Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2015 – Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-38/11) 1

[“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzjiet tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (stabbiliment ta’ sovrataxxi marbuta mal-karbunat u ta’ sovrataxxi marbuta mis-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Artikolu 101 TFUE, Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Obbligu ta’ motivazzjoni”]

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cathay Pacific Airways Ltd (Queensway, Hong Kong, iċ-Ċina) (rappreżentanti: inizjalment D. Vaughan, QC, R. Kreisberger, barrister, B. Bär-Bouyssière, avukat, u M. Rees, solicitor, sussegwentement D. Vaughan, R. Kreisberger u M. Rees)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment S. Noë, N. von Lingen u J. Bourke, sussegwentement A. Dawes, aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 - Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrent.

Dispożittiv

L-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru (Kawża COMP/39258 - Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), huma annullati, sa fejn dawn jirrigwardaw lil Cathay Pacific Airways Ltd.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn Cathay Pacific Airways Ltd.

____________

1 ĠU C 72, 05.03.2011.