Language of document : ECLI:EU:C:2011:301

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2011 (1)

Kawża C-177/10

Francisco Javier Rosado Santana

vs

Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No 12 de Sevilla (Spanja)]

“Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Servizz Pubbliku – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Membru tal-persunal temporanju”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, għal darb’oħra, qed tintalab tinterpreta l-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li sar bejn il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), u li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2).

2.        Il-kwistjoni partikolari fil-kawża preżenti tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni li tinstab f’regoli dwar il-proċedura ta’ promozzjoni għall-impjegati taċ-ċivil, mal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas. Id-dispożizzjoni inkwistjoni eżiġiet li, biex il-kandidati jsiru eliġibbli għal promozzjoni skont dik il-proċedura, iridu l-ewwel ikunu qattgħu ċertu żmien bħala impjegati permanenti taċ-ċivil. Dawk l-impjegati taċ-ċivil li l-esperjenza preċedenti tagħhom kienet inkisbet permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat kienu għalhekk ineliġibbli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.        It-tieni premessa tal-preambolu tal-ftehim qafas tipprevedi:

“Il-partijiet għal dal-ftehim [l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP] jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema”.

4.        Il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a) li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

[…]”

5.        Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ [żmien determinat] ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpiega u ħaddiem meta l‑aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

[…]”

6.        Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tippreċiża:

“1. Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss [żmien determinat] sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

4. Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi”.

7.        Il-Klawżola 8(5) tal-ftehim qafas tipprovdi:

“Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwisjonijiet u lmenti ikkawżati mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika”.

 Id-dritt nazzjonali

8.        Id-digriet tar-rinviju jgħid li, flimkien mad-Direttiva u l-ftehim qafas, F. J. Rosado Santana jinvoka (a) l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li tħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali, u (b) l-Artikolu 1 tal-Liġi 70/1978, tas-26 ta’ Diċembru 1978, dwar ir-rikonoxximent ta’ servizz preċedenti fl-amministrazzjoni pubblika (iktar ’il quddiem il-“Liġi 70/1978”), li jipprovdi:

“1. Fil-każ ta’ impjegati permanenti taċ-ċivil f’awtoritajiet amministrattivi tal-Istat, lokali, istituzzjonali, tal-ġustizzja, tat-tribunali industrijali u tas-sigurtà soċjali, il-perijodi kollha ta’ servizz, mingħajr eċċezzjoni, li huma jkunu għamlu f’dawk l-awtoritajiet amministrattivi qabel ma jkunu ġew iffurmati l-korpi, l-gradi u l-karigi rilevanti, jew qabel ma jkunu bdew jaħdmu magħhom, għandhom jiġu rikonoxxuti, flimkien ma’ xi perijodu ta’ prova ta’ dawk l-impjegati taċ-ċivil li jkunu għaddew mill-eżamijiet għad-dħul fl-amministrazzjoni pubblika.

2. Il-perijodi kollha ta’ servizz, mingħajr eċċezzjoni, fis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika msemmija fil-punt preċedenti, kemm jekk magħmulha bħala impjegat temporanju taċ-ċivil (għal żmien determinat jew provviżorju) jew jekk skont kuntratt irregolat minn liġi amministrattiva jew tal-impjieg, irrispettivament minn jekk dak il-kuntratt sarx bil-miktub jew le, għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ servizz effettiv”.

9.        Id-digriet tar-rinviju jkompli billi josserva li l-applikabbiltà tal-Liġi 70/1978 qed tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali mill-Junta de Andalucía (il-Gvern Awtonomu ta’ Andalucía) (iktar ’il quddiem il-“Junta”), minħabba l-fatt li l-ġurisprudenza nazzjonali tipprovdi li dik il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal proċeduri tal-għażla bbażati fuq il-mertu għall-impjegati taċ-ċivil.

10.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jikkontendi wkoll li l-Liġi 70/1978 ma tapplikax. Dan jirreferi, min-naħa tiegħu, għat-22 dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 30/1984, tat-2 ta’ Awissu 1984, dwar ir-riforma tas-servizz pubbliku. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ċerti kriterji sabiex persuna tkun eliġibbli għal promozzjoni mill-grupp D għall-grupp C fl-istruttura tal-karriera fis-servizz pubbliku Spanjol. Dawn jinkludu 10 snin servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil fil-grupp imsemmi l-ewwel. Skont il-Junta, id-dispożizzjoni inkwistjoni hija mfissra b’mod speċifiku fil-liġijiet tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía fid-Digriet 2/2002, tad-9 ta’ Jannar 2002, li l-Artikolu 32(2) tiegħu juża kliem simili.

11.      Il-Gvern Spanjol jirreferi wkoll għal-Liġi 7/2007, tat-12 ta’ April 2007, dwar ir-regolamenti bażiċi li jirrigwardaw l-uffiċjali pubbliċi. L-Artikolu 10 ta’ dik il-liġi japplika għall-impjegati temporanji taċ-ċivil u fih dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tagħhom, in-natura tad-dmirijiet tagħhom u tmiem il-kariga tagħhom (3).

12.      Id-digriet tar-rinviju jkompli biex jindirizza l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja. Minn din il-ġurisprudenza jidher li din il-Qorti sostniet li d-differenzi fir-remunerazzjoni bejn impjegati temporanji taċ-ċivil u impjegati permanenti taċ-ċivil li għandhom l-istess dmirijiet jistgħu ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif stipulat fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola. Għalhekk, it-trattament legali differenti jista’ jkun konformi mal-Kostituzzjoni.

13.      Fl-aħħar nett, id-digriet tar-rinviju josserva li bosta qrati Spanjoli (iżda mhux kollha) huma tal-fehma li, meta avviż pubbliku ta’ proċess għar-reklutaġġ jistabbilixxi r-regoli dwar, inter alia, l-eliġibbiltà, dawk ir-regoli jsiru ‘il-liġi’ ta’ dan il-proċess. Jekk kandidat jonqos milli jikkontesta dawk ir-regoli fiż-żmien stipulat, ma jistax, iżjed ’il quddiem, isostni li huma kontra l-liġi sabiex jikkontesta r-riżultat sa fejn dan ikun jolqot lilu.

14.      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li hemm żewġ possibbiltajiet biss għal kandidat li jixtieq jikkontesta l-proċeduri tal-għażla fil-kuntest tar-reklutaġġ fis-servizz pubbliku. Jekk il-kandidat ikun jixtieq jikkontesta l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-proċedura tal-għażla inkwistjoni, huwa għandu jikkontesta dawk il-kundizzjonijiet speċifikament. Jekk, min-naħa l-oħra, il-kandidat jixtieq jikkontesta l-mod kif tmexxiet il-proċedura tal-għażla, huwa għandu jikkontesta l-mod kif tmexxiet il-proċedura tal-għażla speċifikament. Dak li ma jistax jagħmel hu li jikkontesta indirettament il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-proċedura tal-għażla, fil-forma ta’ kontestazzjoni li tkun tidher li qed tiġi mmirata lejn il-mod kif tmexxiet il-proċedura tal-għażla. Skont il-Liġi 29/1998, tat-13 ta’ Lulju 1998,dwar it-tilwim fi proċeduri amministrattivi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-kontestazzjoni tal-kundizzjonijiet li japplikaw għall-proċedura tal-għażla kellha ssir fi żmien xahrejn mid-data li fiha ġie ppublikat l-avviż tal-proċedura. Għalhekk, fil-kawża preżenti, suppost li kull kontestazzjoni kellha ssir mhux iżjed tard mis-17 ta’ Marzu 2008.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

15.      F. J. Rosado Santana, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, beda relazzjoni ta’ impjieg mal-Junta għall-ewwel darba fid-19 ta’ Mejju 1989, meta dan ġie impjegat għal żmien determinat. Dan l-impjieg intemm fis-27 ta’ Mejju 2005. Fit-28 ta’ Mejju 2005, huwa sar impjegat permanenti taċ-ċivil b’kuntratt għal żmien indeterminat.

16.      Id-digriet tar-rinviju jgħid li, b’ordni tas-17 ta’ Diċembru 2007 tal-Consejería de Justicia y Administración Pública (Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika) tal-Junta, tħabbar li l-eżamijiet tal-għażla kellhom isiru skont is-sistema interna tal-promozzjonijiet biex l-impjegati taċ-ċivil ikunu jistgħu javvanzaw u jsiru parti mill-korp ġenerali ta’ uffiċjali amministrattivi f’dik l-awtorità pubblika (iktar ’il quddiem ‘l-avviż tal-kompetizzjoni’). Ir-Regola 2(1)(b) tal-avviż tal-kompetizzjoni kienet tgħid li l-kandidati jrid “ikollhom jew ikunu f’pożizzjoni li jiksbu l-kwalifika ta’ bachiller superior [bakkalawrjat] [...] jew, inkella, ikollhom ta’ mill-anqas 10 snin servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil f’kariga li taqa’ taħt il-grupp D, jew ikollhom ħames snin servizz u jkunu għaddew mill-kors speċifiku msemmi fid-Deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2002 tal-Instituto Andaluz de la Administración Pública [L-Istitut ta’ Andalucía tal-Amministrazzjoni Pubblika] li tħabbar proċess tal-għażla li jikkonsisti f’eżamijiet għad-dħul, permezz ta’ promozzjoni interna, f’kariga tal-grupp C minn kariga tal-grupp D tal-Administración General de la Junta de Andalucía [Amministrazzjoni Ġenerali tal-Junta […]”

17.      Iżjed ’il-quddiem, jien ser nirreferi għall-kriterju tal-eliġibbiltà relatat ma’ 10 snin servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil f’kariga tal-grupp D, bħala l-“kriterju kkontestat”.

18.      Għalkemm id-digriet tar-rinviju ma jagħtix it-test sħiħ tar-Regola 2(1)(b) tal-avviż tal-kompetizzjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Junta jagħtu l-impressjoni li qed jagħmlu dan. Skont dawk l-osservazzjonijiet, ir-regola inkwistjoni kompliet biex tgħid:

“[...] perijodi ta’ servizz [...] magħmula bħala impjegat permanenti taċ-ċivil f’oqsma oħra tal-amministrazzjoni pubblika [...] għandom jitqiesu, meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-perijodi ta’ servizz [...] Madankollu ma għandhomx jitqiesu l-perijodi preċedenti ta’ servizz magħmulha bħala impjegat temporanju jew provviżorju f’qasam ieħor tal-amministrazzjoni pubblika, jew perijodi oħra preċedenti ta’ servizz simili”.

19.      L-avviż tal-kompetizzjoni ġie ppubblikat fil-Boletín Oficial (il-Ġurnal Uffiċjali) tal-Junta tas-16 ta’ Jannar 2008.

20.      Filwaqt li d-digriet tar-rinviju ma huwiex kompletament ċar f’dan ir-rigward, jidher li F. J. Rosado Santana kien ikun issodisfa l-kriterju kkontestat permezz tas-servizz tiegħu mal-konvenut li beda fid-19 ta’ Mejju 1989, li kieku ma kienx għall-fatt li l-avviż eżiġa li s-servizz ikun ingħata bħala impjegat permanenti taċ-ċivil. Il-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà stipulati fl-avviż tar-reklutaġġ ma humiex rilevanti għall-każ tiegħu.

21.      Madankollu F. J. Rosado Santana applika biex jagħmel l-eżamijiet tal-għażla inkwistjoni, u l-applikazzjoni tiegħu ġiet aċċettata. Huwa pparteċipa fil-proċedura tal-kompetizzjoni, li kienet maqsuma f’żewġ partijiet. Huwa għadda minnhom u għalhekk ismu tniżżel fil-lista ta’ kandidati li għaddew, ippubblikata fit-12 ta’ Novembru 2008.

22.      Fit-2 ta’ Frar 2009, ġie ppublikat avviż ta’ pożizzjonijiet vakanti. F. J. Rosado Santana applika għal pożizzjoni u ssottometta d-dokumenti rikjesti. Madankollu, fil-25 ta’ Marzu 2009, is-Secretaría General para la Administración Pública (Is-Segretarjat Ġenerali għall-Amministrazzjoni Pubblika) tal-Junta adotta deċiżjoni li permezz tagħha ġiet annullata l-klassifikazzjoni tiegħu bħala kandidat li għadda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Ir-raġuni li ngħatat għal dan l-annullament kienet li F. J. Rosado Santana ma ssodisfa ebda wieħed mill-kriterji għall-eliġibbiltà speċifikati fil-punt 16 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, hu ma ssodisfax il-kriterju kkontestat, minħabba l-fatt li l-perijodu li fih kien ta servizz bħala impjegat temporanju taċ-ċivil ma setax jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-kriterju kienx ġie sodisfatt.

23.      Fit-8 ta’ Ġunju 2009, F. J. Rosado Santana fetaħ kawża quddiem il- Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No 12 de Sevilla [Qorti tal-Proċeduri Amministrattivi Kontenzjużi, Nru 12, Sevilla (Spanja)], li permezz tagħha huwa kkontesta d-deċiżjoni inkwistjoni. B’mod partikolari huwa kkontesta l-validità tal-kriterju kkontestat, minħabba li b’mod żbaljat dan il-kriterju eżiġa li s-servizz inkwistjoni kellu jingħata bħala impjegat permanenti taċ-ċivil.

24.      Il-qorti nazzjonali għamlet id-domandi segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

“1. Id-[Direttiva] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-qorti kostituzzjonali ta’ pajjiż membru tal-Unjoni tiddeċiedi li l-fatt li jiġu stabbiliti drittijiet differenti bejn il-membri tal-persunal impjegati [impjegati temporanji taċ-ċivil] u l-uffiċjali titolari [impjegati permanenti taċ-ċivil] ta’ dak il-pajjiż jista’ ma jkunx antikostituzzjonali, dan neċessarjament jimplika li jiġi eskluż li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju msemmija iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi applikata fil-kuntest tas-servizz pubbliku?

2. Din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li qorti nazzjonali tinterpreta l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni b’tali mod li […] teskludi ġeneralment mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-ugwaljanza bejn membri tal-persunal impjegati [impjegati temporanji taċ-ċivil] u uffiċjali titolari [impjegati permanenti taċ-ċivil]?

3. Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li perijodi ta’ servizz mogħtija taħt sistema temporanja ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala anzjanità miksuba meta jintlaħaq l-istatus ta’ persunal fiss, u b’mod konkret għal finijiet ta’ rimunerazzjoni, ta’ klassifikazzjoni u ta’ avvanz fil-karriera ta’ uffiċjal?

4. Il-klawżola msemmija iktar ’il fuq timponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tingħata interpretazzjoni li ma teskludix il-perijodi ta’ servizz mogħtija abbażi ta’ kuntratt temporanju mill-ammont ta’ perijodi ta’ servizz mogħtija mill-persunal uffiċjali?

5. Il-klawżola msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li, minkejja li kien ġie ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti li ma kienx ġie kkontestat mill-persuna kkonċernata, il-qorti nazzjonali xorta għandha l-obbligu li teżamina jekk dan imurx kontra l-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni Ewropea] u, f’dan il-każ, għandha din il-qorti tastjeni milli tapplika dan l-avviż jew id-dispożizzjoni nazzjonali li fuqha huwa bbażat, peress li tikser l-imsemmija klawżola?”

25.      Il-Gvern Spanjol, il-Junta u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u l-ebda waħda ma saret.

 Ammissibbiltà

26.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Junta qajmet żewġ oġġezzjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà.

27.      Fl-ewwel waħda, il-Junta tikkontendi li d-digriet tar-rinviju ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali naqset milli tispeċifika l-qafas legali nazzjonali li japplika għad-domandi magħmula u r-raġunijiet li wasslu biex din il-qorti tagħżel dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE). Lanqas ma ppruvat li hemm konnessjoni bejn dik id-dispożizzjoni u r-regoli nazzjonali jew is-sitwazzjoni fattwali li jikkostitwixxu l-kuntest tat-tilwima. Għalhekk ir-rinviju għandu jiġi ddikjarat inammissibli.

28.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma.

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tingħata s-sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (4).

30.      Meta wieħed jeżamina d-digriet tar-rinviju jara li l-qorti nazzjonali tispeċifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li jibbaża ruħu fuqha F. J. Rosado Santana fil-proċeduri quddiemha. Dan neċessarjament ifisser li l-qorti tqis li dawk id-dispożizzjonijiet huma rilevanti għad-domandi magħmula. Il-qorti tkompli billi tagħti dettalji dwar il-ġurisprudenza nazzjonali, li jqajmilha dubji dwar l-applikazzjoni preċiża tad-Direttiva fil-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħha fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza. Huwa ċar fi kwalunkwe każ li fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha jkunu nbdew il-proċeduri li għandha tiddetermina liema dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jkunu applikabbli għall-kawża prinċipali (5).

31.      F’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li wasslu biex il-qorti nazzjonali tirreferi għad-Direttiva u għall-ftehim qafas, u l-konnessjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u t-tilwima fil-kawża prinċipali, id-digriet tar-rinviju jgħid b’mod ċar, u mingħajr ma jħalli ebda dubju, liema hija r-raġuni għalfejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma rilvanti għas-sitwazzjoni fattwali deskritta f’dak id-digriet.

32.      Ladarba dan huwa kollu minnu, fil-fehma tiegħi, l-ewwel oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

33.      Fit-tieni oġġezzjoni, il-Junta tikkontendi, kif nifhem jien, li d-domandi magħmula huma inammissibbli minħabba l-fatt li l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas ma tistax tapplika fiċ-ċirkustanzi li jirrelataw magħhom dawk id-domandi. It-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax “kondizzjoni ta’ l-impjieg” għall-finijiet tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, iżda pjuttost kriterju għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-kompetizzjoni li daħal fiha F. J. Rosado Santana.

34.      Jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li meta din il-Qorti tirċievi talba għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li ma jidhirx biċ-ċar li ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, għandha tirrispondi għal dik it-talba (6).

35.      Ser nindirizza l-kwistjoni ta’ x’inhu mfisser bil-frażi “kondizzjoni ta’ l-impjieg” fil-punt 51 et seq iktar ’il quddiem. Iżda nqis li t-tieni oġġezzjoni tal-Junta f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà hija kjarament żbaljata. Ma hemm ebda dubju li l-applikabbiltà tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, inkluża l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-frażi “kondizzjoni ta’ l-impjieg”, hija rilevanti għall-kwistjonijiet li jqumu fil-kawża prinċipali.

36.      L-oġġezzjonijiet tal-Junta f’dak li jirrigwarda l-ammisibbiltà għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

 Il-mertu

37.      Il-qorti nazzjonali għamlet ħames domandi fid-digriet tar-rinviju tagħha. L-ewwel domanda tirrigwarda kif jiffunzjonaw flimkien id-dritt nazzjonali u dak tal-Unjoni Ewropea. It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda kollha jirrigwardaw l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas. Il-ħames domanda tqajjem kwistjonijiet li jirrigwardaw id-disponibbiltà ta’ rimedji skont id-dritt nazzjonali meta jkun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

38.      Peress li l-kwistjoni jekk l-ewwel u l-ħames domanda humiex rilevanti tiddependi mir-risposti li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tad-Direttiva, jien l-ewwel ser nindirizza t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda. Imbagħad ser nindirizza l-ewwel domanda, qabel ma ndur għall-ħames domanda.

 It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda

39.      B’dawn id-domandi, li aħjar li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti nazzjonali, essenzjalment, qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari, tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, għaċ-ċirkustanzi eżistenti fil-kawża prinċipali.

40.      B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk avviż ta’ kompetizzjoni, bħalma hu l-avviż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrendi l-eliġibbiltà għal promozzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku dipendenti fuq perijodu ta’ servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, u li espliċitament jeskludi l-perijodi taż-żmien li wieħed iqatta’ bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, jiksirx il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

 L-applikabbiltà tad-Direttiva għall-kawża prinċipali

–       Uffiċjali pubbliċi

41.      Jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ F. J. Rosado Santana bdiet f’korp tas-settur pubbliku ma għandu ebda effett fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva u tal-ftehim qafas f’dan il-każ. Kemm mill-kliem kif ukoll mill-kuntest ta’ dawk il-miżuri, jidher li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fihom jistgħu japplikaw għal kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat u għal relazzjonijiet ta’ impjieg mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-korpi tas-settur pubbliku (7). Bl-istess mod, il-fatt li kariga tista’ tiġi kklassifikata bħala “regolata” skont id-dritt nazzjonali huwa rrilevanti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri (8).

42.      Għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-Junta fir-rigward tat-tieni domanda, jirriżulta li l-impjegati temporanji u l-impjegati permanenti taċ-ċivil għandhom jitqiesu bħala “paragunabbli” għall-iskopijiet tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

–       L-applikabbiltà tad-Direttiva u tal-ftehim qafas għal persuna li ma baqgħetx impjegata għal żmien determinat

43.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li d-Direttiva u l-ftehim qafas ma jistgħux japplikaw għal persuna, bħal ma hi F. J. Rosado Santana, li tiftaħ il-kawża tagħha bħala impjegata permanenti taċ-ċivil, jiġifieri, bħala membru tal-persunal permanenti. Saiex isostni dan l-argument, jiċċita l-punti 28 u 30 tas-sentenza Del Cerro Alonso (9), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva u l-ftehim qafas japplikaw “għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg b’terminu fiss [żmien determinat] li jorbothom ma’ min jimpjegahom”, u kompliet tosserva li minħabba li “il-kawża prinċipali [kienet] tittratta x-xebh bejn membru tal-persunal statutorju temporanju u membru tal-persunal statutorju permanenti” ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali “[kienet taqa’] taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva […] u taħt dak tal-ftehim qafas”. Minħabba li l-paragun li jipprova jistabbilixxi F. J. Rosado Santana f’din il-kawża huwa bejnu, bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, u bejn impjegati oħra permanenti taċ-ċivil, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li d-Direttiva u l-ftehim qafas japplikaw għalih.

44.      Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni simili.

45.      Jidhirli li dan ir-raġunament jagħti interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza u jadotta approċċ għall-interpretazzjoni tad-Direttiva u l-ftehim qafas li ma għandu ebda relazzjoni mal-iskop tagħhom.

46.      Sabiex tingħata interpretazzjoni xierqa lid-Direttiva u lill-ftehim qafas, huwa neċessarju li wieħed iqis il-kuntest li fih dawn ġew ippromulgati. Għalhekk, fis-sentenza Impact (10), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, “il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu,[.....] jippersegwi għan li jifforma parti mill-għanijiet fundamentali stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-[Artikolu 151 TFUE] [....]. u fil-punt 7 u fl-ewwel paragrafu tal-punt 10 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema li [jirreferi] għaliha l-[Artikolu 151 TFUE], u li huma marbuta mat-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol kif ukoll ma’ l-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali xierqa tal-ħaddiema, f’dan il-każ tal-ħaddiema għal żmien fiss [żmien determinat]. [....] Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tal-liġi soċjali [tal-UE] li ma jistax jiġi interpretat b’mod ristrettiv”(11).

47.      Dak li qed jiġi sostnut fil-kawża prinċipali huwa d-dritt li meta tkun qed tiġi kkalkolata l-eliġibbiltà għal promozzjoni, il-perijodi mwettqa bħala ħaddiem għal żmien determinat jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħal ħaddiem simili permanenti f’impjieg mal-istess persuna li tħaddem.

48.      Interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-Klawżola 4 tista’ tiġi ġġustifikata?

49.      Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni bħal din ma hijiex biss interpretazzjoni permissibbli. Hija l-unika interpretazzjoni li tissodisfa l-ħtieġa li dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li ma huwiex restrittiv. Il-fatt li F. J. Rosado Santana issa huwa f’relazzjoni ta’ impjieg permanenti mal-Junta ma għandu assolutament ebda effett fuq l-argument imressaq f’ismu. Dak li għandu rilevanza kruċjali, min-naħa l-oħra, huwa jekk in-nuqqas li wieħed iqis il-perijodi mwettqa bħala ħaddiem għal żmien determinat meta jkun qed jikkalkola l-eliġibbiltà ta’ dan il-ħaddiem għal promozzjoni purament minħabba n-natura tar-relazzjoni tal-impjieg tiegħu bħala waħda għal żmien determinat, jammontax għal diskriminazzjoni għall-finijiet tal-Klawżola 4.

50.      Pożizzjoni iżjed restrittiva tisfratta l-għan tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, u trendi permissibbli waħda mill-forom ta’ diskriminazzjoni li d-Direttiva u l-ftehim qafas kienu ppromulgati biex jevitaw.

–       ‘Kondizzjoni ta’ l-impjieg’

51.      Sabiex il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas tkun applikabbli, il-kundizzjoni inkwistjoni għandha tkun “kondizzjoni ta’ l-impjieg”.

52.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li dik il-frażi għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa (12).

53.      Fil-kawża preżenti, huwa riżultat tal-impjieg tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil li F. J. Rosado Santana huwa eliġibbli għal promozzjoni. Fi kliem ieħor, sakemm huwa jissodisfa r-rekwiżiti (validi) imposti mill-Junta, bħala l-awtorità li timpjegah, f’dak ir-rigward, huwa intitolat jitqies bħala eliġibbli biex javvanza, bil-benefiċċji kollha li dan jimplika, flimkien mal-kollegi tiegħu u ma’ kandidati oħra f’pożizzjoni simili.

54.      Dritt bħal dan jista’ jissejjaħ kundizzjoni tal-impjieg għall-finijiet tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas?

55.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija bla dubju “iva”. Ir-relazzjoni ta’ impjieg hija kkaratterizzata minn dritt, minn naħa waħda, u obbligu korrispondenti, min-naħa l-oħra. F’dak ir-rigward ma teżisti ebda differenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas ta’ rimunerazzjoni għal servizzi mogħtija (13).

 Bażi oġġettiva

56.      Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas tippermetti b’mod espliċitu trattament differenti ta’ ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema simili permanenti meta dak it-trattament differenti jkun iġġustifikat fuq bażi oġġettiva.

57.      L-espressjoni “fuq bażi oġġettiva” ma hijiex iddefinita fid-Direttiva jew fil-ftehim qafas. Madankollu, din ġiet interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      Fis-sentenza del Cerro Alonso (14), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dik l-espressjoni għandha tiġi interpretata b’mod simili għall-frażi ‘raġunijiet oġġettivi’ fil-Klawżola 5 tal-ftehim qafas, li kienet diġà ġiet indirizzata fil-ġurisprudenza (15). Permezz tal-ġurisprudenza dwar il-Klawżola 5, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi’ [...] għandu jinftiehem bħala li huwa intiż għaċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tax-xogħlijiet li għat-twettiq tagħhom xi kuntratti kienu ġew konklużi u karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ objettiv leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru” (16). Din kompliet tgħid li “ir-rikors għal kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] fuq l-uniku bażi ta’ dispożizzjoni legali jew regolamentari ġenerali, mingħajr relazzjoni mal-kontenut konkret ta’ l-attività kkunsidrata, ma jippermettix li jsiru kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jivverfikaw jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jirrispondi effettivament għal bżonn veru, li jista’ jilħaq l-objettiv imfittex u neċessarju għal dan il-għan” (17).

59.      Filwaqt li applikat dak ir-raġunament għall-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Del Cerro Alonso, iddikjarat illi “[il-kunċett ta’ bażi oġġettiva] għandu jinftiehem fis-sens li ma jawtorizzax ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’terminu fiss [żmien determinat] u l-ħaddiema b’terminu mhux fiss [indeterminat] minħabba l-fatt li dan l-aħħar huwa previst minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal ma hija liġi jew konvenzjoni kollettiva. Bil-kontra, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li n-nuqqas ta’ trattament ugwali in kwistjoni jkun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg in kwistjoni, fil-kuntest partikolari li fih huwa jidħol u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissoddisfax il-ħtieġa vera, huwiex abilitat biex jikseb l-għan imfittex u huwiex neċessarju f’dan ir-rigward” (18).

60.      Sussegwentement, fis-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (19), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għal darba oħra interpretat il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, iddeċidiet li, “ [il-fatturi preċiżi u konkreti inkwistjoni] jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tiegħu [tagħhom] l-kuntratti għal żmien fiss [determinat] ġew konklużi u karatteristiċi inerenti għal dawk, jekk ikun il-każ, tat-tkomplija ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru. […] Min-naħa l-oħra, l-użu tal-unika natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal‑amministrazzjoni pubblika mhix konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma tistax tammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema għal żmien fiss [determinat] u ħaddiema għal żmien indefinit ma jkunux ġustifikati minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferu għat-terminu [perijodu] stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li l-unika natura temporanja ta’ relazzjoni tax-xogħol hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza bħal din, teżawrixxi mis-sustanza tagħhom, l-għanijiet [tad-direttiva] u tal-ftehim qafas [...]. Minflok ittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien fiss [determinat] u tippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittex kemm mid‑[direttiva] kif ukoll mill-ftehim qafas, l-użu ta’ kriterju bħal dan ikompli jipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema b’terminu fiss [żmien determinat]” (20).

61.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta li l-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg taħt kuntratt għal żmien determinat hija, intrinsikament, waħda temporanja, ma jistax jikkostitwixxi “bażi oġġettiva” għall-finijiet tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas li tiġġustifika differenza fit-trattament. Jirriżulta wkoll li, meta jeskludi l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala ħaddiem għal żmien determinat, kif fil-fatt għamel l-avviż tal-għażla ta’ kandidati fil-każ ta’ F. J. Rosado Santana, dak l-avviż ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Klawżola 4(1) f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “bażi oġġettiva”.

62.      Dan ma jfissirx li qatt ma jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn il-kunċett ta’ “bażi oġġettiva” jista’ japplika għal differenza fit-trattament bejn impjegati temporanji taċ-ċivil u impjegati permanenti taċ-ċivil. Il-Gvern Spanjol jiddedika parti relattivament kbira tal-osservazzjonijiet bil-mitkub tiegħu biex jiddeskrivi d-differenzi bażiċi, li huwa jidhirlu li huma intrinsiċi, bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil. Skont il-Gvern Spanjol, dawn jinkludu differenzi relatati mal-mod kif jiġu rreklutati d-diversi kategoriji ta’ impjegati taċ-ċivil, il-kwalifiki meħtieġa u n-natura tad-dmirijiet tagħhom.

63.      Sa fejn dawn id-differenzi ma jagħmlu xejn ħlief li jirriflettu n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ impjieg li taħtha impjegat temporanju taċ-ċivil jiġi rreklutat, dawn l-argumenti ma jistax jirnexxilhom jiġġustifikaw differenza fit-trattament għall-iskopijiet tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Madankollu, sa fejn huwa possibbli li dawn id-differenzi jirriflettu rekwiżiti oġġettivi li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tal-promozzjoni f’każijiet speċifiċi, dawn id-differenzi jistgħu jkunu ġġustifikati.

64.      F’termini iżjed konkreti, huwa tassew possibbli li wieħed jikkonċepixxi ċirkustanzi fejn il-pożizzjoni li għandha timtela tirrikjedi esperjenza partikolari li seta’ jakkwistaha biss impjegat permanenti taċ-ċivil. Dan jista’, pereżempju, jirriżulta mill-fatt li din l-esperjenza preċedentement akkwistata tista’ tinkiseb biss minn dawk il-karigi li jiġu appuntati fihom l-impjegati permanenti taċ-ċivil. Għalkemm it-tieni premessa fil-preambolu tal-ftehim qafas tistpula li l-kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u l-ħaddiema, la d-Direttiva u lanqas il-ftehim qafas ma jistabbilixxu obbligu ġenerali li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom, fejn dan ikun possibbli, jiġu kkonvertiti f’relazzjonijiet permanenti (21).

65.      Jekk il-bażi oġġettiva għall-finijiet tal-Klawżola 4(1) teżistix f’xi każ partikolari hija kwistjoni ta’ fatt li tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni. Il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata każ b’każ, u billi jittieħed kont tal-fatturi kollha li jistgħu jkunu rilevanti, inkluż, b’mod partikolari, in-natura tal-esperjenza meħtieġa fil-pożizzjoni li trid timtela.

66.      Madankollu, jidher ċar fil-kawża prinċipali li, kieku wieħed kellu sempliċement jipprovdi li l-perijodi ta’ servizz bħala impjegat temporanju taċ-ċivil ma kellhomx jiġu meqjusa, il-proċedura tal-għażla qatt ma setgħet tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni. Seta’ kien il-każ, naturalment, li xi bażi oġġettiva eżistiet. Iżda anki li kieku eżistiet hija ma ġietx imfissra bit-trasparenza li hija essenzjali biex l-eżenzjoni tkun tista’ sservi ta’ bażi.

67.      Għaldaqstant jidher mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li jien tal-opinjoni li l-avviż tal-kompetizzjoni kiser il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

68.      Jien għalhekk inqis li r-rispota għat-tieni, it-tielet, u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas tinkiser meta avviż ta’ kompetizzjoni, bħalma hu l-avviż fil-kawża prinċipali, jirrendi l-eliġibbiltà għall-promozzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku dipendenti minn perijodu ta’ servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, u jeskludi b’mod espliċitu dawk il-perijodi ta’ żmien imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, mingħajr ma jistipula xi bażi oġġettiva għal dik l-esklużjoni.

 L-ewwel domanda

69.      Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tindika li l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola kienet iddeċidiet li mhux bilfors jinkisru d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali stipulati fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni nazzjonali jekk l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil jiġu ttrattati b’mod differenti anki meta dawn iwettqu l-istess dmirijiet.

70.      Skont kif qed nifhem, id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, din essenzjalment qed tistaqsi jekk l-adozzjoni minn waħda mill-qrati supremi ta’ dak l-Istat Membru ta’ tifsira partikolari ta’ trattament ugwali għandhiex tegħleb tifsira differenti tal-istess kunċett skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, f’qasam fejn qorti nazzjonali hija marbuta tapplika d-dritt tal-Unjoni Ewropea. Li kieku l-qorti nazzjonali tkun obbligata tadotta t-tifsira tal-Qorti Kostituzzjonali, ir-riżultat ikun (jew jista’ jkun) li d-Direttiva u l-ftehim qafas ma jiġux ittrattati daqslikieku japplikaw għas-servizz pubbliku ta’ dak l-Istat Membru.

71.      Sa fejn id-domanda tistaqsi jekk id-Direttiva u l-ftehim qafas japplikawx għall-uffiċjali pubbliċi, jien diġà indirizzajt dik il-kwistjoni fil-punt 41 et seq. iktar ’il fuq.

72.      Sa fejn id-domanda tistaqsi jekk il-qorti nazzjonali tistax tkun obbligata tapplika tifsira ta’ trattament ugwali li hija differenti, u li tagħti inqas drittijiet, mit-tifsira stabbilita fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, ir-risposta għandha mingħajr ebda dubju tkun “le”.

73.      Dan jidher ċar mill-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

74.      Meta jkunu qed japplikaw id-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ direttiva tal-Unjoni Ewropea, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw dak id-dritt, kemm jista’ jkun possibbli, fid-dawl tal-kliem u tal-iskop tad-Direttiva inkwistjoni u – peress li l-ftehim qafas jifforma komponent integrali tad-Direttiva (22) – tal-ftehim qafas. Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea hija effettivament inerenti għas-sistema tat-TFUE għaliex din tippermetti lill-qrati nazzjonali jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (23). Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-liġi interna kollha, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-Direttiva u tal-ftehim qafas u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex (24).

75.      Jirriżulta li l-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika l-interpretazzjoni tad-Direttiva u tal-ftehim qafas mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja anki meta l-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni tkun iddeċidiet li d-differenzi fit-trattament bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil ma humiex (jew jistgħu ma jkunux) kontra l-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien inqis li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika l-interpretazzjoni tad-Direttiva u tal-ftehim qafas mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola tkun iddeċidiet li d-differenzi fit-trattament bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil ma humiex (jew jistgħu ma jkunux) kontra l-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

 Il-ħames domanda

77.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u, b’mod partikolari l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, jobbligahiex teżamina r-regoli sostantivi tal-proċedura tal-kompetizzjoni anki jekk ikun hemm impediment proċedurali, bħal meta ma tkunx saret kontestazzjoni fil-ħin.

78.      Dak li qed isostni F. J. Rosado Santana fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq l-argument li, minħabba li l-kriterju kkontestat kien jeħtieġ 10 snin esperjenza bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, l-avviż tal-kompetizzjoni kiser id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk id-drittijiet tiegħu ġew ivvjolentati. Jien diġà indikajt li naqbel. Madankollu, jidher ċar mid-digriet tar-rinviju li meta F. J. Rosado Santana ppreżenta l-kontestazzjoni tiegħu, it-terminu ta’ xahrejn stipulat fl-avviż tal-kompetizzjoni kien diġà skada.

79.      Jista’ wieħed jogħqod fuq dan it-tip ta’ terminu ta’ dekadenza meta l-motiv tal-kontestazzjoni huwa li drittijiet li jinsiltu mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ġew ivvjolentati?

80.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-kwistjoni, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet li jissalvagwardjaw id-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (25).

81.      Madankollu, l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jiżguraw li dawk id-drittijiet jiġu mħarsa b’mod effettiv f’kull każ (26). Ir-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw dawk l-azzjonijiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux jirrendu d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (27).

82.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Ewropew u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom skop u kawżalità simili (28). Filwaqt li ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jissuġġerixxi li l-prinċipju ġie miskur fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-pożizzjoni (29).

83.      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istipulazzjoni ta’ termini ta’ dekadenza raġonevoli tissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżit tal-effettività, sa fejn din tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu dawk it-termini fid-dawl, inter alia, tal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, tal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, tan-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u tal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (30).

84.      It-terminu ta’ xahrejn stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jrendi l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea eċċessivament diffiċli?

85.      Huwa ċar li t-terminu inkwistjoni huwa qasir.

86.      Madankollu, meta wieħed iqis l-interessi li għandhom jiġu kkunsidrati fi proċedura tal-għażla tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidhirlix li huwa daqshekk qasir li waħdu, jikser il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. Kif jgħid fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Spanjol, l-interessi tal-kandidati l-oħra fil-proċedura tal-kompetizzjoni u tal-Junta nnifisha, bħala l-korp responsabbli għall-amministrazzjoni tajba tal-proċedura, huma rilevanti. Kull kontestazzjoni tal-proċedura tal-għażla tista’ tikkaġuna sfrattar u tista’ toħloq preġudizzju. Għandu jiġi nnutat li fis-sentenza Bulicke (31), il-Qorti tal-Ġustizzja approvat b’mod espliċitu terminu simili għall-preżentata ta’ kawżi li fihom tiġi allegata diskriminazzjoni f’relazzjoni ta’ impjieg.

87.      Jista’ wieħed jgħid li ż-żmien minn meta t-terminu ta’ xahrejn beda għaddej (jiġifieri mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ Andalucía) jikser il-prinċipju ta’ effettività? Dan il-prinċipju jeħtieġ li t-terminu suppost beda għaddej iżjed tard, pereżempju, fid-data li fiha F. J. Rosado Santana ġie infurmat li ma kienx eliġibbli għal promozzjoni?

88.      Jien ma naħsibx.

89.       Jidhirli li l-interessi tal-partijiet b’mod ġenerali jistgħu jinqdew bl-aħjar mod meta jkun meħtieġ li l-kontestazzjonijiet isiru fil-pront u, f’kull każ, qabel ma tibda għaddejja l-proċedura tal-kompetizzjoni. Bis-saħħa ta’ regola bħal din, dawk responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni jkunu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jikkunsidraw kull kontestazzjoni u (jekk xieraq) jiddifferixxu l-kumplament tal-proċedura u jieħdu dawk il-passi l-oħra li jistgħu jkunu neċessarji biex tiġi indirizzata dik il-kontestazzjoni. Dawk li jkunu qed jipparteċipaw fil-proċedura jkunu jistgħu jagħmlu hekk billi jżommu f’moħħom li, ladarba din tkun inbdiet, ma tistax tiġi mtawla jew annullata minħabba l-bżonn li jiġu indirizzati kontestazzjonijiet sussegwenti tal-legalità tagħha.

90.      Jien għalhekk inqis li t-test tal-effettività ġie sodisfatt fil-kawża prinċipali.

91.      B’din il-konklużjoni, jien konxju wkoll li ma tindirizzax il-possibbiltà li F. J. Rosado Santana seta’ ġie ttrattat ħażin u possibbilment b’mod żbaljat, minħabba kif żvolġew l-affarijiet wara li hu kien ipparteċipa fil-proċedura tal-kompetizzjoni. Biex wieħed iqiegħda bl-iżjed mod ġentili, kien sfortunat li l-ewwel ġie avżat li kien għadda u mbagħad ġie avżat li kien ineliġibbli li japplika.

92.      Il-mod kif żvolġew l-affarijiet ma huwiex kompletament ċar fid-digriet tar-rinviju. Li kieku F. J. Rosado Santana kien ingħata indikazzjoni mill-Junta, kemm jekk b’mod espliċitu jew jekk b’mod impliċitu, li l-kandidatura tiegħu ssodisfat ir-rekwiżiti tal-avviż tal-kompetizzjoni, kwalunkwe indikazzjoni sussegwenti li dan ma kienx il-każ, prima facie, tikkostitwixxi żball amministrattiv min-naħa tal-Junta u/jew bidla tal-pożizzjoni adottata oriġinarjament. Jista’ jkun li jeżistu prinċipji tad-dritt amministrattiv Spanjol li jistgħu jiġu invokati favorih f’ċirkustanzi bħal dawn li ma jippermettux li amministrazzjoni terġa’ lura mill-pożizzjoni oriġinali tagħha (li huwa ċar li qagħad fuqha F. J. Rosado Santana billi ppreżenta lilu nnifsu għall-, u għadda mill-, proċedura tal-għażla). Madankollu, din hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali.

93.      Minn dan jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, żball bħal dan ma jikkostitwixxix la ksur tal-prinċipju tal-effettività u lanqas ksur tad-drittijiet li jinsiltu mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-impatt tiegħu jkollu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, li għandhom jiġu ttrattati mill-qrati nazzjonali biss.

94.      Jien għalhekk inqis li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina r-regoli sostantivi tal-proċedura tal-kompetizzjoni fil-każ li jkun hemm impediment proċedurali validu. Sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, impediment bħal dan għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni, bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività.

 Konklużjoni

95.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No 12 de Sevilla għandhom ikunu kif ġej:

(1) Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li sar fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999. dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, tinkiser meta avviż ta’ kompetizzjoni, bħalma hu l-avviż fil-kawża prinċipali, jirrendi l-eliġibbiltà għall-promozzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku, dipendenti minn perijodu ta’ servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil u jeskludi b’mod espliċitu dawk il-perijodi ta’ żmien imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, mingħajr ma jistipula xi bażi oġġettiva għal dik l-esklużjoni.

(2) Il-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika l-interpretazzjoni tad-Direttiva u tal-ftehim qafas mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola tkun iddeċidiet li d-differenzi fit-trattament bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil ma humiex (jew jistgħu ma jkunux) kontra l-Kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

(3) Il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina r-regoli sostantivi tal-proċedura tal-kompetizzjoni fil-każ li jkun hemm impediment proċedurali validu. Sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, impediment bħal dan għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


3 – Il-materjal ipprovdut mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu ma jagħmilhiex possibbli li wieħed jistabbilixxi jekk fil-Liġi jeżistux dispożizzjonijiet li jirregolaw ukoll l-effetti ta’ tibdil fl-istat bħal ma hu dak bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u dawk permanenti.


4 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra I-5305, punt 18) u tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C-356/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).


5 – Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008 Vassilakis et, (C‑364/07, Ġabra p. I-90, punt 77).


6 – Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92 Ġabra I‑5535, punt 12).


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra I‑6057, punti 54 sa 57); tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05 Ġabra I‑7109, punt 25); u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09 li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 29.


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


10 – Sentenza tal-15 ta’ April 2008 (C‑268/06 Ġabra p. I‑2483).


11 – Punti 112 u 114. Ara wkoll is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 38.


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 31 et seq, u s-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 115.


13 – Huwa ċar li kundizzjonijiet f’dak li jirrigwarda “ħlas”, fis-sens ta’ rimunerazzjoni mħallsa għas-servizzi mogħtija, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “kondizzjoni ta’ l-impjieg” skont il-klawżola 4 tal-ftehim qafas (ara s-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 126).


14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


15 – Punt 56.


16 – Ara s-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 53, u s-sentenza Adeneler et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punti 69 u 70.


17 – Ara s-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 55; u s-sentenza Adeneler et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 74.


18 – Punti 57 u 58.


19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


20 – Punti 55 sa 57.


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 91; u s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et C‑378/07 sa C‑380/07 (Ġabra p. I‑3071, punt 183).


22 – Ara, f’dan is-sens il-Konlużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 87.


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punti 98 u 99, u l-ġurisprudenza ċċitata.


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Angelidaki et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq, punt 173.


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010 Bulicke, (C‑246/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bulicke, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bulicke iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ‘il fuq, punt 36.


31 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ’il fuq.