Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Japan Airlines vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-36/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Japan Airlines International Co., Ltd. (rappreżentanti: J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati, u R. Burton, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010;

b'mod alternattiv, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti u AL u Japan Airlines Corporation; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010, fil-Każ COMP/39258 - ġarr ta' merkanzija bl-ajru. Dik id-deċiżjoni tistabbilixxi li r-rikorrenti, flimkien ma' Japan Airlines Corporation (JAC) (li ġiet assorbita mir-rikorrenti u li ma baqgħetx teżisti), kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 ŻEE billi kkoordinaw ma' operaturi oħra fl-industrija tal-ġarr, l-aġir fil-qasam tal-prezz għal servizzi ta' ġarr ta' merkanzija bl-ajru fir-rigward (i) tas-supplimenti marbuta mal-karburant, (ii) tas-supplimenti marbuta mas-sigurtà, u (iii) tan-nuqqas ta' ħlas ta' kummissjonijiet fuq supplimenti.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.    L-ewwel motiv jallega li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 ŻEE sa fejn din tiddefinixxi li l-portata tal-ksur li ġie deċiż li r-rikorrenti pparteċipat fih kien tinkludi rotot li r-rikorrenti ma kinitx twettaq u li ma kellhiex dritt legali li twettaq.

2.    It-tieni motiv jallega li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 10 TFUE u l-Artikolu 53 ŻEE meta tiddikjara ġurisdizzjoni fuq servizzi ta' ġarr ta' merkanzija bl-ajru lura lejn il-post tat-tluq fuq rotot bejn iż-ŻEE u pajjiżi terzi sa fejn tali servizzi jinbiegħu lil konsumaturi li jinsabu barra miż-ŻEE.

3.    Il-tielet motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' proporzjonalità billi tapplika gradi ta' prova differenti fil-konfront ta' operaturi differenti fl-industrija tal-ġarr.

4.    Ir-raba' motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 u l-prinċipju ta' proporzjonalità billi fil-valur rilevanti ta' bejgħ użat bħala l-bażi għall-kalkolu tal-multa tinkludi dħul idderivat minn elementi tal-prezz għal servizzi ta' ġarr ta' merkanzija bl-ajru li ma humiex relatati mal-ksur.

5.    Il-ħames motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 u l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi fil-valur rilevanti ta' bejgħ użat bħala l-bażi għall-kalkolu tal-multa tinkludi dħul idderivat minn servizzi ta' ġarr ta' merkanzija bl-ajru lura lejn il-post tat-tluq fuq rotot bejn iż-ŻEE u pajjiżi terzi.

6.    Is-sitt motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita t-tnaqqis tal-multa mogħti lir-rikorrenti skont il-qafas regolatorju għal 15 %.

7.    Is-seba' motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni billi tonqos milli tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta' 10 % mill-multa abbażi tal-involviment limitat fil-ksur meta tali tnaqqis ingħata lil persuni indirizzati oħra tad-deċiżjoni li jinsabu f'pożizzjoni oġġettivament simili għal dik tar-rikorrenti.

8.    It-tmien motiv jallega li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità billi tonqos li tieħu kont taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

____________