Language of document : ECLI:EU:T:2011:480

Kawża T-427/09

centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali CENTROTHERM — Użu ġenwin mit-trade mark — Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

1.      Skont il-ġurisprudenza, trade mark ikun sar użu ġenwin minnha meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq ta’ bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija permezz tat-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark tirrikjedi li din it-trade mark, kif inhi protetta fit-territorju rilevanti, għandha tintuża pubblikament u lejn l-estern.

Għalkemm l-użu ġenwin jipprekludi għaldaqstant kull użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti sabiex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku, jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż li jevalwa s-suċċess kummerċjali, lanqas li jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew ukoll li jirriżerva l-protezzjoni ta’ trade marks għall-użi kummerċjali ta’ importanza kwantitattiva biss.

(ara l-punti 25, 26)

2.      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ bħal dan, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni, għandha ssir evalwazzjoni globali fid-dawl tal-provi kollha li jinsabu fil-fajl, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti ta’ dan il-każ. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex veru, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati, fil-qasam ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark.

Fir-rigward tal-portata tal-użu magħmul mit-trade mark preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti ta’ użu kollha, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, tat-tul tal-perijodu li matulu twettqu dawn l-atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. B’hekk, volum żgħir ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew ċerta kostanza fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub.

Madankollu, iktar ma huwa limitat il-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark, iktar huwa neċessarju li l-proprjetarju tat-trade mark jipproduċi provi addizzjonali sabiex jitneħħew eventwali dubji dwar il-ġenwinità tal-użu mit-trade mark ikkonċernata.

Barra minn hekk, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

(ara l-punti 27-30)