Language of document : ECLI:EU:C:2024:290

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin ordinarji – Possibbiltà li titqiegħed inkwistjoni deċiżjoni jew sentenza definittiva ta’ kundanna kriminali fl-istadju ta’ proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din is-sentenza – Inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawżi magħquda C‑114/23 [Sapira] i, C‑115/23 [Jurckow] i, C‑132/23 [Kosieski] i u C‑160/23 [Oczka] (i) ,

li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Frar 2023 (C‑114/23 u C‑115/23), tas‑6 ta’ Marzu 2023 (C‑132/23) u tal‑14 ta’ Marzu 2023 (C‑160/23), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2023 (C‑114/23 u C‑115/23), fis‑6 ta’ Marzu 2023 (C‑132/23) u fil‑15 ta’ Marzu 2023 (C‑160/23), fil-proċeduri kriminali kontra

KB (C‑114/23),

RZ (C‑115/23),

AN (C‑132/23),

CG (C‑160/23),

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Rejonowa Warszawa Ochota (C‑114/23 u C‑160/23),

Prokuratura Okręgowa w Warszawie (C‑115/23 u C‑132/23),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Prokuratura Okręgowa w Warszawie, minn A. Bortkiewicz,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ irrevokabbiltà tad-deċiżjonijiet definittivi, ta’ proporzjonalità u ta’ awtonomija proċedurali.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ erba’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li kkundannaw lil KB, lil RZ, lil AN u lil CG għal sanzjonijiet kriminali.

 Ilkuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 9(1) u (2) tal-ustawa – Kodeks karny wykonawczy (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2023, pożizzjoni 127, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni”) jiddisponi:

“1.      Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tibda mingħajr dewmien wara li s-sentenza ssir eżekuttiva.

2.      Sentenza mogħtija jew digriet mogħti skont l-Artikolu 420 tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego [(il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1375)], dwar konfiska jew provi materjali, isiru eżekuttivi fil-mument meta jsiru definittivi, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

4        Skont l-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni:

“L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni u kull persuna direttament affettwata mid-deċiżjoni jistgħu jitolbu lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li tneħħi d-dubji dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jew l-ilmenti relatati mal-kalkolu tal-piena. Id-digriet tal-qorti jista’ jiġi appellat.”

5        L-Artikolu 15(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti għandha tinterrompi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ preskrizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena, tal-mewt tal-persuna kkundannata jew ta’ kwalunkwe raġuni oħra li teskludi din il-proċedura.”

 Ilproċeduri filkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

6        Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Diċembru 2022 tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), KB ġiet ikkundannata għal piena sospiża ta’ xahrejn priġunerija kif ukoll għal multa talli insultat pubblikament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja fl‑1 u fit‑2 ta’ Marzu 2022, permezz tan-network soċjali Twitter (Kawża C‑114/23).

7        Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2022 ta’ dik il-qorti, RZ ġie kkundannat għal piena sospiża ta’ sena priġunerija u għal multa talli wassal lil persuna oħra sabiex tiddisponi b’mod sfavorevoli mill-beni tagħha stess, sabiex jikseb vantaġġ finanzjarju (Kawża C‑115/23).

8        Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023 tal-imsemmija qorti, AN ġie kkundannat għal piena globali ta’ ħdax‑il xahar restrizzjoni tal-libertà għal żewġ reati ta’ frodi informatika (Kawża C‑132/23).

9        Dawn it-tliet sentenzi ngħataw b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku mill-Imħallfin LM, fil-Kawżi C‑114/23 u C‑132/23, u OP, fil-Kawża C‑115/23. Huma saru definittivi mingħajr ma ġew ikkontestati.

10      CG, min-naħa tagħha, ġiet ikkundannata, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2022 tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) għal piena ta’ tmien snin priġunerija talli ttrattat ħażin fiżikament u psikoloġikament tarbija (Kawża C‑160/23). Dik is-sentenza, mogħtija minn kulleġġ kompost minn tliet imħallfin li jiddeċiedu fl-appell, jiġifieri JL, KS u MP, ukoll saret definittiva.

11      Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-erba’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi msemmija fil-punti 6 sa 10 ta’ din is-sentenza.

12      Dik il-qorti tenfasizza li kemm l-imħallfin uniċi tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), LM u OP, kif ukoll it-tliet imħallfin tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), JL, KS u MP (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imħallfin inkwistjoni”), inħatru permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja), bil-kompożizzjoni tagħha li tirriżulta mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3). Issa, huwa stabbilit li dan il-korp ma huwiex indipendenti.

13      Minn dan isegwi li qorti komposta minn imħallef maħtur fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, bil-kompożizzjoni li tirriżulta mil-liġi msemmija fil-punt preċedenti, ma hijiex komposta b’mod regolari u ma tistax titqies li hija qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta.

14      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesponi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑160/23, li, permezz ta’ diversi sentenzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) diġà rrevokat sentenzi mogħtija fl-appell minn kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) li kien jagħmel parti minnha l-Imħallef JL, fost oħrajn f’kawża fejn kien sedenti mal-Imħallfin KS u MP. Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għalhekk enfasizzat iċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tal-Imħallef JL, ir-rabtiet tiegħu mas-setgħat politiċi kif ukoll l-attività tiegħu bħala Uffiċjal Dixxiplinari tal-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-Imħallef KS. Fir-rigward tal-Imħallef MP, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ħadet inkunsiderazzjoni l-irregolarità tal-ħatra tiegħu u tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li ppreġudika l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt Pollakk, interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermetti lill-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu fil-qasam kriminali jeżaminaw eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tista’ titqajjem mill-akkużat, mill-partijiet l-oħra fil-proċess u mill-Imħallef stess. F’dan il-każ, madankollu, l-ebda eċċezzjoni f’dan is-sens ma tqajmet fil-kuntest tal-erba’ proċeduri kriminali li taw lok għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali u l-imħallfin inkwistjoni ma eżaminawx l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

16      F’dan il-kuntest, dik il-qorti tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti tistax tiġi vverifikata, jekk ikun meħtieġ ex officio, fi stadju ulterjuri, b’mod partikolari matul proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja. L-imsemmija qorti tqis li dan għandu jkun il-każ.

17      F’dan il-każ, l-istess qorti għandha għalhekk tikkonstata l-ineżistenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li hija adita bihom, minħabba l-irregolarità tal-kundizzjonijiet tal-ħatriet tal-imħallfin inkwistjoni. Hija għandha għalhekk ittemm dawn il-proċeduri u r-responsabbiltà kriminali ta’ KB, RZ, AN u CG għandha tkun suġġetta għal deċiżjonijiet ġudizzjarji ġodda.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], l-Artikolu 47 tal-Karta […] kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali, tan-natura inkonfutabbli tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi, ta’ proporzjonalità u ta’ awtonomija proċedurali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi qorti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna definittiva f’materji kriminali, li teżamina jekk is-sentenza li għandha tiġi eżegwita ngħatatx minn qorti li kienet tissodisfa r-rekwiżiti dwar qorti stabbilita bil-liġi, indipendenti u imparzjali u, jekk jiġi stabbilit li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] sa dak il-jum, li tasal għall-konsegwenzi kollha, inkluż li ma tapplikax is-sentenza mogħtija u li ma titkompliex il-proċedura ta’ eżekuzzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, tali eżami jiddependi mill-inizjattiva tal-persuna kkundannata jew minn entità awtorizzata oħra, jew, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq, il-qorti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna definittiva, hija obbligata li tipproċedi ex officio għal tali eżami?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

 Fuq ittqħaqqid talKawżi C114/23, C115/23, C132/23 u C160/23

19      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 u tat‑18 ta’ April 2023, il-Kawżi C‑114/23, C‑115/23, C‑132/23 u C‑160/23 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq ittalbiet għallapplikazzjoni talproċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari

20      Il-qorti tar-rinviju talbet li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija sostniet li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali, li dawn il-kawżi jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali u li huwa ta’ interess ġenerali li l-awturi tar-reati jinżammu kriminalment responsabbli mingħajr dewmien.

21      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun suġġett għal proċedura mħaffa, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑4 u fit‑18 ta’ April 2023, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatriċi u l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma ressqitx motivi speċifiċi dwar iċ-ċirkustanzi tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawżi prinċipali li kienu jeħtieġu li tingħata deċiżjoni fi żmien qasir dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, il-fatt li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-proċedura mħaffa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 26). Fl-aħħar nett, is-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 16).

 Fuq ittalba għal informazzjoni filKawża C160/23

24      Wara talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, indirizzata fl‑4 ta’ April 2023 lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar b’mod partikolari pprovdiet preċiżazzjonijiet dwar ir-rwol tagħha fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Dik il-qorti esponiet li, fir-rigward ta’ sentenzi definittivi mogħtija fil-kawżi kriminali mill-kulleġġi ġudikanti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta l-miżuri previsti mill-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni. Dawn huma miżuri bħal, l-ewwel nett, l-ordni tal-eżekuzzjoni tal-piena, it-tieni nett, il-priġunerija tal-persuna kkundannata, permezz tal-pulizija, f’ħabs sabiex hemmhekk tiskonta l-piena mogħtija, it-tielet nett, l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza sa fejn tobbliga lill-persuna kkundannata tħallas l-ispejjeż legali lit-Teżor Pubbliku, ir-raba’ nett, l-eżami, jekk ikun il-każ, ta’ talba għad-differiment tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija u, il-ħames nett, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għall-finijiet tat-tfittxija tal-persuna kkundannata fil-każ li din il-persuna taħrab.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

25      Il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li l-problemi relatati mal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn tal-aħħar u mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

26      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, mill-formulazzjonijiet tad-domandi preliminari jirriżulta b’mod ċar li dawn ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk iżda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fihom.

28      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal deċiżjoni preliminari

29      Il-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) u l-Gvern Pollakk jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari minħabba, essenzjalment, li risposta għad-domandi preliminari ma hijiex neċessarja.

30      Għalhekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jallega, essenzjalment, li s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawżi prinċipali huwa li tiġi applikata deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u mhux li tiġi deċiża tilwima sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. Il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-eżekuzzjoni, hija marbuta bil-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi eżekuttivi u ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tagħhom.

31      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li d-domandi preliminari huma ipotetiċi. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma juru l-ebda tħassib partikolari dwar l-indipendenza tal-qrati li taw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss il-fatt li l-imħallfin inkwistjoni nħatru fuq proposta ta’ korp li nofs il-membri tiegħu kienu ġew eletti mill-awtorità leġiżlattiva. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali ħatra ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tistabbilixxi ksur tad-dritt għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita bil-liġi.

32      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din hija mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi ta’ kundanna kriminali, li ma jistgħux jiġu appellati iktar. Skont dik il-qorti, il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li taw dawn id-deċiżjonijiet setgħet tiġi mistħarrġa matul il-proċedura kriminali prinċipali, li hija, skont il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinta mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

36      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, tali stħarriġ jidher li huwa eskluż fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Għalhekk, dik il-qorti ma ssemmi l-ebda dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Pollakk li tagħtiha l-ġurisdizzjoni sabiex twettaq eżami tal-konformità, b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni, tal-istess deċiżjonijiet. Barra minn hekk, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija qorti bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-kompetenzi tagħha huma, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, limitati għall-adozzjoni tal-miżuri previsti mill-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni.

37      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni, skont ir-regoli tad-dritt Pollakk, sabiex tevalwa l-legalità, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, tal-kulleġġi ġudikanti li taw id-deċiżjonijiet u s-sentenza definittivi ta’ kundanna kriminali li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li hija adita bihom.

38      Għalhekk, id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi magħquda jirrigwardaw intrinsikament stadju preċedenti għal dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, li ngħalqu definittivament u li huwa distint mill-imsemmija proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, dawn ma jikkorrispondux għal bżonn inerenti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, iżda huma intiżi sabiex tinkiseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali li ma hijiex konnessa mill-ħtiġijiet ta’ dawn il-kawżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li dawn id-domandi jmorru lil hinn mill-kuntest tal-missjoni ġudizzjarja li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat18 ta’ Frar 2023 (C114/23 u C115/23), tas6 ta’ Marzu 2023 (C132/23) u tal14 ta’ Marzu 2023 (C160/23), huma inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.