Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Ottubru 2009 - Bayerische Asphalt-Mischwerke vs UASI - Koninklijke BAM Groep (bam)

(Kawża T-426/09)

Lingwa tal-preżentata tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bayerische Asphaltmischwerke GmbH & Co.KG für Straβenbaustoffe (Hofolding, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Kunze, avukat u solicitor, u G. Würtenberger, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Koninklijke BAM Groep NV (Bunnik, il-Pajjiżi l-Baxxi)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tal-11 ta' Awwissu 2009, fil-Każ R 1005/2008-2, safejn l-oppożizzjoni ġiet miċħuda fir-rigward ta' "katusi riġidi mhux metalliċi għall-bini; kostruzzjonijiet li jistgħu jinġarru; monumenti, mhux metalliċi; servizzi ta' kostruzzjoni; tiswija; tiswija u manutenzjoni".

tilqa' l-oppożizzjoni kontra t-trade mark Komunitarja kkonċernata anki fir-rigward ta' "katusi riġidi mhux metalliċi għall-bini; kostruzzjonijiet li jistgħu jinġarru; monumenti, mhux metalliċi; servizzi ta' kostruzzjoni; tiswija; tiswija u manutenzjoni";

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva "bam" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 19, 37 u 42

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva Ġermaniża "bam" għal prodotti fil-klassijiet 7 u 19

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa parzjalment

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni annullata parzjalment

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkonstata li kien hemm xebh bejn, minn naħa waħda, il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mit-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni; abbuż ta' poter peress li l-Bord tal-Appell aġixxa ultra vires; ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jitratta b'mod eżawrjenti l-argumenti mqajma mill-appellanti fl-appell tagħha; ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta llimita l-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata u għaldaqstant naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti.

____________