Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Lulju 2012 - Ciudad de la Luz y Sociedad Proyectos Temáticos de la Comunidad Valenciana vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-321/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ciudad de la Luz, SA (Alicante, Spanja) u Sociedad Proyectos Temáticos de la Comunidad Valenciana, SA (Alicante) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, N. Ruiz García u J. Belenguer Mula, avukati, u M. Muñoz de Juan, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli u tilqa' l-motivi għal annulament invokati fir-rikors tagħhom;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2012) 3025 finali, tat-8 ta' Mejju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 22668 (C 8/2008 - ex NN 4/2008), mogħtija minn Spanja lil "Ciudad de la Luz SA", u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni sa fejn dan jiddikjara li l-investiment f'CDL jinvolvi elementi ta' għajnuna mill-Istat inkompatibbli, u jeżiġi l-irkupru ta' din l-għajnuna;

tiddikjara ineżistenti jew sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, b'mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni sa fejn dan jiddikjara li ċerti produtturi li għamlu reġistrazzjonijiet fiċ-CDL irċevew għajnuna inkompatibbli;

konsegwentement tannulla l-ordnijiet ta' rkupru imposti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta' liġi sa fen ġie konkluż li kienet teżisti għajnuna mill-Istat favur CDL (applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta' investitur privat). Ksur tal-Artikoli 107(1) u 345 TFUE

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi tagħha tal-prinċipju ta' investitur privat u meta kkonkludiet li kienet teżisti għajnuna mill-Istat. L-investimenti tal-Generalitat Valenciana fiċ-CDL seħħew f'żewġ mumenti differenti, fl-2000 u fl-2004, u ż-żewġ deċiżjonijiet ta' investiment ittieħdu wara l-elaborazzjoni ta' żewġ pjanijiet separati ta' negozju li stabbilixxew il-profittabbiltà prevedibbli tal-proġett. Fl-applikazzjoni tagħha tal-prinċipju ta' investitur privat il-Kummissjoni tqabbel dan il-proġett mal-profittabbiltà ta' proġetti u ta' atturi li ma humiex paragunabbli minħabba d-daqs tagħhom, u b'hekk neħħiet kwalukwe sens lil dan il-prinċipju bi ksur tal-Artikoli 107(1) u 345 TFUE.

Fl-analiżi legali u ekonomika tagħha l-Kummissjoni tirrifjuta wkoll li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li flimkien mal-proġett ta' studios tal-films hemm ukoll il-proġett ta' żvilupp ta' żona kummerċjali u għal-lukandi fuq artijiet madwar il-proprjetà ta' SPTCV. Jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ proġetti, il-profittabbiltà tal-investiment f'CDL hija ikbar.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta' liġi fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-proġett CDL u nuqqas ta' motivazzjoni

Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni tirrifjuta li tikkunsidra li peress li CDL tinsab f' Alicante, il-proġett kien eliġibbli sabiex jirċievi għajnuna reġjonali. Peress li dan huwa proġett kbir ta' investiment, l-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li CDL tista' tkun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali li tammonta għal madwar 36 %, mingħajr ma dan ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni. Minkejja dan, hija tirrifjuta li taċċetta li ladarba applikat il-prinċipju ta' investitur privat għal 64% tal-investiment, il-proġett kellu profittabbiltà ikbar.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-investiment tal-awtoritajiet ta' Valencia fil-kumpless tal-istudios tal-films CDL għandha tiġi ddikjarata totalment jew parzjalment kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(d) TFUE.

Il-Kummissjoni ma timmotivax il-konklużjonijiet tagħha li jgħidu li l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta' studios tal-films CDL ma hijiex meħtieġa, proporzjonata u xierqa, peress li din l-għajnuna lanqas ma tista' tingħata, anki parzjalment, abbażi tal-kompatibbiltà kulturali.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta' liġi minħabba nuqqas ta' deċiżjoni, u f'kull każ, minħabba nuqqas totali ta' motivazzjoni fir-rigward tal-inċentivi għall-produzzjonijiet

Barra milli tikkunsidra li l-investiment fiċ-CDL jikkostitwixxi għajnuna inkumpatibbli, il-Kummissjoni tikklassifika bl-istess mod kull inċentiv mogħti lill-produtturi tal-films bil-kundizzjoni li l-iffilmjar iseħħ fiċ-CDL.

Id-deċiżjoni tiddedika biss paragrafu wieħed għal din l-allegata għajnuna li jillimita ruħu li jiddikjarha inkompatibbli. Id-deċiżjoni la tiddeskrivi għal liema miżura qed tirreferi u lanqas ma ssemmi l-informazzjoni pprovduta għal dan il-għan mill-Istat Membru, la teżamina l-preżenza/l-assenza tal-elementi ta' għajnuna, la tanalizza l-kriterji tal-kriterji ta' kompatibbiltà u lanqas ma tikkunsidra li jista' jkun hemm aspettattivi leġittimi.

Għaldaqstant, ir-rikorrenti jikkunsidraw li dan huwa att ineżistenti jew null minħabba nuqqas ta' motivazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija inċentivi josservaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għaċ-ċinema tal-2001, dawn kellhom jiġu kkunsidrati kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(d) TFUE.

____________