Language of document : ECLI:EU:C:2024:307

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C109/23 [Jemerak] (i)

GM,

ON

vs

PR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il‑Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi – Azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni – Servizzi li huma strettament meħtieġa sabiex jiżguraw aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Interpretu li jassisti lin-nutar – Artikolu 17(1) tal-Karta”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2022/1904 (3), li jikkonċerna miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddistabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

2.        It-talba saret fil-kawża bejn GM u ON, ix-xerrejja maħsuba ta’ appartament li jinsab f’Berlin (il-Ġermanja), minn naħa waħda, u PR, nutar li rrifjuta li jawtentika u jeżegwixxi l-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dak l-appartament għar-raġuni li l-bejjiegħ kien persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, min-naħa l-oħra.

3.        Din il-kawża teħtieġ li t-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” kif stabbilit fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, jiġi interpretat b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtentifikazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ minn nutar, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, hijiex ipprojbita taħt dik id-dispożizzjoni.

4.        Jekk dan ikun il-każ, allura tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn l-awtentifikazzjoni u l-eżekuzzjoni jistgħux madankollu jiġu eżentati taħt l-Artikolu 5n(6) ta’ dan ir-regolament. Essenzjalment, dan l-artikolu jippermetti l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali li huma strettament meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ.

5.        Kwistjonijiet simili jqumu taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-assistenza mogħtija minn interpretu lil partijiet li ma jkollhomx konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa li biha titmexxa l-proċedura ta’ awtentifikazzjoni quddiem nutar.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Il-premessi 1, 2, 3, 19 u 22 tar-Regolament 2022/1904 jipprovdu:

“(1)      Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament [Nru 833/2014].

(2)      Ir-Regolament [Nru 833/2014] jimplimenta ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK [...].

(3)      B’rispons għat-tkomplija tal-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-organizzazzjoni ta’ ‘referenda’ fittizzji illegali fil-partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia li bħalissa huma okkupati illegalment mill-Federazzjoni Russa, l-annessjoni illegali ta’ dawk it-territorji Ukreni mill-Federazzjoni Russa, kif ukoll il- mobilizzazzjoni fil-Federazzjoni Russa u t-theddida repetuta tagħha li tuża armi ta’ qerda massiva, fis-6 ta’Ottubru 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

[...]

(19)      [...] id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 testendi l-projbizzjoni eżistenti fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-Federazzjoni Russa billi tipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza tal-IT u servizzi ta’ konsulenza legali. [...] ‘Servizzi konsultattivi legali’ tkopri: l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi; il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi; u t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali. ‘Servizzi konsultattivi legali’ ma tinkludi l-ebda rappreżentazzjoni, parir, tħejjija ta’ dokumenti ujew verifika ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ servizzi ta’ rappreżentanza legali, jiġifieri fi kwistjonijiet jew proċedimenti quddiem aġenziji amministrattivi, qrati jew tribunali uffiċjali oħra debitament kostitwiti, jew fi proċedimenti ta’ arbitraġġ jew ta’ medjazzjoni.

[...]

(22)      Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.”

7.        L-Artikolu 1(12) tar-Regolament 2022/1904 jipprovdi:

“L-Artikolu 5n huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘‘Artikolu 5n

[...]

2.            Għandu jkun ipprojbit l-għoti, dirett jew indirett, ta’ servizzi [...] ta’ konsulenza legali [...] lil:

[...]

(b)            persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.

[...]

6.      Il-paragrafu 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, [...] dment li tali forniment ta’ servizzi jkunkonsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 [...]’”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

8.        GM u ON huma ċittadini Ġermaniżi li kellhom l-intenzjoni li jakkwistaw appartament f’Berlin (il-Ġermanja). Dan l-appartament huwa rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ Schöneberg, miżmum mill-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Lokali, Schöneberg, il-Ġermanja). Visit-Moscow Ltd, kumpannija b’responsabbiltà limitata bbażata f’Moska (ir-Russja), hija l-proprjetarju tal-appartament skont dak ir-reġistru.

9.        Għall-finijiet ta’ din it-tranżazzjoni, GM, ON u Visit-Moscow Ltd talbu li PR, nutar li jipprattika f’Berlin, sabiex jawtentika l-kuntratt ta’ bejgħ tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni li kien fih – jiġifieri, l-oġġett tax-xiri, il-prezz tax-xiri u dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra. Huma talbu wkoll li jeżegwixxi l-kuntratt wara l-awtentifikazzjoni tiegħu, li kienet tinkludi r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-titolu tal-appartament favur ix-xerrejja, il-kisba tal-kanċellazzjoni tal-interessi ta’ garanzija eżistenti imposti fuq il-proprjetà u l-iżgurar tal-kustodja sigura tal-flus tax-xiri u l-ħlas tagħhom.

10.      Madankollu, PR informa lill-partijiet li huwa kien irrifjuta provviżorjament li jawtentika l-kuntratt ta’ bejgħ u, għalhekk, li jeżegwixxih. Fil-fehma tiegħu, huwa ma setax jeskludi l-possibbiltà li din l-awtentifikazzjoni tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, dwar il-provvista, direttament jew indirettament, ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. PR ċaħad ukoll l-ilment sussegwenti mressaq mill-partijiet u, skont ir-regoli applikabbli, irrefera dan l-ilment lil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali, Berlin, il-Ġermanja).

11.      Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali, Berlin), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tqis li l-proċeduri quddiemha jeħtieġu risposta dwar jekk l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ minn nutar, kif ukoll xi kompiti anċillari oħra mwettqa għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt, jaqgħux fil-portata tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, peress li l-bejjiegħ huwa persuna ġuridika stabbilita fir-Russja. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju taħseb li mbagħad ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn il-kompiti jistgħux jiġu eżentati minn din il-projbizzjoni skont l-Artikolu 5n(6) ta’ dak ir-regolament.

12.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fl-ewwel lok, li diversi kunsiderazzjonijiet jopponu l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 għall-kompiti mwettqa minn nutar taħt id-dritt Ġermaniż. B’mod partikolari, din il-qorti tispjega li n-nutara ma jipprovdux servizz, iżda minflok iwettqu funzjoni uffiċjali. Huma jinħatru bħala detenturi indipendenti ta’ kariga pubblika sabiex jawtentikaw atti legali u sabiex iwettqu kompiti oħra fil-qasam tal-amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, in-nutara ma jistgħux jirrappreżentaw xi parti speċifika, iżda pjuttost għandhom jeżerċitaw rwol indipendenti u imparzjali fir-rigward tal-partijiet kollha involuti.

13.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, anki kieku l-attivitajiet notarili kellhom jitqiesu bħala servizzi ta’ konsulenza legali skont l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, il-projbizzjoni stabbilita fih ma tkunx tikkonċerna l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli. Skont dik il-qorti, għall-finijiet tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ appartament fil-Ġermanja, il-Bürgeriches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) jeħtieġ mhux biss ir-reġistrazzjoni tax-xerrej fir-reġistru tal-artijiet, iżda wkoll il-qbil taż-żewġ partijiet għat-trasferiment tat-titolu, li mbagħad irid jiġi awtentikat, bħala regola, quddiem nutar. Għalhekk, kieku l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 kellha tapplika għall-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jkunu mċaħħda legalment u fattwalment minn kull possibbiltà li jiddisponu mill-assi tagħhom, peress li ma jistax ma jkunx hemm involviment ta’ nutar fil-bejgħ ta’ proprjetà immobbli.

14.      It-tielet, il-qorti tar-rinviju tqis li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014 – li jeskludi, mill-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-provvista ta’ servizzi li huma strettament neċessarji sabiex jiġi żgurat aċċess għall-proċedimenti, ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – jidher li huwa applikabbli għall-attivitajiet imwettqa min-nutara. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont id-dritt Ġermaniż, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet hija kundizzjoni essenzjali għall-istabbiliment u l-akkwist ta’ dritt fuq proprjetà immobbli. Iż-żamma tar-reġistru tal-artijiet tikkostitwixxi proċedura ġudizzjarja, li fiha n-nutara għandhom rwol ċentrali, peress li applikazzjoni għal dħul f’dan ir-reġistru hija valida biss jekk it-tranżazzjoni legali tiġi pprovata permezz ta’ atti legali pubbliċi jew atti legali awtentikati pubblikament. Dan ifisser li, bħala regola ġenerali, sabiex isir dħul fir-reġistru tal-artijiet, l-involviment ta’ nutar huwa neċessarju.

15.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida intitolata “Provvista ta’ Servizzi – Mistoqsijiet frekwenti dwar sanzjonijiet adottati wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukraina” (4). F’dik il-gwida, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-projbizzjoni taħt l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 tkopri servizzi notarili pprovduti lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Għalkemm l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni ma hijiex vinkolanti, hija toħloq grad sinjifikattiv ta’ inċertezza dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni. Din l-inċertezza testendi għall-kompiti anċillari normalment imwettqa min-nutara għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ wara l-awtentifikazzjoni tiegħu u għas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti minn interpretu li, skont il-liġi, għandu jassisti lil persuna li ma titkellimx bil-Ġermaniż matul l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ.

16.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali, Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Nutar Ġermaniż jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja meta huwa jawtentika kuntratt ta’ bejgħ ta’ appartament li jagħmel parti minn koproprjetà konkluż bejn l-imsemmija persuna bħala bejjiegħ u ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea?

(2)      Interpretu jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali meta, għall-finijiet tal-awtentifikazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, jaċċetta li n-nutar jirrikorri għas-servizzi tiegħu sabiex huwa jittraduċi l-kontenut tal-proċess ta’ awtentifikazzjoni lir-rappreżentant tal-persuna ġuridika stabbilita fir-Russja li ma għandux konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa Ġermaniża?

(3)      In-nutar jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali meta jinkariga ruħu u jwettaq attivitajiet notarili previsti mil-liġi għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ (pereżempju, ipproċessar tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ permezz ta’ kont fiduċjarju amministrat min-nutar, preżentazzjoni ta’ talba għal dokumenti għall-finijiet tal-kanċellazzjoni ta’ ipoteki u titoli oħra imposti fuq is-suġġett tal-bejgħ, preżentazzjoni ta’ dokumenti neċessarji għat-trasferiment tat-titolu quddiem l-awtorità responsabbli mir-reġistru tal-artijiet)?”

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2023. Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Olandiż, Pollakk u dak Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Inżammet seduta fil-25 ta’ Jannar 2024, fejn il-Kunsill ġie mistieden jipparteċipa skont l-Artikolu 24(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

18.      Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5n(2) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014.

19.      Essenzjalment, dik il-qorti tistaqsi jekk il-portata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 tkoprix il-kompiti mwettqa minn nutar fi Stat Membru meta jawtentika kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li jappartjeni lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Jekk dan ikun il-każ, din il-qorti mbagħad tfittex li tivverifika jekk dawn il-kompiti jaqgħux taħt l-eżenzjoni għal din il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(6) ta’ dan ir-regolament (l-ewwel domanda).

20.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn l-istess domandi fir-rigward tal-interpretu li, skont id-dritt nazzjonali, għandu jassisti lil nutar matul il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni meta waħda mill-partijiet ma jkollhiex konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa użata f’din il-proċedura (it-tieni domanda preliminari).

21.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni u l-eżenzjoni msemmija hawn fuq japplikawx fir-rigward tal-kompiti li nutar jista’ jiġi ordnat iwettaq mill-partijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ wara l-awtentifikazzjoni tiegħu – pereżempju, l-iżgurar tal-kustodja sigura tal-flus tax-xiri u l-ħlas tagħhom, il-kisba tal-kanċellazzjoni tal-interessi ta’ garanzija eżistenti imposti fuq il-proprjetà, u r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-titolu fil-proprjetà immobbli favur ix-xerrejja (it-tielet domanda).

22.      Peress li l-ewwel u t-tielet domanda jirreferu għall-kompiti li għandhom jitwettqu minn nutar, u t-tieni domanda tirreferi għal dawk imwettqa minn interpretu, ser nibda billi neżamina l-ewwel domanda, imbagħad it-tielet domanda, u finalment it-tieni waħda.

A.      L-ewwel domanda

23.      L-ewwel domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju teħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, taqax fil-portata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 u, jekk iva, jekk hijiex koperta mill-eżenzjoni għal din il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(6) ta’ dan l-istess regolament.

1.      Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014

24.      L-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprovdi li huwa pprojbit li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja. Peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li waħda mill-partijiet li jeħtieġu servizzi notarili fil-kawża prinċipali hija persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, din id-domanda teħtieġ prinċipalment l-interpretazzjoni tat-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtentifikazzjoni notarili ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli hijiex koperta minn dan it-terminu.

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jagħmlu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-għan tad-determinazzjoni tat-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (5).

26.      F’din il-kawża, peress li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” jirriżulta biss mir-Regolament Nru 833/2014 u ma jsir ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu, dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għalhekk għandu jiġi interpretat u applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtih interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

27.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret il-kanoni ermenewtiċi li għandhom jiġu invokati meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-iskop ta’ dan, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-għanijiet segwiti mir-regoli li tagħmel parti minnhom (6).

a)      Interpretazzjoni testwali

28.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni testwali, huwa importanti li jiġi rrilevat li la l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, ma jistabbilixxu d-definizzjoni tat-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali”.

29.      Spjegazzjoni ta’ dan it-terminu tinsab biss fil-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, li emenda r-Regolament Nru 833/2014 billi, b’mod partikolari, daħħal l-Artikolu 5n(2) tiegħu.

30.      Skont din il-premessa, it-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” għandu jinftiehem li jkopri: (i) l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti f’materji mhux kontenzjużi, inklużi tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi; (ii) il-parteċipazzjoni mal-klijenti jew f’isimhom fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati u trattati oħra ma’ partijiet terzi, u (iii) it-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali.

31.      L-ewwel, fir-rigward ta’ jekk l-awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar tikkostitwixxix għoti ta’ pariri legali lill-klijenti f’materji mhux kontenzjużi, ninnota li huwa stabbilit li l-awtentifikazzjoni ta’ dokument – inkluż kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – essenzjalment tikkonsisti fil-konferma li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-liġi għat-tfassil ta’ dan id-dokument ikunu ssodisfatti, u li l-partijiet ikollhom personalità ġuridika u kapaċità li jidħlu għal tranżazzjonijiet legali.

32.      Dan huwa l-fehim tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7) u, b’mod iktar speċifiku, mid-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju ta’ din il-proċedura fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż. Bl-awtentifikazzjoni tiegħu, id-dokument jakkwista effetti legali sinjifikattivi, jiġifieri saħħa probatorja sħiħa u saħħa eżekuttiva (8). Fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ, dawk l-effetti ġeneralment ikopru l-identità u l-kapaċità legali tal-partijiet, id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, l-identifikazzjoni u l-karatteristiċi tal-oġġett tax-xiri, il-prezz tax-xiri, il-kunsens tal-partijiet u d-data u l-post tal-awtentifikazzjoni (9).

33.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dokument li jiġi ppreżentat għall-awtentifikazzjoni għandu jinftiehem bħala li l-partijiet daħlu fih liberament (10).

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq iddeċidiet, meta eżaminat in-natura tal-attivitajiet notarili mwettqa f’xi Stati Membri – inkluż fil-Ġermanja – (11), li huma l-partijiet li jiddeċiedu huma stess, fil-limiti stabbiliti mil-liġi, il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, huma jagħżlu liberament il-kundizzjonijiet li jixtiequ jkunu suġġetti għalihom meta jipproduċu dokument jew ftehim quddiem nutar għall-awtentifikazzjoni. L-intervent ta’ nutar għalhekk jippreżupponi – tiddikjara l-Qorti tal-Ġustizzja – l-eżistenza minn qabel ta’ qbil jew kunsens tal-partijiet (12), li ma jipparteċipax fih dan in-nutar.

35.      Peress li n-nutara ma jintervjenux fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-partijiet, il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar ma tistax, bħala tali, titqies bħala parir legali. Fid-dawl tad-definizzjoni komuni mogħtija lil dak it-terminu (13), sabiex titqies bħal parir legali, l-awtentifikazzjoni ta’ dokument minn nutar tkun teħtieġ li dak in-nutar jipprovdi opinjoni, mil-lat legali, dwar dak li l-partijiet għandhom jiftiehmu, pereżempju, meta jiddefinixxu t-termini kuntrattwali ta’ dak id-dokument jew dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tat-tranżazzjoni għal dawk il-partijiet. Madankollu, l-awtentifikazzjoni ta’ dokument, li fil-konklużjoni tiegħu nutar jikkonferma biss il-legalità tat-tranżazzjoni kkonċernata u japprovah bl-awtorità ta’ infurzar (14), ma tinvolvix tali parir.

36.      Dan huwa l-każ anki meta n-nutar jirrifjuta li jawtentika dokument jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi. F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li l-partijiet jibqgħu liberi, wara tali rifjut, li jirrimedjaw l-illegalità, jemendaw il-kundizzjonijiet fid-dokument jew ftehim, jew jabbandunaw id-dokument jew il-ftehim (15).

37.      Minn dan isegwi li l-kompitu mwettaq minn nutar, meta jawtentika kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, ma huwiex kopert mill-ewwel parti tal-ispjegazzjoni li tinsab fil-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904.

38.      Konklużjoni simili, fil-fehma tiegħi, tapplika għat-tieni parti ta’ din l-ispjegazzjoni, li tirreferi, kif diġà ġie nnutat, għall-parteċipazzjoni mal-klijenti jew f’isimhom fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati u trattati oħra ma’ partijiet terzi. Meta jawtentika dokument, huwa evidenti li nutar ma jintervjenix, flimkien mal-partijiet li jitolbu dik l-awtentifikazzjoni jew bħala r-rappreżentant tagħhom, fi kwalunkwe tranżazzjoni, negozjar jew trattat ma’ partijiet terzi oħra.

39.      Finalment, fir-rigward tat-tielet parti tal-ispjegazzjoni li tinsab fil-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, li tirreferi għat-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali, huwa minnu li dawn huma, fl-ewwel qari, il-kompiti li nutar iwettaq meta jittratta talba ta’ awtentifikazzjoni. Madankollu, ma naħsibx li dan huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ minn nutar tinqabad mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

40.      Fil-fatt, huwa importanti li jiġi osservat, kif sostna l-Kunsill waqt is-seduta, li, sa fejn il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 tipprovdi spjegazzjoni għat-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” fis-sens tal-Artikolu 5n(2) Regolament Nru 833/2014, kwalunkwe wieħed mill-kompiti msemmija f’din l-ispjegazzjoni għandu jinkorpora l-elementi essenzjali ta’ dan it-terminu. Fost dawk l-elementi tispikka n-natura “ta’ konsulenza” tagħhom.

41.      Konsegwentement, il-kompiti ta’ tħejjija, eżekuzzjoni u verifika ta’ dokumenti legali, kif jirriżultaw mill-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, għandhom jinvolvu element ta’ pariri legali sabiex jiġu inklużi taħt it-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

42.      F’din il-kawża, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punt 30 iktar ’il fuq, ma naħsibx li t-tħejjija u l-verifika li nutar huwa mitlub iwettaq fl-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli jinkludu dan l-element ta’ konsulenza. Dan l-element, bħala prinċipju, lanqas ma huwa preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt awtentikat, li ser neżamina fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari (16).

43.      F’dan ir-rigward, huwa minnu, l-ewwel, li, matul il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, in-nutar għandu jivverifika l-intenzjonijiet tal-partijiet u, f’xi okkażjonijiet, jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-miktub f’forma standardizzata, li tista’ tinvolvi t-tħejjija u l-verifika ta’ dokument legali. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa biss sabiex jiġi żgurat li d-dokument awtentikat ikun imħejji fil-forma debita u xierqa, kif meħtieġ mil-liġi (17), sabiex dak id-dokument jikseb il-fiduċja pubblika u jsir kompletament affidabbli u infurzabbli. It-tħejjija u l-verifika tad-dokument legali msemmi f’dan il-kuntest ċertament ma tinvolvix l-għoti ta’ pariri lill-partijiet fir-rigward ta’ kif l-aħjar jiġi żgurat li x-xewqat tagħhom jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari f’termini kuntrattwali.

44.      It-tieni, anki jekk nutar ikollu jinforma lill-partijiet, matul il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-effetti li jirriżultaw mill-awtentifikazzjoni tad-dokument ikkonċernat – kif huwa meħtieġ, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, taħt id-dritt Ġermaniż – dan il-kompitu ma jinkludix il-provvista ta’ pariri għall-promozzjoni tal-interessi speċifiċi ta’ waħda mill-partijiet jew tat-tnejn li huma. Dan huwa dmir impost mil-liġi u l-għan tiegħu huwa ta’ spjegazzjoni sabiex il-partijiet ikollhom fehim xieraq tal-implikazzjonijiet ta’ dik il-proċedura. B’dan il-mod, in-nutar jiggarantixxi wkoll li l-partijiet f’kuntratt jieħdu deċiżjoni infurmata meta jikkonkludu l-ftehim li jkunu taw il-kunsens tagħhom għalih preċedentement.

45.      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li nutar, matul proċedura ta’ awtentifikazzjoni, jagħti pariri legali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma humiex relatati mal-awtentifikazzjoni, f’liema każ issir applikabbli din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan huwa element li, mil-lat kunċettwali, huwa differenti mill-awtentifikazzjoni nnifisha u li jista’ jiġi evalwat biss mill-qorti adita bil-kwistjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ partikolari.

46.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk, l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ma taqax taħt it-tielet parti tal-ispjegazzjoni li tinsab fil-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, sakemm, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtentifikazzjoni, dak in-nutar ma jipprovdi l-ebda parir legali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma humiex relatati mal-awtentifikazzjoni.

47.      Minn dan isegwi li, peress li l-ebda waħda mill-attivitajiet deskritti f’din il-premessa ma tikkorrispondi għall-kompiti mwettqa minn nutar meta jawtentika kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, din l-awtentifikazzjoni ma għandhiex titqies bħala l-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

48.      Nixtieq inżid li, sabiex tintlaħaq din l-aħħar konklużjoni, huwa irrilevanti jekk il-lista ta’ attivitajiet li tidher fil-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 hijiex eżawstiva jew le. Kif spjegat iktar ’il fuq, dawn l-attivitajiet għandhom ikunu ta’ natura konsultattiva, li ma huwiex il-każ tal-awtentifikazzjoni ta’ dokument skont l-analiżi li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

49.      Barra minn hekk, huwa irrilevanti wkoll, għall-istess raġuni, jekk il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni tistax titqies bħala “servizz”, għall-finijiet tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 (18). Peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “servizzi ta’ konsulenza legali” u mhux għal “servizzi legali”, il-projbizzjoni stabbilita fiha hija applikabbli biss għas-servizzi li jinvolvu l-għoti ta’ pariri, li, għal darba oħra, ma huwiex fil-fehma tiegħi l-każ tal-kompiti ta’ awtentifikazzjoni mwettqa min-nutara.

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, moqrija fid-dawl tal-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, twassalni sabiex nikkonkludi li l-proċedura ta’ awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar ma tinqabadx mill-projbizzjoni stabbilita f’dak l-artikolu, sakemm ma jingħatax parir legali supplimentari, lil hinn minn dik l-awtentifikazzjoni, min-nutar.

b)      Interpretazzjoni kuntestwali

51.      L-interpretazzjoni testwali ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni, li hija bbażata fuq il-kliem tagħha biss, tista’ tiġi evalwata mill-ġdid wara li din id-dispożizzjoni titqiegħed fil-kuntest u tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu (19).

52.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk il-qari testwali tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, kif propost fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwiex sostnut iktar, bħala kwistjoni ta’ koerenza sistematika, meta dik id-dispożizzjoni titqies fid-dawl ta’ artikoli rilevanti oħra ta’ regolament u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li timponi miżuri restrittivi fuq persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra wkoll jekk l-interpretazzjoni testwali proposta hijiex l-interpretazzjoni korretta li għandha tiġi adottata fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

53.      L-ewwel, fir-rigward tal-koerenza interna tar-Regolament Nru 833/2014, nosserva li l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jistabbilixxi, essenzjalment, il-projbizzjoni ta’ involviment, direttament jew indirettament, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ persuni ġuridiċi li, minbarra li jkunu stabbiliti fir-Russja, ikunu jappartjenu lill-Istat Russu jew huma kkontrollati minnu, jew jippreżentaw rabtiet mill-qrib ma’ dak l-Istat jew mal-persuni ġuridiċi elenkati fl-Anness XIX ta’ dak ir-regolament.

54.      B’kuntrast ma’ dan, la l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014, u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tiegħu, ma jipprojbixxu d-dħul fi tranżazzjoni ma’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja li ma jkollhiex konnessjonijiet mal-Istat Russu jew li ma toperax fis-setturi ekonomiċi speċifikament koperti minn dak ir-regolament. L-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tipprojbixxi espressament lill-persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja milli jiddisponu mill-assi tal-proprjetà immobbli tagħhom li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

55.      Kif sostnew il-maġġoranza tal-partijiet waqt is-seduta, huwa għalhekk diffiċli li, għal raġunijiet ta’ koerenza, l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-proċedura ta’ awtentifikazzjoni mwettqa min-nutara – fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ proprjetà minn persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja – filwaqt li, fl-istess ħin, ma tiġi stabbilita l-ebda restrizzjoni fuq id-disponiment minn dawk il-persuni tal-assi immobbli tagħhom.

56.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtentifikazzjoni notarili tal-kuntratt ta’ bejgħ tikkostitwixxi, speċjalment fl-Istati Membri li joperaw sistema ta’ nutara tad-dritt ċivili, rekwiżit essenzjali għad-disponiment ta’ proprjetà immobbli (20).

57.      Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż, li, kif jirriżulta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (21), jeħtieġ, sa fejn huwa kkonċernat l-akkwist u t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli, l-awtentifikazzjoni minn nutar tad-dokument li jikkonferma t-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà sabiex dak it-trasferiment jiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet.

58.      Fil-fatt, l-awtentifikazzjoni notarili hija meħtieġa f’dawn l-Istati Membri sabiex isir dħul fir-reġistru tal-artijiet sabiex tiġi żgurata l-eżattezza ta’ dan id-dħul u b’hekk tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà u, b’mod iktar ġenerali, tiġi ssalvagwardjata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (22). Fl-istess ħin, ir-reġistru tal-artijiet u l-funzjonament tajjeb tiegħu huma ta’ importanza kruċjali, peress li l-infurzabbiltà tad-drittijiet tal-akkwirent il-ġdid tiddependi fuq id-dħul f’dak ir-reġistru (23).

59.      Minn perspettiva sistematika, jirriżulta għalhekk li, sa fejn (i) l-awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar tkun, f’ċerti Stati Membri, rekwiżit essenzjali għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli u (ii) dan it-trasferiment ma jkunx espressament ipprojbit bir-Regolament Nru 833/2014 għal persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja li ma jkunux ikkontrollati jew proprjetà tal-Istat Russu jew jippreżentaw rabtiet mill-qrib ma’ dak l-Istat, din l-awtentifikazzjoni ma għandhiex titqies bħala pprojbita skont l-Artikolu 5n(2) ta’ dan ir-regolament. Inkella, ikun hemm riżultat inkoerenti meta jiġi applikat dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jiġu permessi ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet filwaqt li jiġu pprojbiti l-uniċi mezzi sabiex jitwettqu (24).

60.      Fil-fehma tiegħi, tista’ tintlaħaq konklużjoni simili minn perspettiva kuntestwali usa’, b’mod partikolari jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-istrument legali l-ieħor tal-Unjoni li jimponi miżuri restrittivi fuq persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja rilevanti fil-kuntest attwali, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (25). Dan ir-regolament jistabbilixxi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

61.      B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-regolament jipprovdi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà, miżmuma jew ikkontrollati minn kwalunkwe persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I tiegħu, għandhom jiġu ffriżati.

62.      F’dan il-każ, kif osserva l-Gvern Ġermaniż, il-persuni ġuridiċi kkonċernati mill-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju ma tidhirx fil-lista f’dak l-anness, li jfisser li ma kienet suġġetta għal ebda waħda mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi previsti minn dak ir-regolament. Kieku l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jipprojbixxi lil din il-persuna milli tiddisponi mill-fondi u l-assi tagħha, huwa seta’ rrikorra għall-istess tip ta’ miżuri stabbiliti fir-rigward tal-persuni jew entitajiet ġuridiċi kkonċernati minn dik il-lista.

63.      Għal din ir-raġuni, jekk l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli minn nutar, meta din l-awtentifikazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali għad-dħul fir-reġistru tal-artijiet ta’ Stat Membru, tali interpretazzjoni ċċaħħad lill-persuna ġuridika kkonċernata minn kull possibbiltà li tiddisponi mill-assi tagħha u tpoġġiha f’pożizzjoni simili għal dawk elenkati fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma tidhirx li hija l-espressjoni tal-intenzjoni tal-Kunsill.

64.      Minn dan isegwi li l-unika interpretazzjoni li tevita kull inkonsistenza bejn dawn iż-żewġ regolamenti tkun l-interpretazzjoni skont liema l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li jikkonċerna persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma hijiex ipprojbita taħt l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

65.      Finalment, huwa importanti li jiġi rrilevat li, sa fejn interpretazzjoni skont liema l-proċedura ta’ awtentifikazzjoni tammonta għal servizz ta’ konsulenza legali, tirriżulta fl-impossibbiltà għal persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja sabiex jiddisponu mill-assi immobbli tagħhom, interpretazzjoni bħal din tagħti lok, skont id-definizzjoni (26), għal limitazzjoni tad-dritt fundamentali tagħhom għall-proprjetà, minqux fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Dan l-artikolu jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt.

66.      Madankollu, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi l-ewwel u qabel kollox. F’dan il-każ, kif jargumenta l-Gvern Finlandiż, dan huwa rekwiżit li ma jiġix issodisfatt, peress li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 ma tistabbilixxi projbizzjoni espressa għall-persuni ġuridiċi kollha stabbiliti fir-Russja milli jiddisponu mill-assi tal-proprjetà immobbli tagħhom.

67.      Konsegwentement, interpretazzjoni li tirriżulta fil-projbizzjoni tal-awtentifikazzjoni notarili ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli fuq il-bażi tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 – u għalhekk fil-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja – hija wkoll inkonsistenti mal-Artikolu 17(1) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni kuntestwali tar-Regolament Nru 833/2014 ma twassalx għal konklużjoni differenti minn dik milħuqa wara l-qari testwali tal-Artikolu 5n(2) ta’ dan ir-regolament, kif stabbilit fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, hija ssostni l-fehma li l-proċedura ta’ awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

69.      Għandi nżid fil-qosor li l-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat li l-attivitajiet notarili huma koperti mill-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” fil-Gwida tagħha dwar l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014 (27) ma għandu l-ebda importanza. Il-Kummissjoni korrettament tirrikonoxxi f’din il-gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex tinterpreta r-regolamenti applikabbli fil-qasam tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, li jfisser li din il-gwida ma tista’ tiddetermina bl-ebda mod ir-riżultat tal-analiżi tiegħi dwar l-interpretazzjoni xierqa li għandha tingħata lill-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

c)      Interpretazzjoni teleoloġika

70.      Finalment, fir-rigward ta’ jekk il-qari testwali tar-Regolament Nru 833/2014 li nipproponi huwiex konformi mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, huwa importanti li jitfakkar li r-Regolament 2022/1904 – li emenda r-Regolament Nru 833/2014 sabiex, b’mod partikolari, idaħħal l-Artikolu 5n(2) fih – ġie adottat fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)  2022/1909 (28). Dik id-deċiżjoni tiddeskrivi s-sekwenza ta’ avvenimenti li mmotivaw lill-Kunsill sabiex jintroduċi iktar miżuri restrittivi (29), li taw lok għal dak imsejjaħ “It-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet” (30). Skont il-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2022/1909, dawk il-miżuri l-ġodda essenzjalment ġew introdotti sabiex jiġġieldu l-azzjonijiet illegali tar-Russja u jkomplu jżidu l-pressjoni fuq dak il-pajjiż sabiex itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu.

71.      Jiena ninnota, madankollu, li, fir-rigward tal-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali, ma tingħata l-ebda spjegazzjoni konkreta fid-Deċiżjoni 2022/1909 – u għalhekk fir-Regolament 2022/1904 – sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni tal-provvista ta’ dawn is-servizzi lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Lanqas ma tista’ tinstab spjegazzjoni, bħala eżempju, fir-rigward tal-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi oħra koperti mill-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 – jiġifieri servizzi ta’ arkitettura u ta’ inġinerija u servizzi ta’ konsulenza informatika – u l-Artikolu 5n(1) ta’ dan ir-regolament (31) – jiġifieri, b’mod partikolari, servizzi ta’ kontabbiltà, verifika, żamma ta’ kotba jew konsulenza dwar it-taxxa, eċċ.

72.      Il-partijiet jaqblu li l-projbizzjoni li tikkonċerna dawn is-servizzi rilevanti għan-negozju tifforma parti mill-għan ġenerali li tiddgħajjef b’mod strateġiku l-bażi ekonomika u industrijali Russa, b’mod partikolari l-infrastruttura militari-industrijali, sabiex tiġi mminata l-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tkompli tiffinanzja u tmexxi l-gwerra. B’kuntrast ma’ dan, huma ma jaqblux dwar jekk dan l-għan ġenerali jimplikax ukoll l-għan li jiġu eliminati kull forma ta’ tranżazzjonijiet ma’ persuni ġuridiċi sempliċement stabbiliti fir-Russja jew, alternattivament, l-għan li l-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea jsiru iktar diffiċli għal dawn il-persuni.

73.      Kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Olandiż u dak Estonjan, insibha ċara, għar-raġunijiet diġà esposti fl-analiżi kuntestwali tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, li projbizzjoni assoluta ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja ma kinitx intiża meta ġew adottati d-Deċiżjoni 2022/1909 u r-Regolament 2022/1904. Din il-projbizzjoni assoluta kienet prevista biss fir-rigward ta’ setturi ekonomiċi speċifiċi u fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi speċifiċi li jippreżentaw konnessjoni mill-qrib mal-Istat Russu. Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 hija espliċita f’dan ir-rigward, peress li tirreferi għall-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha biss fir-rigward ta’ “ċerti” persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi proprjetà tal-Istat Russi jew ikkontrollati mill-Istat (32).

74.      Sussegwentement, abbażi tal-preżunzjoni li l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi rilevanti għan-negozju taħt l-Artikolu 5n(1) u (2) tar-Regolament Nru 833/2014 ġiet introdotta bħala mezz sabiex tiġi kkawżata ħsara lill-ekonomija tar-Russja, jista’ jiġi dedott, l-ewwel, li l-Kunsill qies din l-ekonomija bħala dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta’ dawk is-servizzi minn impriżi u ditti Ewropej (33). Ċertament, l-attivitajiet notarili ma jistgħux ikunu suġġetti għall-importazzjoni, li jfisser li l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Unjoni ma taffettwax dan il-għan.

75.      It-tieni, huwa importanti li jiġi rrilevat li wieħed mit-tħassib ewlieni espress mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2022/1909, b’mod partikolari fil-premessa 5 tagħha, kien il-ħtieġa li tiġi evitata b’mod ulterjuri ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet adottati fir-rigward ta’ entitajiet Russi (34). Meta tinqara fid-dawl ta’ din il-premessa, il-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali, li hija waħda min-novitajiet normattivi ewlenin introdotti bid-Deċiżjoni 2022/1909, għandha tinftiehem ukoll bħala mod sabiex tipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi legali milli jgħinu lill-entitajiet Russi, permezz tal-pariri tagħhom, sabiex jevitaw l-effetti tas-sanzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ tal-awtentifikazzjoni notarili ta’ kuntratt ta’ bejgħ, naraha ċara li, sa fejn tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni ġuridiċi sempliċement stabbiliti fir-Russja ma jkunux ipprojbiti mir-Regolament Nru 833/2014, dan ma jfixkilx – jew jgħin iċ-ċirkomvenzjoni ta’ – l-effetti tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest attwali.

76.      Finalment, jekk wieħed jassumi li l-Kunsill adotta l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali sabiex ikun hemm impatt fuq l-ekonomija tar-Russja, jiġifieri minħabba li, fin-nuqqas ta’ dawn is-servizzi, ikun iktar diffiċli għall-entitajiet Russi li joperaw fit-territorju tal-Unjoni Ewropea sabiex iżommu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom f’dan it-territorju. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja li tneħħi l-investiment ta’ proprjetà immobbli fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tkun tista’ tirrikorri għand nutar għall-awtentifikazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, hija fil-fatt l-aħjar indikazzjoni li din il-persuna ġuridika tkun qiegħda ttemm l-attivitajiet tagħha fit-territorju tal-Unjoni u tirrinunzja għall-benefiċċji ekonomiċi li dawk l-attivitajiet jistgħu jiġġeneraw. Minn din il-perspettiva, l-intervent tan-nutar f’dik it-tranżazzjoni ma jmurx kontra l-għan li tiddgħajjef il-bażi ekonomika Russa mfittex mill-Kunsill.

77.      Konsegwentement, l-interpretazzjoni skont liema l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ imwettqa minn nutar ma tikkostitwixxix “servizzi ta’ konsulenza legali”, fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, ma hijiex f’kontradizzjoni mal-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni 2022/1909, kif sussegwentement implimentati bir-Regolament 2022/1904. Din l-interpretazzjoni, minflok, tikkorrobora l-fehim testwali ta’ dan l-artikolu li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

78.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-kanoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni eżaminati fil-punti preċedenti ma jwassal għall-konklużjoni li l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tikkostitwixxi servizzi ta’ konsulenza legali fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

79.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk, din l-awtentifikazzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala pprojbita taħt din id-dispożizzjoni.

2.      L-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014

80.      Fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti tiegħi, huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li ser nippreżenta fil-qosor l-fehma tiegħi dwar jekk l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi eżentata abbażi tal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014.

81.      Skont dan l-artikolu, il-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja, kif stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, ma għandhiex tapplika għall-provvista ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ, sakemm il-provvista ta’ tali servizzi tkun konsistenti mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament u tar-Regolament Nru 269/2014 (35).

82.      L-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014 għalhekk jeħtieġ, sabiex tiġi applikata l-eżenzjoni li hemm fih, li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: l-ewwel, l-aċċess ikkonċernat għandu jirrigwarda proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ, it-tieni, is-servizzi ta’ konsulenza legali eżaminati għandhom ikunu strettament neċessarji sabiex jiġi żgurat dan l-aċċess u, it-tielet, dawn is-servizzi ma għandhomx jippreġudikaw l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 833/2014 u r-Regolament Nru 269/2014.

83.      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, diġà rrimarkajt li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reġistru tal-artijiet huwa ta’ importanza kruċjali għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, speċjalment fl-Istati Membri li joperaw sistema ta’ nutara tad-dritt ċivili (36). Essenzjalment, huwa biss dħul fir-reġistru tal-artijiet li jista’ jistabbilixxi d-drittijiet tas-sid il-ġdid u jagħmilhom infurzabbli.

84.      Barra minn hekk, meta ż-żamma tar-reġistru tal-artijiet fi Stat Membru tkun fdata lill-qrati lokali u tkun irregolata minn regoli ta’ proċedura ġudizzjarji, din ir-reġistrazzjoni għandha titqies koperta mit-terminu “proċedimenti ġudizzjarji” għall-finijiet tal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014. Anki kieku, minkejja l-kompetenza ta’ dawn il-qrati, proċeduri relatati mar-reġistru tal-artijiet ma kellhomx jiġu kkunsidrati bħala ta’ natura ġudizzjarja, huma, fi kwalunkwe każ, ikunu kklassifikati bħala amministrattivi. Dan ikun ukoll il-każ f’dawk is-sistemi ġuridiċi fejn ir-reġistru tal-artijiet jagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru nnifsu (37).

85.      Fiċ-ċirkustanzi ta’ każ simili għal dak fil-kawża prinċipali, l-ewwel kundizzjoni għalhekk tkun issodisfatta, peress li dawn l-elementi kollha jidhru li huma preżenti abbażi tad-deċiżjoni tar-rinviju.

86.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, li tikkonċerna n-neċessità stretta tas-servizzi eżaminati sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, il-karatteristika ewlenija ta’ din il-kundizzjoni hija bbażata fuq il-fatt li dawk is-servizzi huma essenzjali għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri. Fil-każ tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni mwettqa minn nutar, din il-kundizzjoni għandha titqies bħala ssodisfatta jekk, l-ewwel, tali awtentifikazzjoni tkun tista’ ssir biss minn dawn il-professjonisti u, it-tieni, tkun rekwiżit obbligatorju għall-introduzzjoni ta’ dħul fir-reġistru tal-artijiet (38).

87.      Għal darba oħra, dan ikun applikabbli, pereżempju, f’każ simili għal dak fil-kawża prinċipali, fejn, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, in-nutara għandhom kompetenza esklużiva kemm sabiex joħolqu atti pubbliċi dwar tranżazzjonijiet privati kif ukoll sabiex jiċċertifikaw pubblikament atti legali privati (39). Fl-istess ħin, ir-reġistru tal-artijiet huwa aċċessibbli biss jekk tkun awtentikata tranżazzjoni privata (40), li jinvolvi li l-kriterju ta’ neċessità stretta jkun issodisfatt bis-sħiħ.

88.      Finalment, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, ninnota fil-qosor, b’konformità mal-analiżi teleoloġika mwettqa fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-eżenzjoni tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ li tikkonċerna persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma tippreġudikax l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament jew mir-Regolament Nru 296/2014, abbażi tal-preżunzjoni, ovvjament, li l-persuna ġuridika involuta fit-tranżazzjoni ma tkunx elenkata f’dan ir-regolament tal-aħħar jew ikollha xi waħda mir-rabtiet stabbiliti fl-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014.

89.      Minn dan isegwi li l-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ minn nutar fi tranżazzjoni li tinvolvi persuna ġuridika stabbilita fir-Russja tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014. Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din l-awtentifikazzjoni taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, din l-awtentifikazzjoni għandha xorta tiġi eżentata taħt il-paragrafu 6 tiegħu.

B.      It-tielet domanda

90.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk l-Artikolu 5n(2) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxix nutar milli jesegwixxi kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja wara l-awtentifikazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fir-rigward ta’ tliet kompiti li l-partijiet jistgħu jagħtu lin-nutar, jiġifieri l-iżgurar tal-kustodja sigura tal-flus tax-xiri u l-ħlas tagħhom, il-kanċellazzjoni tal-interessi ta’ garanzija eżistenti imposti fuq il-proprjetà, u d-dħul fir-reġistru tal-artijiet tat-trasferiment tat-titolu favur is-sidien il-ġodda.

91.      Kif jirriżulta mill-punti 30 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-premessa 19 tar-Regolament  2022/1904 tippreċiża li t-terminu “servizzi ta’ konsulenza legali” ikopri l-eżekuzzjoni ta’ dokumenti legali. Madankollu, dan il-kompitu ma jistax jiġi inkluż taħt l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 sakemm ma jinkludix element ta’ pariri, li għaldaqstant isir l-istandard li taħtu għandha tiġi analizzata d-domanda preżenti tal-qorti tar-rinviju.

92.      Nixtieq infakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma liberi, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jistabbilixxu regoli dwar l-infurzar ta’ atti legali u li jassenjaw rwol lil nutara fi ħdan dik il-proċedura (41). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tagħti lin-nutara r-responsabbiltà li jwettqu ċerti kompiti ta’ infurzar għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ladarba dan ikun ġie awtentikat.

93.      Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnutat li l-fatt li l-kompiti ta’ eżekuzzjoni koperti minn din id-domanda jistgħu jitwettqu, pereżempju, mill-partijiet infushom jew saħansitra minn partijiet terzi, ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kompiti humiex ipprojbiti taħt l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014. Fil-fatt, filwaqt li l-kriterju tan-neċessità stretta huwa fil-qalba tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) ta’ dak ir-regolament, fejn l-analiżi trid tikkonċentra fuq jekk kompitu partikolari jikkostitwixxix parir legali jew le.

94.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, anki jekk l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma hijiex partikolarment eżawrjenti, insibha diffiċli li nidentifika, minn perspettiva stretta, element ta’ pariri legali fil-kompiti konkreti msemmija minn dik il-qorti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli. Dawk il-kompiti fil-fatt huma l-passi li awtomatikament jiġu wara l-awtentifikazzjoni ta’ dak il-kuntratt.

95.      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kustodja sigura u l-ħlas tal-flus tax-xiri, dan il-kompitu ma jistax jitqies bħala servizz ta’ konsulenza legali peress li r-rwol tan-nutar huwa limitat għall-protezzjoni tal-flus tax-xiri miżmuma f’isem ix-xerrej u għall-ħlas ta’ dawn il-flus lill-bejjiegħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddikjarat, f’dan ir-rigward, li d-depożitu ta’ flus għand nutar huwa limitat għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti legali (42).

96.      Dan ir-raġunament huwa applikabbli wkoll għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta’ titolu favur is-sidien il-ġodda fir-reġistru tal-artijiet, li teħtieġ biss il-preżentazzjoni tad-dokument awtentikat f’dan ir-reġistru jew, l-iktar l-iktar, bħal fis-sistema Ġermaniża, introduzzjoni ta’ applikazzjoni bħala sempliċi rekwiżit formali (43).

97.      Finalment, fir-rigward tal-kanċellazzjoni tal-interessi ta’ garanzija eżistenti imposti fuq il-proprjetà, tali servizz lanqas ma jidher li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ servizzi ta’ konsulenza legali. Tali kanċellazzjoni tinvolvi biss, bħala regola, talba quddiem ir-reġistru tal-artijiet, li għandha tinkludi d-dikjarazzjoni tal-kunsens tal-benefiċjarju ta’ dak l-interess ta’ garanzija quddiem nutar (44).

98.      Minn dan isegwi li l-kompiti mwettqa minn nutar sabiex jeżegwixxi kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tkun tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, ladarba dan il-kuntratt ikun ġie awtentikat, ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.

99.      Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar dawn il-kompiti u l-mod kif dawn jitwettqu fis-sistema Ġermaniża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tal-każ fil-kawża prinċipali, jekk jistgħux jitwettqu mingħajr ma jingħata ebda parir legali lill-partijiet.

100. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, peress li dawn il-kompiti jistgħu jitwettqu, mhux biss min-nutara, iżda wkoll minn persuni oħra, inklużi l-partijiet ikkonċernati mill-kuntratt ta’ bejgħ, il-kriterju ta’ neċessità, kif imsemmi hawn fuq, ma jiġix issodisfatt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kompiti mwettqa minn nutar għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, ma naħsibx li dawk il-kompiti jistgħu jiġu eżentati taħt l-Artikolu 5n(6) tiegħu.

C.      It-tieni domanda

101. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 tapplikax għas-servizzi pprovduti minn interpretu li jassisti r-rappreżentant ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja matul il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni.

102. Ninnota li l-intervent ta’ interpretu fil-kuntest tal-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli għandu żewġ għanijiet prinċipali.

103. L-ewwel, l-interpretu jassisti billi jinterpreta konverżazzjonijiet li jsiru bejn persuna u nutar u billi jgħaddi fil-lingwa mitluba l-informazzjoni essenzjali tad-dokumenti li jridu jiġu awtentikati. Dak il-kompitu jiżgura r-rispett tad-dritt li tiġi infurmat matul il-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, b’mod partikolari għall-persuna li teħtieġ l-assistenza ta’ interpretu.

104. It-tieni, interpretu jiggarantixxi l-effettività tal-komunikazzjonijiet orali bejn in-nutar u l-partijiet. Kif diskuss (45), l-att awtentiku jikkostitwixxi prova sħiħa tal-fatti u dikjarazzjonijiet awtentikati min-nutar. Dawk il-fatti huma bbażati fuq l-għarfien personali tiegħu miksuba mill-iskambji orali mal-partijiet. In-nutar irid ikun ċert mill-intenzjonijiet tal-partijiet u, f’xi okkażjonijiet, jikteb id-dikjarazzjonijiet tagħhom b’mod ċar u mingħajr ambigwità. Dawn il-kompiti jagħmlu parti mill-kontroll tal-legalità mwettaq minn nutar, peress li għandhom l-għan li jaċċertaw jekk il-ftehim għandux għan illegali jew diżonest, f’liema każ, in-nutar għandu jirrifjuta l-awtentifikazzjoni.

105. Huwa ċar li l-interpretazzjoni tippermetti l-verifika tar-rekwiżiti legali għall-awtentifikazzjoni tal-kuntratt, li jfisser li n-nuqqas ta’ interpretazzjoni jfixkel l-awtentifikazzjoni nnifisha. Għalhekk, minkejja li tikkostitwixxi servizz anċillari ta’ sempliċi assistenza fil-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, l-interpretazzjoni hija essenzjali sabiex il-proċedura titwettaq b’mod effettiv.

106. Madankollu, jiena persważa li primarjament l-assistenza ta’ interpretu ma taqax fil-portata tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014. Fil-fatt, minkejja l-konnessjoni tagħha mal-awtentifikazzjoni nnifisha, għandi dubji serji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-interpretazzjoni bħala servizz legali, peress li l-professjoni ta’ interpretazzjoni, bħala definizzjoni, ma għandhiex natura legali, anki meta tassisti fit-tħejjija ta’ dokumenti legali. Ir-rwol ta’ interpretu huwa li jwassal verbalment u b’mod preċiż il-kliem ta’ persuna waħda bil-lingwa ta’ oħra, li jinvolvi servizz ta’ komunikazzjoni, irrispettivament mill-kontenut li jkun qiegħed jiġi trażmess.

107. Fil-qosor, jiena nqis li l-attività ta’ interpretazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtentifikazzjoni ma tistax titqies bħala “servizz ta’ konsulenza legali” fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, u għalhekk ma taqax fil-portata ta’ dik id-dispożizzjoni.

V.      Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali, Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 5n(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma hijiex koperta mill-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, sakemm it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet huwa permess għal din il-persuna taħt dik il-leġiżlazzjoni u l-awtentifikazzjoni ma tkunx issupplimentata minn parir legali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(2)      L-Artikolu 5n(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014

għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi pprovduti minn interpretu waqt l-awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma humiex koperti mill-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

(3)      L-Artikolu 5n(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni minn nutar ta’ kuntratt awtentikat ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, li għaliha huwa permess taħt dak ir-regolament l-involviment fi tranżazzjonijiet, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-iżgurar tal-kustodja sigura tal-flus tax-xiri u l-ħlas tagħhom, il-kanċellazzjoni ta’ interessi ta’ garanzija oħra imposti fuq il-proprjetà, u r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tat-trasferiment tat-titolu favur is-sidien il-ġodda, ma taqax fil-portata tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita f’dik id-dispożizzjoni, sakemm it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet huwa permess għal din il-persuna taħt dik il-leġiżlazzjoni u dawn il-kompiti ma jinvolvu l-ebda parir legali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem tal-kawża preżenti huwa isem fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.


2      Regolament tal-Kunsill tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil‑ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil‑ĠU 2022, L 114, p. 214) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”).


3      Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (ĠU 2022 L 259I, p. 3).


4      Disponibbli fuq https://finance.ec.europa.eu/publications/provision-services_en, p. 14 u 15 (“Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014”).


5      Sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, JF (Conversion religieuse ultérieure) (C‑222/22, EU:C:2024:192, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Landkreis Jerichower Land (C‑85/23, EU:C:2024:161, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara, f’dak li jirrigwarda l-ordinament ġuridiku Ġermaniż, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punti 18 u 90). Ara wkoll is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 14 u 89) tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑50/08, EU:C:2011:335, punti 10 u 79) tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑51/08, EU:C:2011:336, punti 13 u 89), tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338, punti 17 u 88) tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑61/08, EU:C:2011:340, punti 15 u 81); tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑157/09, EU:C:2011:794, punti 9 u 62) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C‑151/14, EU:C:2015:577, punt 57).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punti 90 u 91).


9      Ara, bħala eżempju, il-Kunsill tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea, Authentic Acts in Europe, disponibbli fuq http://www.authentic-acts.eu/.


10      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 91).


11      Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 91).


13      Ara, pereżempju, id-definizzjoni tat-terminu “advice” (“parir”) fil-Cambridge Advanced Learner’s Dictionary, disponibbli fuq  https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/advice.


14      Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 126).


15      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 99).


16      Ara l-punti 90 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 90).


18      Ara wkoll il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, li tirreferi għal attivitajiet imwettqa fir-rigward ta’ “klijenti”.


19      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20).


20      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Piringer (C‑342/15, EU:C:2017:196, punt 58).


21      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 25).


22      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Piringer (C‑342/15, EU:C:2017:196, punt 59).


23      Ibid. (punt 58).


24      Fil-qosor għandi ninnota li l-kunsiderazzjoni preċedenti tapplika biss għall-Istati Membri li fihom ikun hemm intervent notarili għat-trasferiment tad-dritt ta’ sjieda ta’ proprjetà immobbli. Fir-rigward tal-Istati Membri li fihom dan ma huwiex il-każ, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, peress li din is-sitwazzjoni ma hijiex is-suġġett tal-kawża preżenti, tali analiżi għandha ssir biss, jekk tkun meħtieġa, fil-qafas ta’ talba speċifika għal deċiżjoni preliminari dwar dawk is-sistemi partikolari.


25      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014 L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”).


26      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 22).


27      Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn l-konklużjonijiet.


28      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022 L 259I, p. 122).


29      Premessi 1 sa 9 tad-Deċiżjoni 2022/1909.


30      Ara l-Istqarrija għall-Istampa tas‑6 ta’ Ottubru 2022, “Ukrajna: L-UE taqbel dwar it-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja”, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_5989.


31      Dan l-artikolu inizjalment iddaħħal fir-Regolament Nru 833/2014 mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/879 tat‑3 ta’ Ġunju 2022 (ĠU 2022 L 153, p. 53), wara dak li jissejjaħ “Is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet”.


32      Ara wkoll il-premessa 16 tar-Regolament 2022/1904.


33      Ara l-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2022/1909, li tiddikjara li huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni eżistenti fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi “lill-Federazzjoni Russa”. Ara wkoll, għal dan il-għan, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Xi jfissru s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja – Liema servizzi tal-UE lir-Russja huma pprojbiti?, disponibbli fuq https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/sanctions/restrictive-measures-against-russia-over-ukraine/sanctions-against-russia-explained/.


34      Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 833/2014. Ara wkoll Il-Kummissjoni Ewropea, “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar it-tmien pakkett ta’ miżuri restrittivi kontra r-Russja”, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/qanda_22_5990.


35      Ara wkoll il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904.


36      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara “European Land Registry Association, Responsible Agency”, disponibbli fuq https://www.elra.eu/facts-sheets/description-of-land-registration-systems/responsible-agency/.


38      Ara l-punti 56 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara wkoll P. A. Malavet, “Counsel for the situation: The Latin notary: a historical and comparative model”, Hastings International and Comparative Law Review, Vol. 19(3), 1996, p. 455.


40      Ara wkoll H. Wilsch, “The German ‘Grundbuchordnung’: History, principles and future about land registry in Germany”, Fachbeitrag, Vol. 137, 2012, p. 228.


41      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 118).


43      Għal dak li jirrigwarda s-sistema Ġermaniża, ara H. Wilsch, op. cit., p. 227, u H. Christian and W. Hartmut, “Real property law and procedure in the European Union - National report: Germany”, European University Institute, 2005, p. 11 u 14.


44      Ara, pereżempju, Il-Ministeru Federali għall-Intern u l-Komunità, “Encumbrances and restrictions in the land register Deletion”, disponibbli fuq https://verwaltung.bund.de/leistungsverzeichnis/EN/leistung/99043017064000/herausgeber/BB-109438956/region/12.


45      Ara l-punti 32 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.