Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2010 - Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-453/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development (Belfast, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Brown, Solicitor u D. Wyatt QC, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/399/UE 1, tal-15 ta' Lulju 2010, notifikata bid-dokument numru C(2010) 4894, sa fejn din tikkonċerna rettifika ta' 5 % applikata fuq ċertu nfiq imġarrab fl-Irlanda ta' Fuq matul is-sena finanzjarja 2007, f'ammont ta' EUR 18 600 258,71; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/399/UE, tal-15 ta' Lulju 2010, notifikata bid-dokument numru C(2010) 4894, sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-entrata relattiva għal rettifika ta' 5 % applikata għal ċertu nfiq imġarrab fl-Irlanda ta' Fuq matul is-sena finanzjarja 2007, f'ammont ta' EUR 18 600 258,71.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi segwenti.

Qabel kollox, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-entrata msemmija, tirriżulta minn żball ta' fatt u ta' liġi, għaliex l-insuffiċjenzi kkonstatati minnha fil-kontrolli prinċipali u l-eventwali effetti tagħhom fuq id-dikjarazzjoni tal-ettari eliġibbli matul is-sena ta' dikjarazzjoni 2006 ma setgħux jiġġustifikaw il-possibbiltà ta' korrezzjoni ta' 5 % applikabbli għall-infiq ikkonċernat kollu fl-Irlanda ta' Fuq għal dik is-sena. Tali dikjarazzjonijiet żejda ma setgħux iżidu l-ammonti ta' referenza li rriżultaw mill-ħlasijiet favur l-agrikolturi bejn l-2000 u l-2002 u, għaldaqstant, setgħu iżidu biss in-numru, u mhux il-valur, tad-drittijiet għall-ħlas stabbiliti fl-2005. Madwar 78 % tad-drittijiet għall-ħlas li għandhom jiġu attribwiti u mqassma bejn l-ettari eliġibbli ddikjarati mill-agrikolturi fl-2005 ġew determinati mill-ħlasijiet favur l-agrikolturi kkonċernati bejn l-2000 u l-2002 u din il-perċentwali mhijiex milquta mill-iżbalji relatati mal-kalkolu tan-numru ta' ettari eliġibbli fl-2005, li ġew ripetuti fl-2006. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet relattivi għat-tnaqqis u għall-esklużjonijiet, jew għas-sanzjonijiet, japplikaw bla ħsara għall-prinċipju tal-aġġustament retroattiv tad-drittijiet għall-ħlas u bla ħsara għall-prinċipju li jgħid li, meta agrikoltur jagħmel dikjarazzjoni żejda tal-ettari eliġibbli u tad-drittijiet għall-ħlas, iżda s-superfiċi agrikola ddefinita bħala eliġibbli tkun suffiċjenti sabiex jiġu attivati drittijiet għall-ħlas kollha li dawn jistgħu effettivament jippretendu, ma tiġi imposta ebda sanzjoni. Il-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn il-prinċipji u, konsegwentement, għamlet stima ferm ogħla mill-valur reali tal-ammonti rekuperabbli mingħand l-agrikolturi tal-Irlanda ta' Fuq abbażi tad-dikjarazzjonijiet żejda relattivi għas-sena ta' dikjarazzjoni 2006.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità meta evalwat it-telf probabbli għal 5 % tal-ispejjeż esposti kollha, meta l-prinċipju sottostanti li għandu jiġi applikat meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat bi preċiżjoni t-telf għall-fondi tal-Unjoni Ewropea huwa li r-rata ta' korrezzjoni għandha tkun relatata b'mod ċar mat-telf probabbli. Din l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni hija bbażata fuq żewġ premessi żbaljati: l-ewwel waħda hija li mhuwiex importanti li l-iżbalji marbuta mal-evalwazzjoni żejda ta' artijiet eliġibbli fl-2005 u fl-2006 ma setgħux ikollhom effett negattiv fuq madwar 78 % tad-drittijiet għall-ħlas li kellhom jiġu attribwiti lill-agrikolturi u b'hekk ma setgħux jikkostitwixxu riskju għall-fondi. It-tieni premessa żbaljata hija relatata mal-fatt li l-Kummissjoni stmat żejjed b'mod sinjifikattiv l-ammonti rekuperabbli mingħand l-agrikolturi tal-Irlanda ta' Fuq f'każ ta' dikjarazzjonijiet żejda fl-2006. Finalment, peress li l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' tnaqqis ta' 5 % hija bbażata fuq stima ferm ogħla mill-valur reali tat-telf effettiv probabbli għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, jidher f'dan il-każ li t-tnaqqis ta' 5 % kien eċċessiv u għalhekk mhux proporzjonat.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Lulju 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument numru C (2010) 4894) (ĠU L 184, p. 6).