Language of document : ECLI:EU:C:2019:693

Kawża C-94/18

Nalini Chenchooliah

vs

Minister for Justice and Equality

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Settembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3(1) u Artikoli 15, 27, 28, 30 u 31 – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’– Ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità fejn jiskonta piena ta’ priġunerija – Rekwiżiti imposti fuq l-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tad-Direttiva 2004/38/KE meta tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz”

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Benefiċjarji – Konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru minbarra dak taċ-ċittadinanza tiegħu – Ċittadin ta’ pajjiż terz li baqa’ fl-Istat Membru ospitanti wara r-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 3(1), 6(2) u 7(2))

(ara l-punti 59-63)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet oħra minbarra dawk ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Garanziji proċedurali – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu wara r-ritorn tal-imsemmi ċittadin fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu mingħajr l-imsemmi ċittadin – Inklużjoni – Deċiżjoni li jista’ jkollha marbuta magħha projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 15, 30 u 31)

(ara l-punti 73, 74, 77-79, 88, u d-dispożittiv)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet oħra minbarra dawl tal-ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Garanziji proċedurali – Applikazzjoni b’analoġija tal-garanziji proċedurali applikabbli fil-każ ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet tal-ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 15, 27, 28, 30 u 31)

(ara l-punti 80-87)

Sommarju

Il-limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku tista’ tapplika għal ċittadina ta’ Stat terz, miżżewġa ma’ ċittadin tal-UE li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment, li, wara r-ritorn tal-konjuġi tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini, ma għandhiex iktar id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn għexet mal-konjuġi tagħha

Fis-sentenza Chenchooliah (C‑94/18), mogħtija fl-10 ta’ Settembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, intalbet tinterpreta l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 (1), li jipprevedi b’mod partikolari li ċerti proċeduri previsti fil-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika [ordni] pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” (2), japplikaw b’analoġija għal kull deċiżjoni li tillimita l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew tal-membri tal-familja tiegħu meħuda għal raġunijiet li ma humiex raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu japplika għal deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat terz minħabba li dan ma jkollux iktar dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan iċ-ċittadin ikun iżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni f’mument meta dan iċ-ċittadin ikun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu meta mar u rrisjeda mal-imsemmi ċittadin fl-Istat Membru ospitanti, u sussegwentement dan iċ-ċittadin ikun mar lura fl-Istat Membru li tiegħu ikollu ċ-ċittadinanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li dan jimplika li ċerti garanziji stabbiliti mid-direttiva fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tiegħu adottati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (3) huma neċessarji matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li fl-ebda każ ma jista’ jkollha magħha projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

Din is-sentenza tidħol fil-kuntest ta’ bejn ċittadina Mawrizjana, residenti fl-Irlanda, u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza), dwar deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda fir-rigward tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-Liġi Irlandiża tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni, wara r-ritorn tal-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, jiġifieri l-Portugall, fejn qed jiskonta piena ta’ priġunerija. Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kellha magħha, skont id-dritt nazzjonali, ex officio projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal żmien indeterminat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ikkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu huwa jkollu ċ-ċittadinanza u għalhekk ma jkunx għadu jeżerċita, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadin ta’ Stat terz konjuġi tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma jkollux iktar il-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens ta’ din id-direttiva (4), meta jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti u ma tirrisjedix iktar mal-konjuġi tiegħu.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk it-telf ta’ din il-kwalità jkollu bħala konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx għadu jibbenefika mid-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li tiegħu huwa kien detentur għal ċertu żmien, peress li ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom dawn id-drittijiet huma suġġetti, dan it-telf madankollu ma jimplikax li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax iktar għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ dan iċ-ċittadin mill-Istat Membru ospitanti, għal tali raġuni. Fil-fatt, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 (5), li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jipprevedi s-sistema li hija applikabbli meta dritt ta’ residenza temporanja skont din id-direttiva jintemm, b’mod partikolari meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu li, fil-passat, ikun ibbenefika minn dritt ta’ residenza sa tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza inkwistjoni u jkun jista’ għalhekk, bħala prinċipju, jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għall-applikazzjoni b’analoġija ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tagħha, dwar b’mod partikolari n-notifika tad-deċiżjonijiet kif ukoll dwar l-aċċess għal rimedji ġudizzjarji (6). Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi kapitolu (7) ma humiex applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra japplikaw biss jekk il-persuna kkonċernata tkun qed tirċievi attwalment minn din id-direttiva dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li jkun jew temporanju, jew permanenti.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tista’ tittieħed fil-kawża prinċipali ma tistax fi kwalunkwe każ ikollha magħha projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju (8).


1      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membru u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


2      Jiġifieri l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31.


3      Jiġifieri l-garanziji rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31.


4      Artikolu 3(1).


5      Artikolu 15.


6      Artikoli 30 u 31.


7      Artikoli 27 u 28.


8      Artikolu 15(3).