Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2010mid-digriet mogħti fid-9 ta' Lulju 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-91/09, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-450/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

F'kull każ: tannulla d-digriet ikkontestat fl-intier tiegħu u mingħajr eċċezzjoni.

Tiddikjara li r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u li kien is-suġġett tad-digriet ikkontestat kien perfettament ammissibbli.

Prinċipalment: tilqa', fl-intier tagħhom, it-talbiet imressqa mill-appellant fl-ewwel istanza.

Tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż ġudizzjarji u l-onorarji kollha, li huwa sostna u li għadu qed isostni inkonnessjoni mal-kawża preżenti fl-istadji kollha tagħha.

Sussidjarjament: tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi mill-ġdid, b'kompożizzjoni ġdida, dwar il-mertu ta' din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti jirrigwarda d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tad-9 ta' Lulju 2010. Permezz ta' dan id-digriet, it-TSP ċaħad bħala, parzjalment manifestament inammissibbli u, parzjalment manifestament infondat, rikors li prinċipalment kellu bħala suġġett talba għall-kumpens għad-danni sostnuti mill-appellant peress li ntalab jissuġġetta ruħu għal xi kontrolli mediċi meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-eventwali invalidità tiegħu.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni nuqqas totali ta' motivazzjoni fid-digriet ikkontestat fir-rigward tal-allegata inammissibbiltà tat-talba għal kumpens.

L-appellant isostni wkoll l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata u irraġonevoli tal-Artikolu 270 TFUE, tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta' ċertezza legali, ta' dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja, ta' sistema ġerarkika tas-sorsi tad-dritt, ta' separazzjoni tal-poteri u li l-qorti għandha tkun suġġetta għal-liġi.

____________