dawn il-kontijiet juru li ħafna prodotti relatati mal-plumbing (pajpijiet, ġonġituri, assemblaġġi għall-konnessjoni ta’ kaldaruni, liwja f’pajp għal verifika, għata għal sistemi ta’ egżost) inbigħu mill-intervenjenti lil erba’ klijenti għal somma li tikkorrispondi, inkluż il-kont tal-2007, għal inqas minn 0.03 % tad-dħul mill-bejgħ li l-maniġer tal-intervenjenti ddikjara li nkiseb fl-2006 bil-bejgħ tal-prodotti taħt it-trade mark CENTROTHERM.

37      Minn dan jirriżulta li, quddiem l-UASI, l-intervenjenti pproduċiet provi ta’ bejgħ relattivament baxxi meta mqabbla mas-somma indikata fid-dikjarazzjoni tal-maniġer tagħha. Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li l-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx provi suffiċjenti fil-fajl li jsostnu l-kontenut tagħha fir-rigward tal-valur tal-bejgħ. Barra minn hekk, rigward l-aspett temporali tal-użu mit-trade mark, l-imsemmija kontijiet jirrigwardaw perijodu qasir ħafna, jew preċiż, jiġifieri t-12, it-18 u l-21 ta’ Lulju 2006 u d-9 ta’ Jannar 2007.

38      Dwar ir-ritratti ppreżentati, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss f’sebgħa mill-erbatax il-ritratt li t-trade mark CENTROTHERM hija murija b’mod ċar, jiġifieri:

–        bħala impressjoni fuq żewġ pajpijiet;

–        bħala impressjoni fuq żewġ oġġetti li jidhru li huma partijiet ta’ pajpijiet;

–        bħala stiker imwaħħal ma’ oġġett li jidher li huwa pjattaforma, u fuq żewġ kaxxi.

39      F’erba’ ritratti oħra, ma huwiex possibbli li tintwera b’mod ċar it-traċċa tat-trade mark ikkontestata.

40      Fl-aħħar tliet stampi, huwa possibbli li jintgħarfu traċċi tat-trade mark CENTROTHERM, jiġifieri:

–        l-ittri “centroth” fuq il-fetħa ta’ pajp;

–        il-logo tal-kumpannija tal-intervenjenti kif ukoll test li ma jinqarax ħdejn dan il-logo, li probabbilment jikkorrispondu għat-test tal-intestatura tal-kontijiet ippreżentati, fuq pajp u fuq oġġett li jidher li huwa l-fetħa ta’ pajp.

41      Ebda wieħed minn dawn ir-ritratti ma għandu data, iżda, kif spjegat fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-intervenjenti ammettiet waqt is-seduta li dawn ir-ritratti ttieħdu wara l-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, l-imsemmija ritratti ma jippermettux li jiġu identifikati l-prodotti ppakkjati fuq il-pjattaforma u fiż-żewġ kaxex li għandhom l-istikers CENTROTHERM. Għalkemm tnejn minn dawn l-istikers għandhom indikazzjoni dwar il-plumbing, la r-ritratti u lanqas il-kontijiet ma għandhom elementi li minnhom jista’ jiġi dedott dak li għandhom verament dawn il-pakketti.

42      Barra minn hekk, ebda wieħed minn numru ta’ oġġetti li huma identifikabbli fir-ritratti ma jikkorrispondi ma’ numri ta’ oġġetti li jinsabu fuq il-kontijiet pprovduti mill-intervenjenti. Minn dan isegwi li ma huwiex possibbli li jiġi konkluż, abbażi tar-ritratti u tal-kontijiet ppreżentati, li l-prodotti u l-pakketti, murija fir-ritratti ppreżentati, kienu fil-fatt ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti matul il-perijodu rilevanti.

43      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li evalwazzjoni globali tal-provi, kif deskritti fil‑punti 35 sa 42 iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi konkluż, sakemm ma jintużawx preżunzjonijiet jew probabbiltajiet, li sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata matul il-perijodu rilevanti għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

44      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li l-prova tal‑użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM ġiet prodotta mill-intervenjenti għall-imsemmija prodotti.

45      L-argumenti tal-intervenjenti, spjegati fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, li essenzjalment juru li l-ispeċifiċità tas-suq tagħmilha diffiċli li jkun hemm il-provi kollha ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

46      Fil-fatt, il-modi u l-mezzi ta’ prova tal-użu ġenwin minn trade mark ma humiex limitati. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-użu ġenwin ma ġiex ipprovat f’din il-kawża, ma hijiex dovuta għar-rekwiżit ta’ livell eċċessivament għoli ta’ prova, iżda għall-fatt li l-intervenjenti għażlet li tirrestrinġi l-produzzjoni ta’ provi (ara l‑punt 8 iktar ’il fuq). Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni irċeviet ritratti ta’ kwalità inferjuri li jirrigwardaw oġġetti li n-numri tal-oġġetti ma jaqblux mal-oġġetti li, skont il-ftit kontijiet prodotti, inbigħu. Barra minn hekk, l-imsemmija kontijiet ikopru perijodu qasir u juru bejgħ ta’ valur minimu mqabbel ma’ dak li l‑intervenjenti tallega li sar. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-intervenjenti kkonfermat matul is-seduta li ma kienx hemm rabta diretta bejn il-kontijiet u r‑ritratti li hija kienet ipproduċiet quddiem l-UASI.

47      B’hekk ir-rikors huwa milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tar-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4), hija annullata sa fejn hija annullat parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2007.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG.

3)      Centrotherm Systemtechnik GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Moavero Milanesi

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.