Language of document : ECLI:EU:C:2011:827

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2011 (1)

Kawża C‑571/10

Servet Kamberaj

vs

Istituto per l’Edilizia Sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES),

Giunta della Provincia autonoma di Bolzano,

Provincia autonoma di Bolzano

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano (l-Italja)]

“Direttiva 2000/43/KE — Implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika — Direttiva 2003/109/KE — Status taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali kif inhuma ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Possibbiltà tal-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali — Ċaħda ta’ applikazzjoni għal għajnuna għall-akkomodazzjoni — Raġuni għar-rifjut — Eżawriment tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE u 6 TUE, 18 TFUE, 45 TFUE u 49 TFUE, tal-Artikoli 1, 21 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (3), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul (4). It-Tribunale di Bolzano (l-Italja) iqajjem ukoll mistoqsijiet dwar l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (5), u dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 12.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata minn S. Kamberaj, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kontra l-Istituto per l’Edilizia Sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES) (Istitut għall-akkomodazzjoni soċjali tal-Provincia autonoma di Bolzano ), il-Giunta della Provincia autonoma di Bolzano (Kunsill provinċjali tal-Provincia autonoma di Bolzano, iktar ’il quddiem il-“Giunta provinciale”) u l-Provincia autonoma di Bolzano (provinċja awtonoma ta’ Bolzano) dwar ir-rifjut tal-IPES li jagħtih, għas-sena 2009, l-għajnuna għall-akkomodazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(k) tal-Liġi provinċjali Nru 13 (Legge provinciale n. 13), tas-17 ta’ Diċembru 1998, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi provinċjali”). Din l-għajnuna ta’ kull xahar, li hija maħsuba biex tissupplixxi l-kera, hija allokata għall-kerrejja inqas vantaġġati.

I –     Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3.        Huwa biżżejjed li hawnhekk nirriproduċu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva li ser tkun fiċ-ċentru tal-iżviluppi tagħna futuri, jiġifieri d-Direttiva 2003/109.

4.        Il-premessi 2 sa 4, 12 u 13 ta’ din id-direttiva jipprovdu dan li ġej:

“(2)       Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini tal-Istati Membri u li persuna li tkun legalment residenti fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għal żmien twil għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

(3)       Id-Direttiva preżenti tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji, li huma rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-[KEDB] u mill-[Karta].

(4)       L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità, ddikjarata fit-Trattat.

[…]

(12)       Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ resident għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikun jgħix, ir-resident għal żmien twil għandu jgawdi ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini tal-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-direttiva.

(13)       Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta’ perjodu twil għall-benefiċċji bażiċi għandha tinftiehem fis-sens li din l-idea tkopri tal-anqas id-dħul minimu ta’ sostenn, l-assistenza f’każ ta’ mard jew tqala, l-assistenza tal-ġenituri u l-kura f’perjodu twil.Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.”

5.        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għal żmien twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li seħħew minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti.

6.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi r-rekwiżiti għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. L-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 5(1), jeżiġu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jipproduċi prova li huwa għandu għalih u għall-membri tal-familja tiegħu li huma dipendenti minnu, riżorsi stabbli u regolari li jkunu suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jsir użu mis-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, u assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat.

7.        Bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

8.        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 huwa fformulat kif ġej:

“Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

[…]

d)       sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

[…]


f)       aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni;

[…]”

9.        L-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.

B –     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10.      Skont l-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Taljana, l-Istat ma jistax jilleġiżla esklużivament, f’termini ta’ għajnuna soċjali, ħlief għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livelli essenzjali ta’ benefiċċji relatati mad-drittijiet ċivili u soċjali li għandhom ikunu ggarantiti fit-territorju nazzjonali kollu. Lil hinn minn dan il-għan, il-kompetenza taqa’ fuq ir-reġjuni.

11.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 3 (decreto legislativo n.3) tat-8 ta’ Jannar 2007 (6), ittraspona d-Direttiva 2003/109 u inkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 (decreto legislativo n. 286) tal-25 ta’ Lulju 1998 (7).

12.      L-Artikolu 9(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jistipula li l-barrani li għandu, għal mhux inqas minn ħames snin, permess ta’ residenza li huwa fil-proċess ta’ validazzjoni, li juri li huwa għandu dħul ta’ mhux inqas mill-ammont annwali tal-allowances soċjali u, fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna l-membri tal-familja tiegħu, dħul suffiċjenti u akkomodazzjoni xierqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jista’ jitlob lill-Kap tal-Pulizija l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil, għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu.

13.      L-Artikolu 9(12)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 3/2007, tat-8 ta’ Jannar 2007, jipprovdi li, barra mid-dispożizzjonijiet previsti għall-barrani regolarment residenti fl-Italja fit-territorju nazzjonali, persuna li għandha permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil tista’ tibbenefika minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, sigurtà soċjali, dawk li jirrigwardaw sussidji fis-saħħa, edukazzjoni u soċjali u dawk relatati mal-aċċess għall-beni u servizzi disponibbli għall-pubbliku, inkluż l-aċċess għall-proċedura biex tinkiseb l-akkomodazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet pubbliċi, ħlief dispożizzjonijiet kuntrarji u bil-kundizzjoni li jintwera li l-barrani huwa effettivament residenti fit-territorju nazzjonali.

14.      Bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Digriet Nru 670 tal-President tar-Repubblika (decreto del Presidente della Repubblica n. 670), tal-31 ta’ Awwissu 1972 (8), li jikkostitwixxi digriet ta’ livell Kostituzzjonali, il-Provincia autonoma di Bolzano, minħabba l-kompożizzjoni partikolari tal-popolazzjoni tagħha li hija maqsuma fi tliet gruppi lingwistiċi (Taljan, Ġermaniż u Ladin), tgawdi minn kundizzjonijiet ta’ awtonomija partikolari.

15.      Skont l-Artikolu 8(25) tad-Digriet Nru 670/1972, din l-awtonomija tinkludi, b’mod partikolari, is-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet ta’ livell leġiżlattiv fil-qasam ta’ assistenza u ta’ għajnuna pubblika.

16.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 670/1972 jipprovdi li l-Provincia autonoma di Bolzano, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, tuża l-krediti tagħha ddestinati għal skopijiet ta’ assistenza kif ukoll għal skopijiet soċjali u kulturali, fi proporzjon dirett mad-daqs ta’ kull grupp lingwistiku u skont l-ambitu tal-ħtiġijiet ta’ dan il-grupp.

17.      L-għajnuna għall-akkomodazzjoni, prevista fl-Artikolu 2(1)(k), tal-Liġi provinċjali timmira li tippermetti lill-kerrejja inqas vantaġġati biex jagħlqu l-kera tagħhom, hija maqsuma bejn it-tliet gruppi lingwistiċi tal-Provincia autonoma di Bolzano abbażi tal-kriterji msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 670/1972.

18.      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-Liġi provinċjali jipprovdi li l-fondi ddestinati għall-interventi msemmija fl-Artikolu 2(1)(k) ta’ din tal-aħħar għandhom jinqasmu bejn kull applikant tat-tliet gruppi lingwistiċi proporzjonalment mal-medja mwieżna bejn id-daqs numeriku tagħhom — kif tirriżulta fl-aħħar ċensiment ġenerali tal-popolazzjoni — u l-bżonnijiet ta’ kull grupp. Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, il-bżonnijiet ta’ kull grupp lingwistiku huma stabbiliti kull sena fuq bażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati matul kull l-aħħar għaxar snin. L-applikazzjonijiet intiżi sabiex tinkiseb għajnuna għall-akkomodazzjoni għandhom jiksbu mill-inqas 25 punt.

19.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kalkolu tad-daqs numeriku ta’ kull grupp lingwistiku jsir abbażi tal-aħħar ċensiment ġenerali tal-popolazzjoni kif ukoll fuq l-istqarrijiet ta’ appartenenza għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi li ċ-ċittadini Taljani kollha ta’ iktar minn erbatax-il sena u li jirrisjedu fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano huma meħtieġa li jagħmlu.

20.      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju provinċjali, li jeżerċitaw attività professjonali u jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra li huma marbuta mal-għoti ta’ għajnuna fil-qasam tal-akkomodazzjoni għandhom, skont l-Artikolu 5(6) tal-Liġi provinċjali, jiddikjaraw li jappartjenu jew li għandhom konnessjoni ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi.

21.      Skont il-paragrafu 7 tal-Artikolu 5 tal-Liġi provinċjali, il-Giunta provinciale tiddetermina kull sena l-ammont ta’ fondi li għandhom jiġu rriżervati għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni mingħajr stat, li fil-mument tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, jirrisjedu, fuq bażi permanenti u regolari, fit-territorju provinċjali għal mhux inqas minn ħames snin u li jkunu eżerċitaw attività professjonali f’dan it-territorju għal mill-inqas tliet snin. L-għadd ta’ akkomodazzjonijiet bil-kera li jistgħu jingħataw lil dawn iċ-ċittadini u persuni mingħajr stat huwa ddeterminat proporzjonalment mal-medja mwieżna bejn, minn naħa, id-daqs numeriku ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat li jissodisfaw il-kriterji msemmija iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tagħhom. L-ammont tal-fondi għall-akkomodazzjoni ssussidjata għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet li jservu bħala residenza prinċipali kif ukoll għall-għajnuna għal akkomodazzjoni, huwa stabbilit bl-istess kriterji.

22.      Mid-Deċiżjoni Nru 1885 (deliberazione n. 1885) tal-Giunta provinciale, tal-20 ta’ Lulju 2009, dwar l-ammont ta’ fondi ddestinati, għas-sena 2009, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni mingħajr stat fil-medja mwieżna, id-daqs numeriku tagħhom ġie attribwit koeffiċjent 5, filwaqt li l-ħtiġijiet tagħhom ġew attribwiti koeffiċjent 1.

23.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, l-ammont ta’ fondi biex jiffinanzjaw għajnuna għall-akkomodazzjoni, kif ukoll għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat kien stabbilit għal 7.90 % tal-ammont totali tal-fondi previsti taħt il-programm ta’ interventi għas-sena 2009.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24.      S. Kamberaj huwa ċittadin Albaniż ta’ reliġjon Musulmana u ilu jokkupa impjieg stabbli mis-sena 1994 fil-Provincia autonoma di Bolzano. Huwa għandu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat.

25.      Huwa bbenefika, sal-2008, mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(k) tal-Liġi provinċjali (9).

26.      B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, l-IPES informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bir-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għas-sena 2009 minħabba li l-baġit għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1885 tal-Giunta provinciale, tal-20 ta’ Lulju 2009, kien eżawrit.

27.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lit-Tribunale di Bolzano biex jikkonstata d-diskriminazzjoni eżerċitata mill-konvenuti fuqu. Fil-fehma tiegħu, liġi bħal-Liġi provinċjali hija inkompatibbli, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2000/43 u 2003/109 sa fejn din tirriżerva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil trattament inqas favorevoli minn dak previst għaċ-ċittadini tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

28.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Provincia autonoma di Bolzano sostniet li d-distribuzzjoni proporzjonali ta’ għajnuna bejn il-gruppi lingwistiċi residenti fit-territorju tagħha hija l-uniku mod biex iżżomm l-paċi soċjali bejn il-persuni li qed ifittxu għajnuna soċjali.

29.      Skont il-qorti tar-rinviju, sussegwentement għall-adozzjoni tal-Liġi provinċjali, il-popolazzjoni residenti tal-Provincia autonoma di Bolzano hija maqsuma f’żewġ gruppi, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Unjoni (Taljani jew mhux), li għalihom l-aċċess għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa mingħajr distinzjoni suġġett għall-produzzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ appartenenza jew ta’ konnessjoni ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għalihom din id-dikjarazzjoni ma hijiex meħtieġa.

30.      Din il-qorti tindika li, biex jissodisfaw, fl-2009, il-ħtiġijiet ġenerali tal-aċċess għall-akkomodazzjoni bil-kera jew bħala proprjetà, krediti għal ammont totali ta’ EUR 90 812 321.57 (li minnhom EUR 21 546 197.57 f’sussidju għad-dar u EUR 69 266 124 f’għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet imfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ residenza prinċipali) ġew approvati għall-ewwel grupp u krediti għal total ta’ EUR 11 604 595 (li minnhom EUR 10 200 000 f’għajnuna għall-akkomodazzjoni u EUR 1 404 595 f’għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ residenza prinċipali) ġew approvati għat-tieni grupp.

31.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-Tribunale di Bolzano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ supremazija [...] tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tapplika b’mod sħiħ u immedjat ir-regoli tal-Unjoni li jkollhom effett dirett, u li ma tapplikax regoli interni li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni anki jekk dawn [ir-regoli interni] ikunu ġew adottati biex japplikaw prinċipji fundamentali tal-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru?

2)      F’każ ta’ kunflitt bejn regola interna u l-KEDB ir-riferiment tal-Artikolu 6 TUE għall-KEDB, jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tagħti applikazzjoni diretta lill-Artikolu 14 [tal-KEDB] u lill-Artikolu 1 tal-[Protokoll Nru 12], u li ma tapplikax ir-regola interna inkompatibbli, mingħajr, qabel dan, ma jkollha tqajjem kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità quddiem il-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali?

3)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE, l-Artikoli 21 u 34 tal-Karta u d-Direttivi 2000/43[...] u 2003/109[...] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) bħal dik li tinsab fid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 15[2] tad-[Digriet Presidenzjali Nru 670/1972], tal-Artikoli 1 u 5 tal-1 tal-[Liġi provinċjali], kif ukoll fid-[Deċiżjoni Nru 1885], fil-parti fejn għall-benefiċċji kkunsidrati u b’mod partikolari għall-hekk imsejjaħ “sussidio casa” (sussidju għad-dar) [għajnuna għall-akkomodazzjoni] tagħti importanza liċ-ċittadinanza u tagħti lill-ħaddiema residenti li ilhom residenti għal żmien tmien u li ma jappartjenux għall-Unjoni jiġifieri [jew] lill-persuni mingħajr ċittadinanza trattament agħar miċ-ċittadini residenti Komunitarji (Taljani u mhux Taljani)?

F’każ li d-domandi preċedenti jingħataw risposta affermattiva:

4)      F’każ ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni bħall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni [nondiskriminazzjoni] u l-ħtieġa ta’ ċertezza legali, meta teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni li tippermetti lill-qorti ‘tordna t-twaqqif tal-aġir li jikkawża preġudizzju u tadotta kull provvediment ieħor xieraq, skont iċ-ċirkustanzi u [sabiex ittemm] l-effetti tad-diskriminazzjoni’ u li timponi li ‘jiġi ordnat it-twaqqif tal-aġir, tal-imġiba jew tal-att diskriminatorju, fejn ikunu għadhom jeżistu, kif ukoll it-tneħħija tal-effetti’ u tawtorizza li jiġi ordnat ‘sabiex ma jiġux ripetuti, fiż-żmien stabbilit fil-provvediment, pjan ta’ tneħħija tad-diskriminazzjonijiet aċċertati’, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43[...], fil-parti fejn jipprovdi li s-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fost id-diskriminazzjonijiet aċċertati u l-effetti li għandhom jitneħħew, anki sabiex jiġu evitati diskriminazzjonijiet mhux iġġustifikati bil-maqlub, il-vjolazzjonijiet kollha li jsiru fil-konfront tad-destinatarji tad-diskriminazzjonijiet, anki jekk ma humiex parti mill-kawża?

F’każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva:

5)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE, l-Artikoli 21 u 34 tal-Karta u d-Direttivi 2000/43[...] u 2003/109[...], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li teżiġi biss miċ-ċittadini mhux Komunitarji u mhux anki miċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani), li huma ttrattati bl-istess mod biss għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ residenza fit-territorju tal-provinċja ta’ iktar minn 5 snin, li jissodisfaw ir-rekwiżit addizzjonali ta’ tliet snin ta’ attività ta’ xogħol sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?

6)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE u l-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 TFUE flimkien mal-Artikoli 1, 21, 34 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li timponi fuq iċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani) l-obbligu li jiddikjaraw li jappartjenu għal jew jiddikjaraw li jaggregraw ruħhom [etnikament] ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistici preżenti fl-Alto Adige/Südtirol sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?

7)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE u l-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 TFUE flimkien mal-Artikoli 21 u 34 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li timponi fuq iċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani) l-obbligu li jkunu ilhom residenti jew jaħdmu fit-territorju tal-provinċja għal għall-inqas 5 snin sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?”

III – Analiżi tiegħi

32.      Bil-formulazzjoni tas-seba’ domandi li għadni kif irriproduċejt, il-qorti tar-rinviju tixtieq b’mod ċar tikseb deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema implementata mil-Liġi provinċjali dwar l-għajnuna għall-akkomodazzjoni. Fir-rigward tan-natura tal-proċedura preliminari u tal-limitazzjonijiet li jsegwu f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu din ma tistax tagħti deċiżjoni dwar l-aspetti tas-sistema li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-kawża prinċipali.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

33.      L-ewwel nett, għandhom jitfakkru fil-qosor il-prinċipji li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE.

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (10).

35.      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni man-natura vera jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (11).

36.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula mit-Tribunale di Bolzano.

37.       Fl-opinjoni tiegħi, din il-proċedura hija ammissibbli biss fir-rigward tat-tielet domanda.

38.      It-tieni domanda, kif riflessa fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirrigwarda s-soluzzjoni li għandha tiġi adottata mill-qorti nazzjonali li tiltaqa’ ma regola interna li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-KEDB li għandhom effett dirett. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti Kostituzzjonali kkunsidrat li l-inkompatibbiltà ma tippermettix li tkun eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali, iżda timponi fuq il-qorti li tqajjem kwistjoni ta’ natura kostituzzjonali, jekk ma kienx possibbli għaliha li tosserva l-KEDB skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi (12).

39.      Għandu jiġi osservat li, meta kawża titressaq quddiemha skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss (13). Hija, għalhekk, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni preliminari dwar il-konsegwenzi li l-qorti nazzjonali għandha toħroġ mill-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjoni legali nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-KEDB.

40.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, meta dan jipprovdi li s-sanzjonijiet kontra l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ razza jew oriġini etnika għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, jimponix li l-qorti nazzjonali, li tinnota tali ksur, twaqqaf kull ksur li jaffettwa d-destinatarji ta’ diskriminazzjoni, anki jekk dawn ma jkunux parti fil-kawża.

41.      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għad-diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba razza jew oriġini etnika. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma jkoprix id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq ċittadinanza u huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiż terz u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri, u għal kull trattament marbut mal-istatus legali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr Stat ikkonċernati.

42.      Issa, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li S. Kamberaj ma sofra l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba r-razza jew l-oriġini etnika tiegħu. Id-differenza fit-trattament allegatament subita meta pparagunat maċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni, skont il-Liġi provinċjali, hija bbażata fuq l-istatus tiegħu bħala ċittadin ta’ pajjiż terz, u għalhekk fuq iċ-ċittadinanza tiegħu.

43.      Għalhekk, il-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 u għalhekk ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tagħha.

44.      Jiena nikkunsidra, barra minn hekk, li l-ewwel, is-sitt u s-seba’ domandi ma humiex ammissibbli peress li jikkonċernaw is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u taċ-ċittadini nazzjonali li jappartjenu għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi preżenti fil-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano.

45.      Bl-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponix fuq il-qorti nazzjonali li tapplika bis-sħiħ u immedjatament id-dritt tal-Unjoni, billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għal dan id-dritt, anki jekk dawn ir-regoli interni ġew adottati fl-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tas-sistema Kostituzzjonali tal-Istat Membru.

46.      Din id-domanda tirrigwarda, mill-perspettiva tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, l-ambitu tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-minoranzi lingwistiċi u l-implementazzjoni tal-proporzjonalità lingwistika. Dawn l-aspetti huma rilevanti biss fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali ta’ lingwa Ġermaniża, Taljana u Ladina kif ukoll taċ-ċittadini tal-Unjoni.

47.      Bis-sitt u s-seba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddikjaraw li jappartjenu jew li huma konnessi ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi preżenti fil-Provincia autonoma di Bolzano, minn naħa, u li jirrisjedu jew jeżerċitaw impjieg fit-territorju provinċjali għal mhux inqas minn ħames snin, min-naħa l-oħra, biex ikollhom aċċess għall-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

48.      Jiena nemmen li dawn id-domandi huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Din tal-aħħar ma tikkonċernax ċittadin tal-Unjoni, kemm jekk ikun ċittadin Taljan jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, iżda tikkonċerna ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano.

49.      Jiena nemmen ukoll li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għall-ħames domanda, fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjoni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jeżerċitaw attività professjonali għal mhux inqas minn tliet snin biex ikollhom aċċess għall-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni. Huwa, tabilħaqq, paċifiku li S. Kamberaj ilu jirrisjedi u jokkupa impjieg stabbli mis-sena 1994 fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano u li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għall-akkomodazzjoni ma kinitx dovuta għan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni hawn fuq imsemmija. Din il-kwistjoni għalhekk ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

50.      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li biss risposta għat-tielet domanda għandha utilità għal deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Għalhekk jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiffoka biss fuq din id-domanda.

51.      Qabel ma tiġi eżaminata din id-domanda, ser nippreċiża li ma jistax ikun hemm preżunzjoni, fid-dawl tal-analiżi li ser issegwi, tal-fatt li S. Kamberaj għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil taħt l-Artikoli 4 sa 7 tad-Direttiva 2003/109. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-preċiżjoni ta’ din il-konstatazzjoni.

B –     Fuq it-tielet domanda

52.      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk id-Direttiva 2003/109 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija topponi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-qasam ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, tirriżerva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil, trattament żvantaġġat meta pparagunat ma’ dak li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru.

53.      Infakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil igawdu minn ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini fid-diversi oqsma li huma elenkati taħt a) sa h). Minbarra l-kundizzjonijiet diġà inklużi f’bosta minn dawn il-punti kif ukoll fl-Artikolu 11(2) u (3) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri, fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali, li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament għall-benefiċċji prinċipali.

54.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 jirrifletti l-opinjonijiet diverġenti li setgħu ġew espressi waqt id-diskussjoni ta’ dan it-test dwar il-portata li għandu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatus ta’ residenti għal żmien twil u ċ-ċittadini nazzjonali (14). Dawn id-diverġenzi joħorġu ċari meta jiġu pparagunati l-proposta tal-Kummissjoni (15) u t-test finali. Huma wasslu għal affermazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’diversi oqsma u żiedu dan il-prinċipju b’ċertu numru ta’ kundizzjonijiet u ta’ limiti. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata ta’ xi wħud minn dawn il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet kif ukoll il-mod ta’ kif jiġu kkonċiljati, minn naħa, mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/109 u, min-naħa l-oħra, mad-drittijiet fundamentali kif dawn huma b’mod partikolari ggarantiti fl-Artikolu 34 tal-Karta.

55.      Ser neżamina, l-ewwel nett, jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil attwalment ibatux minn, skont id-dispożittiv provinċjali kkontestat, trattament żvantaġġuż fir-rigward ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni meta pparagunati maċ-ċittadini nazzjonali.

56.      Jekk din il-premessa tiġi vverifikata, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2003/109 topponix differenza bħal din fit-trattament, fil-qasam li qed jiġi kkunsidrat.

1.      Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil u ċ-ċittadini nazzjonali

57.      Il-Liġi provinċjali stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ tqassim tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni li bih l-ammont tal-fondi allokati lill-gruppi, li huma kkostitwiti, minn naħa, miċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa ddeterminat skont il-medja mwieżna bejn, minn naħa, in-numru ta’ dawn iċ-ċittadini, u min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet tagħhom.

58.      Rigward l-ewwel grupp, kompost minn ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni, il-fatturi relatati mal-ammont u mal-ħtiġijiet tagħhom huma assenjati bl-istess koeffiċjent, jiġifieri l-koeffiċjent 1.

59.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni grupp, li jikkonsisti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-fattur relatat mal-ammont ġie attribwit koeffiċjent 5, filwaqt li l-bżonnijiet tagħhom ġew assenjati bil-koeffiċjent 1.

60.      Id-determinazzjoni tal-parti tal-fondi mogħtija, fir-rigward tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni, lil kull wieħed miż-żewġ gruppi, ġiet ikkalkolata b’mod differenti. Din id-differenza kellha l-effett li tnaqqas il-parti mill-fondi li għalihom il-grupp li kien jikkonsisti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi kien ikun intitolat kieku l-fatturi relatati mad-daqs numeriku u mal-ħtiġijiet ta’ dan il-grupp ġew assenjati bl-istess koeffiċjent bħal dak applikat għall-ewwel grupp.

61.      B’hekk jirriżulta mill-proċess li, skont il-metodu ta’ kalkolu applikat għat-tieni grupp għall-għajnuna għas-sena 2009, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li kienu jirrappreżentaw 4.44 % tal-popolazzjoni residenti fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano u li kienu jikkostitwixxu 25.16 % tal-ħtiġijiet, ġew assenjati 7.90 % tas-sussidji mħallsa mill-IPES fir-rigward tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni kif ukoll bħala għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet li jservu bħala residenza prinċipali.

62.      Li kieku l-fatturi relatati man-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mall-ħtiġijiet tagħhom kienu ġew assenjati bl-istess koeffiċjent bħal dak applikat għaċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni, tal-ewwel kienu jibbenefikaw minn ammont ikbar tal-fondi, jiġifieri f’ammont ta’ 14.8 %. L-applikazzjoni tal-koeffiċjenti differenti għalhekk ħalliet żvantaġġ fuq il-grupp taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-sens li kkontribwixxiet biex tonqos r-rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet tagħhom għal għajnuna għall-akkomodazzjoni.

63.      Waqt is-seduta, il-Giunta provinciale kkontestat l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni billi argumentat fuq is-sitwazzjonijiet differenti li sabu ruħhom fihom iċ-ċittadini ta’ kull wieħed miż-żewġ gruppi. Għalhekk, filwaqt li n-numru tal-ewwel grupp huwa kkalkolat abbażi ta’ ċensiment li jsir kull għaxar snin, dak tat-tieni grupp jirriżulta minn kalkolu ta’ statistika annwali li min-natura tagħha tkun approssimattiva. Barra minn hekk, il-metodu ta’ kif jiġu kkwantifikati il-ħtiġijiet taż-żewġ gruppi huwa differenti u huwa prattikament impossibbli li jiġi vverifikat il-patrimonju u d-dħul ta’ ċittadini minn pajjiż terz.

64.      Jiena ma nemminx li dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jintwera li ċ-ċittadini taż-żewġ gruppi kienu f’sitwazzjonijiet tant differenti li l-ebda diskriminazzjoni ma tista’ tiġi kkonstatata fir-rigward tal-kalkolu tat-tqassim tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, dawn il-fatturi ma jiġġustifikawx id-daqs tad-differenza, li huwa minn 1 sa 5, bejn il-koeffiċjenti assenjati għan-numru taż-żewġ gruppi. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni ġustament indikat waqt is-seduta, diffikultajiet statistiċi u amministrattivi ma jistgħux jiġġustifikaw trattament differenti bħal dan.

65.      Għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 2003/109 topponix din id-differenza fit-trattament.

2.      Id-Direttiva 2003/109 topponi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil u ċ-ċittadini nazzjonali fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali?

66.      Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, ser nittratta, l-ewwel nett, il-problema li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2003/109. Jien ser nittratta sussegwentement il-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva.

a)      Fuq il-klassifikazzjoni tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2003/109

67.      Il-qasam imsemmi fl-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109 jirrigwarda “aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni”.

68.      Ladarba l-kawża prinċipali tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni u mhux il-kundizzjonijiet għall-assenjazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali mill-awtoritajiet pubbliċi, id-dispożittiv provinċjali kkontestat ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala “l-aċċess għall‑]proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

69.      Barra minn hekk, anki jekk dan l-aħħar terminu, bħal dak ta’ “aċċess għal oġġetti u servizzi” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-aċċess għall-akkomodazzjoni kemm soċjali kif ukoll privata (16), id-dispożittiv relatat mal-għajnuna għall-akkomodazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti ma għandux direttament bħala għan li jirregola l-aċċess għall-akkomodazzjoni, anki jekk huwa inkontestabbli li l-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tista’ jkollha effett konkret fuq il-possibbiltà li għandhom ċerti persuni sabiex jaċċedu għal akkomodazzjoni. Interpretazzjoni partikolarment wiesgħa biss tal-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, li taħtha dan l-artikolu għandu jinftiehem bħala li jkopri r-regoli kollha li jistgħu jaffettwaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni, tippermetti li d-dispożittiv provinċjali kkontestat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Jien mhux favorevoli għal interpretazzjoni daqshekk wiesgħa li twassal, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni tingħata l-istess portata bħal, pereżempju, l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (17), li jipprovdi fl-Artikolu 9(1), f’termini differenti ħafna minn dawk użati fl-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, li “[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru u li hu impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jgawdi l-benefiċċji tad-drittijiet u tal-vantaġġi kollha mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dar fejn jgħix” (18).

70.      Jiena nemmen li hija mill-perspettiva tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tinftiehem. Infakkar li, taħt din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil igawdu minn ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali fir-rigward tas-“sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali”.

71.      Il-kitba li ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv minn dik li oriġinarjament kienet proposta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi Artikolu 12(1)(d) sa (f), li kien jipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil u ċ-ċittadini nazzjonali fil-qasam ta’ “ħarsien soċjali inkluż is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa”, u ta’ “assistenza [għajnuna] soċjali” u ta’ “benefiċċji soċjali u fiskali”.

72.      Il-Kummissjoni għalhekk kellha l-intenzjoni li tapplika portata wiesgħa ħafna għall-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal-tul u ċ-ċittadini nazzjonali fil-qasam soċjali (19).

73.      Ir-retiċenzi ta’ ċerti Stati Membri biex jirrikonoxxu portata daqshekk estiża għal din l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam soċjali wasslu, minn naħa, għat-tneħħija għal riferiment għal benefiċċji soċjali, li huwa magħruf li kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68(20) u, min-naħa l-oħra, għaż-żieda tal-preċiżjoni li biha għandhom jinftiehmu l-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali “kif definiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”.

74.      Il-preżenza ta’ dan ir-riferiment fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 tikkuntrasta mal-atti l-oħra tal-Unjoni li huma intiżi wkoll biex jistabbilixxu ugwaljanza fit-trattament fil-qasam soċjali. Għalhekk, l-Artikolu 3(1)(e) u (f) tad-Direttiva 2000/43 jirreferi għall-“protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa”, kif ukoll “il-vantaġġi soċjali” mingħajr ma jirreferi għad-drittijiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE, tat-12 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (21), kif ukoll l-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva 2009/50 jirreferu, biex jiddefinixxu l-fergħat tas-sigurtà soċjali, għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali lill-persuni impjegati, lill-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (22), u għall-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (23).

75.      Għalkemm jista’ jidher spjaċevoli fir-rigward tal-koerenza bejn l-atti differenti tal-Unjoni fil-qasam soċjali, li jirreferu għal kunċetti simili jew identiċi u li huma xi kultant, barra minn hekk, adottati fuq il-fundament tal-istess bażi legali, jidher, fil-fehma tiegħi, madankollu, diffiċli li jiġi injorat ir-riferiment espliċitu fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Huwa tabilħaqq probabbli ħafna li, mhux talli aċċidentali, iżda ż-żieda ta’ din il-kjarifika kellha bħala għan li tipprekludi interpretazzjoni indipendenti tad-dritt tal-Unjoni f’kull wieħed mill-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva (24). Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-Istati Membri li jiddeterminaw l-iskop ta’ dawn il-kunċetti sabiex huma stess ikunu jistgħu jiddefinixxu l-portata tal-ugwaljanza fit-trattament f’dawn l-oqsma.

76.      Huwa veru li, fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-frażi “kif huma ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali” tikkostitwixxi, a priori, ostakolu għal interpretazzjoni waħda u awtonoma tad-dritt tal-Unjoni li jinżammu kunċetti ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109.

77.      Skont din il-ġurisprudenza, “kemm mill-ħtieġa tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha” (25). Dan ifisser li, a contrario, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tinkludi riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi bħal din.

78.      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu teżamina b’attenzjoni t-termini eżatti tar-riferiment applikat għad-drittijiet nazzjonali sabiex jiġi limitat preċiżament il-marġni ta’ manuvra li jitħalla f’idejn l-Istati Membri. Huwa għalhekk, pereżempju, li hija kkonstatat, rigward id-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (26), li “[il]-frażi ‘bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta’, dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika’ għandha [...] tinftiehem biss għal dawk ir-regoli dettaljati ta’ applikazzjoni tal-leave annwali mħallas fl-Istati Membri differenti [...], [mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu] jissuġġettaw għal xi kondizzjoni li tkun il-kostituzzjoni nnifisha ta’ dan id-dritt li jirriżulta direttament mid-Direttiva 93/104” (27).

79.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffavorixxi interpretazzjoni awtonoma meta t-termini tar-riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri huma ġenerali u li interpretazzjoni bħal din hija indispensabbli biex tiggarantixxi l-għan ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li, dejjem fil-kuntest tad-Direttiva 93/104, iżda din id-darba dwar il-kunċetti ta’ ħin tax-xogħol u ta’ perijodu ta’ mistrieħ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn huma “kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu ddefiniti skond karatteristiċi oġġettivi, fid-dawl tas-sistema u ta’ l-iskop ta’ l-imsemmija direttiva”, billi tippreċiża li “[h]ija biss interpretazzjoni awtonoma bħal din li tista’ tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċità sħiħa tagħha u kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha” (28). L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/104 jiddefinixxi l-kunċett ta’ ħin tax-xogħol bħala “kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali” [(29)]. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din l-aħħar frażi ma tipprekludix li interpretazzjoni awtonoma ta’ dan il-kunċett tiġi applikata fid-dritt tal-Unjoni. Hija tikkunsidra li “il-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett tal-ħin tax-xogħol tirreferi għal-‘liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali’ ma jfissirx illi l-Istati Membri jistgħu b’mod unilaterali jiddeterminaw il-portata ta’ dan il-kunċett” (30).

80.      Il-preċiżjoni tat-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 biex jikkaratterizzaw il-portata tar-riferiment għad-drittijiet ta’ Stati Membri, jiġifieri d-definizzjoni stess tal-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, tipprekludi, fl-opinjoni tiegħi, lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tapplika interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċetti ta’ din id-dispożizzjoni.

81.      Is-sitwazzjoni quddiemi f’din il-kawża hija differenti minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (31), li fiha ddeċidiet li “il-kunċett tas-‘sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat’ [fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (32)] huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal kunċetti tad-dritt nazzjonali” (33). Interpretazzjoni awtonoma bħal din setgħet tkun possibbli sa fejn din id-dispożizzjoni ma kien fiha ebda riferiment għad-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna soċjali li huwa marbut mill-qrib mal-istruttura tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2003/86, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti. Il-kuntrast taż-żewġ kunċetti wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara li “il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, li jidher f’[dan l-artikolu], għandu jiġi interpretat li għandu l-għan li jagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti u mhux bħala għajnuna li tippermetti li tissodisfa l-bżonnijiet straordinarji jew imprevisti” (34).

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tat definizzjoni fis-sentenza Chakroun tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, tal-kunċett ta’ għajnuna soċjali fil-kuntest partikolari tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2003/86, dispożizzjoni li nsibu, barra minn hekk, fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 bħala kundizzjoni relatata mal-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. L-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva huwa madankollu miktub b’tali mod li ma jippermettix la interpretazzjoni awtonoma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċetti li jinsabu fihom, u lanqas traspożizzjoni tad-definizzjoni mogħtija minnha fis-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq.

83.      Dan ma jfissirx madankollu li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ manuvra mingħajr limitu sabiex jiddeċiedu jekk l-għajnuna li jipprovdu fil-ħajja soċjali taqax, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, taħt l-oqsma relatati mas-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali kif huma jiddefinixxuhom. Fil-fehma tiegħi, żewġ sensiliet ta’ limiti jinfluwenzaw il-marġni ta’ manuvra li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli għall-Istati Membri, partikolarment f’każ ta’ ipoteżi bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża fejn hija r-responsabbiltà tagħhom li jiddeterminaw jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

84.      L-ewwel nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-direttiva inkwistjoni u l-effettività tagħha (35). Issa, infakkar li l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/109 tipprovdi li “[l]-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat”. Minn din il-perspettiva, il-premessa 12 ta’ din id-direttiva tippreċiża li, “[s]abiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, [dawn] għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali [(36)],taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva”. Dan jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, kunċett estensiv tal-oqsma soċjali li fihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil għandhom ikunu ttrattati fuq bażi ugwali maċ-ċittadini nazzjonali. L-affermazzjoni ta’ għan bħal dan tipprekludi lill-Istati Membri li jillimitaw b’mod eċċessiv il-benefiċċji soċjali li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil jistgħu jibbenefikaw minnhom taħt l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

85.      It-tieni nett, l-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu direttiva, jikkunsidraw il-Karta, skont l-Artikolu 51(1) tagħha. Issa, huma ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jinjoraw il-fatt li fl-Artikolu 34 tal-Karta, intitolat “Sigurtà soċjali u assistenza soċjali”, tissemma speċifikament l-“għajnuna għall-akkomodazzjoni” fl-Artikolu 34(3). Jidher, għalhekk, estremament diffiċli li Stat Membru, meta jittrasponi l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, jista’ jeskludi għajnuna għal akkomodazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

86.      Ir-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jħallilhom, fir-realtà, marġni ta’ manuvra limitat ħafna jekk huma għandhom l-intenzjoni li jirrestrinġu, fil-qasam soċjali, l-oqsma koperti mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament msemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva.

87.      Definittivament għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiddetermina, filwaqt li tqis l-għan ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil imsemmi f’din id-direttiva kif ukoll fl-Artikolu 34(3) tal-Karta, jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tikkorrispondix għal waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

88.       Jibqa’ issa, li neżamina l-impatt li l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jista’ jkollu f’din il-kawża.

b)       Fuq il-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109

89.      Infakkar li, skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, “[l]-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali”.

90.      Il-premessa 13 ta’ din id-direttiva titfa’ l-ewwel dawl fuq il-portata ta’ din id-dispożizzjoni, billi tindika li “[f]ir-rigward ta’ l-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta’ pejodu twil ta’ żmien għall-benefriċċji prinċipali għandha tiftiehem fis-sens li din l-ideja tkopri ta’ l-anqas dħul minimu ta’ sostenn, assistenza fil-każ ta’ mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f’perjodu twil ta’ żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawk il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali”.

91.      L-użu tal-espressjoni “ta’ l-inqas” jimplika li l-lista tal-għajnuna li hija mniżżla f’din il-premessa ma hijiex eżawrjenti. Nosserva, barra minn hekk, li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ma jinkludi l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali għad-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxu benefiċċji prinċipali skont din id-dispożizzjoni. Ċertament, il-premessa 13 ta’ din id-direttiva fiha riferiment għad-dritt nazzjonali, iżda dan huwa limitat għall-“modalitajiet għall-għoti ta' dawk il-benefiċċji”, jiġifieri għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti u tal-livell ta’ tali benefiċċji kif ukoll ta’ proċeduri relatati magħhom, u ma jestendux għalhekk għad-definizzjoni stess tal-kunċett ta’ benefiċċji prinċipali. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, nemmen li dan huwa kunċett ta’ dritt tal-Unjoni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi skont karatteristiċi oġġettivi, billi tirreferi għas-sistema u għall-finalità tad-Direttiva 2003/109 (37).

92.      Minħabba l-fatt li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 jiftaħ għall-Istati Membri fakultà li jillimitaw il-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva u għalhekk jidderogaw mill-applikazzjoni sħiħa ta’ dan il-prinċipju, l-implementazzjoni ta’ din il-possibbiltà għandha tiġi interpretata b’mod strett.

93.      Kif, ġustament, indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, meta Stat Membru jixtieq jagħmel użu mill-fakultà li joffri l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandu jagħmel dan bi trasparenza totali u b’konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Skont ġurisprudenza stabbilita, “il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom effetti li mhumiex favorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi” (38). Ma hemm xejn li jindika, f’dan il-każ, li l-leġiżlatur nazzjonali u/jew il-gvern provinċjali għamel użu minn din il-possibbiltà billi osserva l-kundizzjonijiet hawn fuq imsemmija (39). Dan l-element irid, naturalment, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

94.      Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxu “benefiċċji prinċipali” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandha tiġi stabbilita filwaqt li jitqies l-għan ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil li, kif ikkonstatajt qabel, huwa fil-qalba tat-tħassib imressaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’diversi premessi ta’ din id-direttiva. Għalhekk, inqis li jikkostitwixxu benefiċċji prinċipali dawk li, billi jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa, jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

95.      Skont il-premessa 3 ta’ din id-direttiva, din “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[KEDB] u mill-Karta”. Jien diġà indikajt ir-raġunijiet li għalihom il-kitba tal-Artikolu 34(3) tal-Karta tagħmel, fil-fehma tiegħi, estremament diffiċli li Stat Membru jista’, sabiex jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, jiddeċiedi li għajnuna għall-akkomodazzjoni bħal dak inkwistjoni ma taqa’ taħt ebda kategorija relatata mas-sigurtà soċjali, mal-għajnuna soċjali u mal-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 34(3) tal-Karta, filwaqt li jirreferi speċifikament għall-“għajnuna għall-akkomodazzjoni” bħala intiża “sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti”, “[s]abiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar”, jargumenta favur l-inklużjoni ta’ għajnuna għal akkomodazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” kif ġew definiti qabel.

96.      Twieġeb, b’mod partikolari, għal din id-definizzjoni għajnuna li mingħajrha kerrej ma jistax jibqa’ jonora l-kuntratt ta’ kera tiegħu u għalhekk isib ruħu, jekk jitlef dan il-kuntratt, f’diffikultà kbira biex isib akkomodazzjoni alternattiva, jew anki jkun impossibbli li jsib akkomodazzjoni dinjituża, għalih u għall-familja tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju, wara reviżjoni kompleta tal-għajnuna li tifforma s-sistema ta’ għajnuna soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti għal żmien twil, sabiex tivverifika jekk it-telf ta’ għajnuna għal akkomodazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultax f’telf tal-akkomodazzjoni tiegħu lil dak li qabel kien jibbenefika minnha u jagħmel ferm diffiċli, jew anki impossibbli, l-aċċess għal akkomodazzjoni alternattiva.

IV – Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej lit-Tribunale di Bolzano:

“L-Artikolu 11(1)(d) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-qasam tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni, tirriżerva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil trattament żvantaġġat meta pparagunat ma’ dak li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni li jirrisjedu f’dan l-Istat, bla ħsara li l-qorti tar-rinviju:

–        minn naħa, tistabbilixxi li tali għajnuna hija koperta, skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, mill-kunċetti ta’ ‘sigurtà soċjali’, ‘assistenza [għajnuna] soċjali’ jew ta’ ‘protezzjoni soċjali’ kif iddefiniti mil-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat; u

–        min-naħa l-oħra, tivverifika jekk l-Istat Membru għamilx użu, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva. Jekk dan ikun il-każ, il-kunċett ta’ ‘benefiċċji prinċipali’ għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni bħala li jirreferi għal dawk li, billi jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa, jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Hija l-qorti tar-rinviju, wara reviżjoni kompleta tal-għajnuna li tifforma s-sistema ta’ għajnuna soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti għal żmien twil, li għandha tivverifika jekk it-telf ta’ għajnuna għal akkomodazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultax f’telf tal-akkomodazzjoni tiegħu lil dak li qabel kien jibbenefika minnha u jagħmel ferm diffiċli, jew anki impossibbli, l-aċċess għal akkomodazzjoni alternattiva.”


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


5 –      Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


6 –      GURI Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 2007, p. 4.


7 –      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”.


8 –      GURI Nru 301, tal-20 ta’ Novembru 1972, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 670/1972”.


9 –      Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn S. Kamberaj li dan tal-aħħar finalment irċieva għajnuna ta’ EUR 550 għal kera ta’ EUR 1200. L-ammonti msemmija matul is-seduta minn S. Kamberaj ma jikkorrispondux eżattament. Jidher, madankollu, li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tkopri madwar nofs il-kera mħallsa minn S. Kamberaj.


10 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


12 –      Punt 62 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


13 –      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punt 31), u tal-1 ta’ Ġunju 2006, innoventif (C‑453/04, Ġabra p. I‑4929, punt 29), kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry (C‑457/09, Ġabra p. I-819, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 –      Ara, f’dan ir-rigward, EU Immigration and Asylum Law — Commentary —, Hailbronner, p. 642 u 643.


15 –      Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul [COM (2001) 127 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta tal-Kummissjoni”].


16 –      Dan kien, fi kwalunkwe każ, is-sens, fil-proposta tal-Kummissjoni, li din tat lil din id-dispożizzjoni, billi indikat li l-aċċess għal oġġetti u servizzi “jinkludi l-aċċess għall-akkomodazzjoni pubblika jew privata” (p. 21). L-espressjoni “aċċess għal akkomodazzjoni” li hemm f’din il-proposta kienet is-suġġett ta’ riżerva minn Stat Membru (dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 10698/01, p. 17), li jista’ jispjega dak li ma jidhirx fit-test finali. Ara wkoll, dwar dispożizzjoni paragunabbli fl-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/CE, tal-25 ta’ Mejju 2009, dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, p. 17), EU Immigration and Asylum Law — Commentary —, op. cit., p. 775.


17 –      ĠU L 141, p. 1.


18 –      Enfasi miżjuda minni.


19 –      Nosserva li dan il-kliem jixbah dak fl-Artikolu (1)(e) u (f) tad-Direttiva 2000/43.


20 –      Regolament tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini (32/75, Ġabra p. 1085, punti 12 u 13).


21 –      ĠU L 289, p. 15.


22 –      ĠU L 149, p. 2.


23 –      Regolament tal-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU L 124, p 1).


24 –      Ara, f’dan is-sens, EU Immigration and Asylum Law — Commentary —, op. cit., p. 646. Ara wkoll, dwar il-kunċett ta’ “sigurtà soċjali” skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, L. Halleskov, “The Long-Term Residents Directive: A Fulfilment of the Tampere Objective of Near-Equality?”, European Journal of Migration and Law, Vol. 7, 2005, Nru 2, p. 181, speċ. p. 198.


25 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, Ġabra p. I–9821, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197.


27 –      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 53).


28 –      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 58), u d-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


29 –      Enfasi miżjuda minni.


30 –      Sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


31 –      C‑578/08, Ġabra p. I‑1839.


32 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.


33 –      Sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


34 –      Ibidem (punt 49).


35 –      Ibidem (punt 43).


36 –      Enfasi miżjuda minni. L-għan ta’ integrazzjoni huwa wkoll affermat, b’mod simili, fil-premessi 2, 3 u 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/51/UE, tal-11 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (ĠU L 132, p. 1).


37 –      Għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-l-kunċett ta’ benefiċċji prinċipali mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex każ iżolat. Pereżempju, dan il-kunċett jinsab fl-Artikoli 28(2), u 29(2), kif ukoll fil-premessa 34 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19. Vol. 7, p. 96).


38 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 –      Nosserva li mir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 [KUMM(2011) 585 finali] jirriżulta li r-Repubblika Ellenika hija l-uniku Stat Membru fejn, skont l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali jillimita l-ugwaljanza fit-trattament ta’ benefiċċji prinċipali fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali (p. 7).