Language of document : ECLI:EU:T:2010:517

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Diċembru 2010(*)

“Akkordji – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Deċiżjoni li lment jiġi miċħud – Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lil arluġġara indipendenti – Interess Komunitarju – Suq rilevanti – Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T-427/08,

Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Mathijsen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn X. Lewis u F. Ronkes Agerbeek, sussegwentement minn M. Ronkes Agerbeek u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Richemont International SA, stabbilita f’Bellevue (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J. Ysewyn, avukat, u H. Crossley, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3600, tal-10 ta’ Lulju 2008, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil‑Każ COMP/E‑1/39097,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, il-Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita minn seba’ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ sitt Stati Membri li jirrappreżentaw l-interessi tal‑arluġġara indipendenti.

2        Fl-20 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra diversi impriżi, fosthom l-intervenjenti, attivi fis-settur tal-manifattura tal-arloġġi (iktar ’il quddiem il-“manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri”), li fih allegat l-eżistenza ta’ ftehim jew prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi u abbuż minn pożizzjoni dominanti riżultanti mir-rifjut, minn dawn il-manifatturi, li jkomplu jipprovdu spare parts lill-arluġġara indipendenti.

3        B’ittra tat-28 ta’ April 2005, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti bil-pożizzjoni provviżorja tagħha fir-rigward tal-ilment (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni provviżorja”). Hija indikat li, fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, ma kienet sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ ftehim bejn il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li ma kienx jeżisti suq separat tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, iżda li l-provvista ta’ dawn is-servizzi kienet tikkostitwixxi karatteristika tas-suq tal-arloġġi lussużi, li kien kompetittiv ħafna. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-fatti esposti fl-ilment ma kinux jiksru l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

4        B’ittra tal-20 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-pożizzjoni provviżorja, fejn hija sostniet li r-rifjut tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li jkomplu jipprovdu spare parts kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

5        B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), wara eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi sottomessi mir-rikorrenti fl-ilment tagħha u l-osservazzjonijiet l-oħra tagħha, hija kkonfermat il-konklużjoni preliminari tagħha li ma kienx jeżisti interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni fuq il-ksur allegat. B’ittra tat-30 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti rrispondiet din l-ittra u baqgħet issostni l-pożizzjoni inizjali tagħha.

6        Fl-10 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 3600, li permezz tagħha ċaħdet l-ilment billi invokat in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli l-investigazzjoni fuq il-ksur allegat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed fuq erba’ kunsiderazzjonijiet prinċipali.

8        Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-ilment kien jikkonċerna l-iktar l-iktar suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu ukoll hi limitata (il-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni żiedet li, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, hija ma setgħetx tikkonkludi li jeżistu ftehim jew prattika miftiehma antikompetittivi bejn il-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri u li, b’mod partikolari, kien improbabbli li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva adottati minnhom ma kinux koperti minn eżenzjoni ġenerali (block exemption) mogħtija mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364) (il-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni indikat li kienet eżaminat is-suq primarju tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi, kif ukoll żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ, jiġifieri dak tal-ispare parts u dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi, u kienet waslet għall-konklużjoni prima facie li dawn iż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma kinux jikkostitwixxu swieq separati, u li, għaldaqstant, ma kien jidher li teżisti ebda pożizzjoni dominanti, b’mod li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ma kinitx rilevanti (il-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni rrilevat li, jidher li fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tal-ksur allegat, anki f’każ ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għall-investigazzjoni tal-ilment, il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet tibqa’ minima, b’mod li tali allokazzjoni kienet tkun sproporzjonata (il-paragrafi 8 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, jekk kellu jiġi stabbilit ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, jidher li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew il-qrati nazzjonali, billi għandhom il-kompetenza biex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw tali ksur (il-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2009, Richemont International talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Marzu 2009, il-president tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

14      L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din in-nota fit-termini mogħtija.

15      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2010. Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li titneħħa mill-proċess silta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi sostniet li kien fiha argumentazzjoni li ma kellhiex x’taqsam mal-mistoqsija magħmula u li barra min hekk kienet ġdida fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta u fir-replika.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż li hija sostniet minħabba l-intervent.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv, diviż f’żewġ partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju u, min-naħa l-oħra, fuq l-illegalitajiet fir-rigward tal-konstatazzjoni li d-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu huma limitati. It-tieni motiv huwa bbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti. It-tielet u r-raba’ motivi huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq ksur tal-Artikolu 82 KE, rispettivament. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq abbuż minn poter ikkostitwit mill-invokazzjoni tardiva tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju, fuq żnaturament tal-kontenut tar-rikors kif ukoll fuq nuqqas ta’ oġġettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

21      Għandu jiġi rrilevat li l-motivi li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li ma jeżistix interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni tal-ilment, huma kkontestati mir-rikorrenti mhux biss permezz tal-ewwel, iżda wkoll tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun aħjar jekk tibda billi teżamina t-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu, u li teżamina l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed, biss wara li tkun iddeċidiet fuq il-fondatezza tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi.

1.     Fuq id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni invokat, fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, insostenn tal-konklużjoni tagħha li ma jeżistix interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli l-investigazzjoni, li l-ilment kien jikkonċerna biss (segment minn) suq “ta’ daqs limitat u b’hekk [li] l-importanza ekonomika tiegħu wkoll [kienet] limitata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, hija ma identifikatx dan is-suq, ma kkwantifikatx id-daqs tiegħu u ma ddeskrivietx l-importanza ekonomika tiegħu, u b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, irrilevat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li arluġġara indipendenti fis-27 Stat Membru huma affettwati mill-prattika tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri u li din il-prattika thedded professjoni artiġġjanali sħiħa li qed tintilef.

23      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tirrileva li l-analiżi kompleta u l-motivazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed jinsabu mhux biss fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata kkritikata mir-rikorrenti, iżda wkoll fid-deċiżjoni kkontestata kollha, u b’mod partikolari fil-paragrafi 12 sa 26. F’dawn il-paragrafi msemmija l-aħħar huma ppreżentati b’mod ċar is-suq primarju rilevanti (dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi) u s-swieq ta’ wara l-bejgħ (dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-imsemmija arloġġi u dak tal-ispare parts għall-imsemmija arloġġi).

24      Il-Kummissjoni żżid li l-konstatazzjoni li tinsab fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq huwa ta’ daqs limitat u, konsegwentement, l-importanza ekonomika tiegħu ukoll hi limitata, hija sostnuta mill-affermazzjoni li tinsab fl-istess paragrafu li tafferma li mill-informazzjoni li rċeviet jirriżulta li “d-daqs tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ relattivi għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jirrappreżenta biss parti insinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ globali marbut mal-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-imsemmija arloġġi jirrappreżentaw biss segment partikolari mis-suq globali tal-arloġġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25      Il-Kummissjoni żżid li n-nuqqas ta’ motivazzjoni allegata tirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ma taqbilx mad-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti. Skont il-Kummissjoni, iż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju, jiġifieri dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi (il-paragrafu 16 tad-deċiżjoni kkontestata), li miegħu huma marbuta b’mod strett. Fid-deċiżjoni kkontestata ġie indikat li, billi s-suq primarju huwa kompetittiv, is-swieq ta’ wara l-bejgħ ukoll huma kompetittivi (il-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li ma kienx meħtieġ li jiġi ddeterminat id-daqs u l-importanza ekonomika tas-swieq ta’ wara l-bejgħ, peress illi dawn tal-aħħar mhumiex l-uniċi swieq li huma s-suġġet tal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni. Il-fatt li r-rikorrenti ma taqbilx ma’ din id-definizzjoni tas-suq ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata biżżejjed f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

26      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, inkarigata mill-Artikolu 85(1) KE li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-mod kif tittratta l-ilmenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 80, u tat-12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni, T‑229/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

27      Meta, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi differenti ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija mhux biss tista’ tisabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda tista’ wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-każ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, Sodima vs Il-Kummissjoni, T‑62/99, Ġabra p. II‑655, punt 36; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punti 59 u 60).

28      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex illimitata. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi x’passi għandha tieħu fir-rigward ta’ lment. B’mod partikolari, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li tilmenta tgħarrafha bihom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑450/98 P, Ġabra p. I‑3947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli għaddejja bl-eżami ta’ lment, u din il-motivazzjoni għandha tkun preċiża u dettaljata biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ twettaq stħarriġ effettiv tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tistabbilixxi prijoritajiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra p. I‑1341, punti 89 sa 91, u sentenza Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 41 u 42).

29      F’dan il-każ, fil-paragrafi 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“8       B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll hi limitata. Huwa minnu li għalkemm intbagħtu diversi kwestjonarji lill-manifatturi tal-arloġġi, kien diffiċli li tinkiseb statistika u figuri preċiżi dwar id-daqs tas-swieq – primarji jew sekondarji – li huma s-suġġet tal-ilment. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni, kien immedjatament ċar li d-daqs tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ relattivi għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jirrappreżenta biss parti insinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ globali marbut mal-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-imsemmija arloġġi jirrappreżentaw biss segment partikolari mis-suq globali tal-arloġġi. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni prima facie tal-argumenti tal-persuna li tilmenta ma pprovdietx informazzjoni affidabbli li abbażi tagħha jista’ jiġi konkluż f’dan l-istadju li probabbilment inkiser id-dritt tal-kompetizzjoni f’dan il-każ. Jidher ukoll li huwa improbabbli li jinsab xi ksur wara li tant riżorsi ntużaw għall-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, anki li kieku kien possibbli li jiġi stabbilit ksur f’dan il-każ, jidher li l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex iwettqu l-investigazzjoni u biex jittrattaw tali ksur. Huma għandhom is-setgħa u l-obbligu li japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE].

9      Konsegwentment, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, jidher li jkun sproporzjonat li r-riżorsi limitati tal-Kummissjoni jintużaw biex titkompla l-investigazzjoni ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-ilment għandu jiġi miċħud minħabba n-nuqqas ta’ interess Komunitarju abbażi ta’ impatt limitat tal-effetti possibbli tal-allegat ksur fuq il-funzjonament tas-suq komuni, tal-kumplessità tal-investigazzjoni meħtieġa, u tal-probabbiltà limitata li jiġu stabbiliti provi tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li jallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, indikat fl-ilment, li l-prattiki rrappurtati fl-ilment jikkonċernaw it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

31      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, fl-ilment, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-prattiki miftiehma la ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni fil-pożizzjoni provviżorja u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li kellha informazzjoni li kienet turi li l-imsemmija prattiki kienu jeżistu f’“ħames jew sitt Stati Membri” u li la setgħet tikkonferma u lanqas ma setgħet tinnega li kienu jeżistu fl-Istati l-oħrajn ukoll.

32      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-portata tat-territorju kkonċernat neċessarjament hija rilevanti għad-daqs tas-suq jew tas-swieq ikkonċernat(i) mill-ilment u għall-importanza ekonomika ta’ dan is-suq jew ta’ dawn is-swieq. Barra minn hekk, l-importanza ta’ dan l-element ipprovdut mir-rikorrenti fl-ilment tagħha hija msaħħa, f’dan il-każ, mill-fatt li jindika b’mod ċar li l-ilment ma jikkonċernax suq lokali, iżda suq jew swieq li jinkludi jew jinkludu t-territorju ta’ għall-inqas ħames Stati Membri, jekk mhux it-territorju kollu tal-Unjoni, eventwalment.

33      B’hekk, billi naqset milli ssemmi dan l-element fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tad-daqs tas-suq ikkonċernat u tal-importanza ekonomika tiegħu, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li r-rikorrenti tgħarrafha bihom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq).

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-konklużjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, dwar id-daqs limitat tas-suq ikkonċernat mill-ilment.

35      L-ewwel nett, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-suq li għalih tirreferi din il-konklużjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata fiha konstatazzjonijiet iktar preċiżi fir-rigward tas-swieq eżaminati b’mod partikolari fil-paragrafu 15. Il-Kummissjoni rrilevat hemmhekk li kienet wettqet l-investigazzjoni tagħha billi assumiet li “s-suq tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi [kien] suq primarju rilevanti separat” u li għaldaqstant kienet “eżaminat is-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi bħala suq primarju, kif ukoll żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ – wieħed għas-[servizzi ta’] tiswija u [ta’] manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u l-ieħor għall-ispare parts għall-[imsemmija] arloġġi”. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostiwixxux swieq rilevanti indipendenti, iżda kellhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju, jiġifieri s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni affermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-konstatazzjoni tagħha fir-rigward tad-daqs limitat (tas-segment) mis-suq li huwa s-suġġett tal-ilment kienet tikkonċerna s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi peress li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri koperti mill-ilment jipproduċu biss tali arloġġi.

37      Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess speċifikat li, skont l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ilment tagħha kien jikkonċerna restrizzjoni tal-kompetizzjoni “fis-suq tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-arloġġi”.

38      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tal-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi swieq ikkonċernati mill-ilment, peress li l-Kummissjoni tindika li “kien diffiċli li tinkiseb statistika u figuri preċiżi dwar id-daqs tas-swieq – primarji jew sekondarji – li huma s-suġġet tal-ilment”. Din l-indikazzjoni tikkontradixxi l-użu tas-singular fl-ewwel sentenza tal-istess paragrafu, fejn jingħad li “l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat”.

39      Minn dan isegwi li huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi b’ċertezza jekk il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni relattiva għan-natura limitata tad-daqs tas-suq jew swieq rilevanti tikkonċernax is-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, dak tas-servizzi ta’ tiswija jew manutenzjoni ta’ tali arloġġi jew iż-żewġt iswieq.

40      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ dawn is-swieq, u lanqas fir-rigward tad-daqs tas-suq tal-arloġġi b’mod ġenerali jew ta’ dak tal-ispare parts. Fil-fatt, il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u/jew is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ tali arloġġi huma ta’ daqs limitat biss fuq l-argument li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa iktar limitat minn dak tal-arloġġi b’mod ġenerali u li d-daqs tas-suq tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ tali arloġġi huwa saħansitra iktar limitat minn dak tas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.

41      Fin-nuqqas ta’ punt ta’ riferiment assolut, li jista’ jkun ikkostitwit b’mod partikolari minn figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ għall-inqas wieħed minn dawn is-swieq, is-sempliċi indikazzjonijiet dwar id-daqsijiet relattivi ta’ dawn is-swieq fil-konfront ta’ xulxin ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-eżattezza tal-konstatazzjoni li l-ilment jikkonċerna, l-iktar l-iktar, suq ta’ daqs limitat u, għalhekk, l-importanza ekonomika tal-imsemmi suq ukoll hu limitat.

42      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta li l-imsemmija konstatazzjoni ma kinitx ibbażata fuq figuri eżatti.

43      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed l-affermazzjoni tagħha li l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll hi limitata.

44      Il-kunsiderazzjonijiet l-oħra msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u invokati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux iqajmu dubji dwar din il-konklużjoni.

45      Fl-ewwel lok, l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar id-diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni dwar id-daqs tas-swieq li huma s-suġġett tal-ilment ma tistax issostni l-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni legali ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha fuq id-daqs tas-suq jew tas-swieq li huma s-suġġett tal-ilment. Min-naħa l-oħra, peress li ddeċidiet tagħmel użu mill-konstatazzjoni li “l-ilment [kien] jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll [kienet] limitata”, sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-ilment, il-Kummissjoni kienet obbligata timmotiva biżżejjed din il-konstatazzjoni.

46      Fit-tieni lok, l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li hija kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li s-swieq ta’ wara l-bejgħ kellhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jistax jaffettwa l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 iktar ’il fuq, dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni lanqas ma kkomunikat figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ dawn is-swieq kollha flimkien.

47      Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, is-swieq ta’ wara l-bejgħ huma kompetittivi, peress li s-suq primarju huwa kompetittiv, b’ebda mod ma taffettwa l-motivazzjoni tal-konstatazzjoni tagħha dwar id-daqs limitat tas-(segment minn) suq li huwa s-suġġett tal-ilment, billi l-konstatazzjoni li d-daqs tas-suq huwa limitat ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li huwa kompetittiv.

48      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà żgħira li jiġi stabbilit ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni essenzjlament fuq il-konstatazzjoni dwar in-natura kompetittiva tas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjoni dwar id-daqs limitat tas-(segment minn) suq ikkonċernat mill-ilment tikkostitwixxi motiv awtonomu, fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, fir-raġunament tagħha intiż biex jistabbilixxi n-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed.

49      Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti relattivi għad-daqs u l-importanza ekonomika limitati tas-(segment minn) suq li huwa s-suġġett tal-ilment għandhom jintlaqgħu. B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti u li teżamina bir-reqqa l-elementi kollha li r-rikorrenti għarrfitha bihom, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

2.     Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta rrifjutat id-definizzjoni tas-suq rilevanti li hija kienet ipproponiet fl-ilment tagħha u li kienet iddefendiet matul il-proċedura amministrattiva kollha, jiġifieri dik tas-“suq tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tal-arloġġi li vallapena jissewwew”.

51      Fl-ewwel lok, meta ssostitwiet il-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”, il-Kummissjoni biddlet b’mod artifiċjali l-portata tal-ilment b’mod partikolari fil-paragrafu 12 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk hija ppruvat iċċekken is-suq eżaminat għal parti żgħira mis-suq inkwistjoni, ħaġa li ffaċilitat il-konklużjoni tagħha fir-rigward tad-daqs insinjifikattiv tas-suq jew tas-segment mis-suq ikkonċernat. Id-definizzjoni tas-suq bħala dak tal-“arloġġi lussużi jew prestiġġjużi” ma hija sostnuta minn ebda dokument mibgħut lill-Kummissjoni u hija purament invenzjoni tagħha.

52      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tirreferi għas-suq tal-“prodotti” u għas-“suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”, minkejja l-indikazzjonijiet li ġew irripetuti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li kienu jindikaw li dan is-suq ta’ prodotti ma huwa ta’ ebda interess dirett għall-arluġġara indipendenti.

53      Imbagħad il-Kummissjoni kkunsidrat bi żball, fil-paragrafi 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija ma kienx jikkostitwixxi “suq rilevanti separat”, iżda għall-kuntrarju kellu jiġi “eżaminat flimkien mas-suq primarju”. Billi qieset dawn is-swieq flimkien u billi ppretendiet li s-suq tal-prodotti kien kompetittiv, il-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li anki s-suq tas-servizzi kien kompetittiv.

54      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li “s-suq tal-ispare parts” għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat. Għal dak li jikkonċerna l-paragrafi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirrileva li l-Kumissjoni bbażat id-dikjarazzjonijiet tagħha li “s-suq tal-ispare parts” ma huwiex is-suq rilevanti, qabel kollox, fuq il-fatt li l-konsumaturi jistgħu jirrikorru għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor. Issa, l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni teżisti biss fil-każ tal-ispare parts għall-mekkaniżmi tal-arloġġi manifatturati mill-kumpannija ETA, li jinsabu fil-biċċa l-kbira tal-arloġġi Svizzeri, preċiżament peress li dawn il-mekkaniżmi, u l-ispare parts kompatibbli, jiġu mmanifatturati minn impriża differenti mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li kontrihom sar dan l-ilment. Min-naħa l-oħra, l-ispare parts l-oħra huma speċifiċi għal kull manifattur ta’ arloġġi Svizzeri u l-ispare parts immanifatturat għall-arloġġi ta’ manifattur partikolari ma jistgħux jiġi ssostitwiti b’dawk immanifatturati għal manifattur ieħor. B’hekk, il-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tiddependi kompletament mill-provvista tal-ispare parts tal-manifattur ikkonċernat, li b’hekk qiegħed f’pożizzjoni ta’ monopolju.

55      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata li “s-suq tal-ispare parts” ma huwiex suq rilevanti jekk il-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor. Skont ir-rikorrenti, anki jekk huwa possibbli għall-konsumatur biex biex idur għal ditta oħra fis-suq tal-arloġġi, il-Kummissjoni ma turix li l-proprjetarju ta’ arloġġ Svizzeru effettivament idur għal ditta oħra, b’mod li l-fatt li l-Kummissjoni semmiet dan l-element, huwa irrilevanti.

56      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-investigazzjoni tagħha wriet li s-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija kif ukoll il-provvista ta’ spare parts jikkostitwixxu suq ta’ wara l-bejgħ separat mis-suq primarju tal-manifattura ta’ arloġġi.

57      Imbagħad, il-Kummissjoni tirrileva li indikat fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata li ma kienx possibbli għaliha li tiddefinixxi s-suq preċiż billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni fil-pussess tagħha. Hija b’hekk ippreżumiet (paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata), anki jekk kellha xi dubji f’dan ir-rigward (paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata), li s-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kien jikkostitwixxi, mas-swieq konnessi ta’ wara l-bejgħ ta’ tiswija u manutenzjoni, minn naħa, u ta’ spare parts, min-naħa l-oħra, is-suq rilevanti.

58      Minkejja d-diffikultajiet fid-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda prova tal-eżistenza ta’ ftehim jew prattika miftiehma bejn l-impriżi koperti mill-ilment. Hija kkonstatat ukoll li l-impriżi li l-ilment kien dirett kontrihom ma kellhomx, flimkien, pożizzjoni dominanti, minħabba l-kompetizzjoni kbira li teżisti bejniethom (paragrafu 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, hija setgħet tikkonkludi b’mod leġittimu li ma kienet sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’ebda wieħed mis-swieq, tkun xi tkun id-definizzjoni tiegħu.

59      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li ġie kkonstatat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li s-suq tas-“servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi” ma jikkostitwixxix suq separat, iżda għandu jiġi eżaminat flimkien mas-suq primarju.

60      Il-Kummissjoni setgħet leġittimament tistabbilixxi rabta bejn is-suq primarju tal-manifattura u l-bejgħ ta’ arloġġi lussużi u ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ (ara, b’mod partikolari, il-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti sempliċiment turi li ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma tippreżenta provi jew argumenti li juru li din l-evalwazzjoni hija żbaljata.

61      Skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-suq rilevanti hija bbażata kemm fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fl-ilment tagħha kif ukoll fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata hija ssemmi informazzjoni speċifika dwar is-suq ta’ prodotti rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tas-swieq ta’ wara l-bejgħ tal-manutenzjoni u tiswija, minn naħa, u tal-komponenti u l-ispare parts, min-naħa l-oħra (paragrafi 19 sa 26 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 15 u 18 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      L-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fil-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż għall-klijent tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ tul il-ħajja tal-arloġġi kienu jikkostitwixxu spiża żgħira, meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li l-konsumatur kien jikkunsidrahom bħala element relativament mhux importanti fil-prezz sħiħ. L-esperjenza tal-intervenjenti turi li l-ispejjeż tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija mhumiex preokkupazzjoni immedjata u ewlenija għax-xerrej ta’ arloġġ. Bl-istess mod, is-servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-arloġġi ta’ ditti ta’ kwalità tajba, tekniċi ħafna, għandhom karatteristiċi speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Kull arloġġ hu kompost minn ħafna komponenti u, għal kull mudell ta’ arloġġi, dawn il-komponenti huma differenti. B’hekk, il-kompetenza, il-ħila u l-istrumenti meħtieġa għat-tiswija ta’ dan it-tip ta’ arloġġi huma importanti ħafna.

63      Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li, għal kull ditta, huwa importanti ħafna li l-kwalità tas-servizz ta’ wara l-bejgħ u tax-xogħlijiet ta’ tiswija tkun għolja, peress li l-konsumaturi jirċievu dawn is-servizzi bħala ħaġa li tagħmel parti mill-kwalità tal-arloġġ stess. Fl-esperjenza tal-intervenjenti, dan jista’ jiġi ggarantit biss permezz ta’ taħriġ estiż, ta’ tagħmir, istruzzjonijiet u kontroll li jeħtieġu investiment kbir min-naħa tagħha.

64      Għaldaqstant, l-intervenjenti taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ta’ tiswija u tal-ispare parts ma humiex swieq suċċessivi separati. Għall-kuntrarju, dawn huma partijiet anċillari tas-suq primarju, suġġetti għal kompetizzjoni kbira, li huma totalment dipendenti minnu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑115/99, Ġabra p. II‑691, punt 34, u Piau vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 81).

66      Bl-istess mod, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, is-suq ikkonċernat jew is-suq rilevanti, sa fejn tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 482, u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra p. II‑1219, punt 53).

67      Il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika, fil-fatt, li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 80). L-interkambjabbiltà jew il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punt 91).

68      Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, paragrafu 7) jirriżulta wkoll li “[s]uq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkonsidrati bħala li kappaċi li jiġu mibdula jew jkunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-Prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom”.

69      Skont l-imsemmi att, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tat-talba tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostitwibbli mill-konsumatur. Mod wieħed kif tista’ ssir din id-determinazzjoni huwa li jsir eżerċizzju mentali li jippresupponi kambjament ipotetiku żgħir, iżda li jdum, fil-prezzijiet relattivi u tiġi evalwata r-reazzjoni li x’aktarx ikollhom il-klijenti għal dik il-żieda. Fil-paragrafu 17 ta’ dan l-att, il-Kummissjoni tispeċifika:

“Il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment […] bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il-5 % sal-10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali […] huma inklużi fis-suq rilevanti.”

70      Barra minn hekk, skont il-paragrafu 56 tal-imsemmi att:

“Hemm ċerti żoni fejn l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ hawn fuq għandhom ikunu meħuda b’ċerta ħsieb. Dan huwa l-każ fejn meta wieħed ikun qed jikkonsidra swieq primarji u sekondarji, partikolarment, fejn l-atteġġjament tal-impriża f’dak punt ta’ ħin għandhu jkun analizzat skond l-artikolu [82 KE]. Il-metodu ta’ kif tiddefinixxi suq f’dawn il-każijiet huwa l-istess, i.e. issir stima tar-risposti tal-klijenti bbażata fuq d-deċiżjonijiet dwar il-bejgħ [ix-xiri] tagħhom għal kambjamenti fil-prezzijiet, imma jittieħed in konsiderazzjoni wkoll, xkiel għas-sostituzzjoni imposta b’kondizzjonijiet fis-swieq konnessi. Definizzjoni dejqa għal suq għal prodotti sekondarji, per eżempju għall-spare parts, itsta’ tirriżulta meta l-kompatibilità ma’ prodotti primarji hija mportanti. Problemi biex jinstabu prodotti sekondarji kompatibbli flimkien ma’ eżistenza ta’ prezzijiet ogħlja u ħajja twila ta’ prodotti primarji jistgħu jwasslu għal żidiet relattivi fil-prezzijiet ta’ prodotti sekondarja li jagħtu profit. Definizzjoni ta’ suq differenti tista’ [tingħata] jekk sostituzzjoni sinjifikanti bejn prodotti sekondarji hija possibbli jew jekk il-karatteristiċi tal-prodotti primarji [irendu possibbli] risposti malajr u diretti mill-konsumatur għal żidiet fil-prezzijiet relattivi tal-prodotti sekondarji possibbli.”

71      F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, qabel ma wettqet l-eżami prima facie tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi li huma s-suġġet tal-ilment (paragrafi 27 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija ssuponiet li kien jeżisti suq primarju ta’ prodotti, dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, u żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ, dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u dak tal-ispare parts għall-imsemmija arloġġi (paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Abbażi tal-eżami prima facie tagħha, hija kkunsidrat li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma kinux jikkostitwixxu swieq rilevanti separati, iżda kellhom jiġu kkunsidrati flimkien mas-suq primarju (paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      Ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Minn naħa, hija tqis li l-Kummissjoni għamelt żball meta ssostitwiet il-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” li kienet użat matul il-proċedura amministrattiva b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha żball tikkunsidra li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u “s-suq tal-ispare parts” ma kinux jikkostitwixxu swieq separati, iżda kellhom jiġu eżaminti flimkien mas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. Hija tafferma wkoll li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti mhumiewx sostitwibbli, b’mod li kull manifattur qiegħed f’pożizzjoni ta’ monopolju fir-rigward tal-ispare parts speċifiċi li jimmanifatura.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq sostituzzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”

73      Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess indikat, fil-paġna 5 tal-ilment tagħha, li t-talba għall-ispare parts teżisti biss “għall-arloġġi għaljin”, peress li, f’każ li ma jibqgħux jaħdmu, l-arloġġi inqas għaljin jiġu sempliċiment issostitwiti b’arloġġ ieħor. Fit-tieni lok, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti tindika li l-prezz tal-arloġġi ġodda kkonċernati mill-ilment tagħha huwa ta’ bejn EUR 1 500 u 4 000, filwaqt li, skont espert imsemmi mill-Kummissjoni fil-pożizzjoni provviżorja, il-funzjoni essenzjali ta’ arloġġ, jiġifieri li jikkalkola l-ħin, tinqeda b’mod sħiħ u preċiż minn apparat li jiswa madwar EUR 25.

74      Peress li l-prezzijiet tal-arloġġi li jaqgħu taħt il-gamma indikata mir-rikorrenti huma minn 60 sa 160 darba ogħla mill-prezz tal-irħas arloġġi li madankollu jaqdu l-funzjoni prinċipali tagħhom b’mod affidabbli, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-arloġġi kkonċernati mill-ilment huma “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”.

75      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami separat tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u ta’ dak tal-ispare parts

76      Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma ttrattax is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u dak jew dawk tal-ispare parts bħala swieq rilevanti separati, iżda eżaminathom flimkien mas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi bħala ħaġa waħda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata l-fatt li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti mhumiex sostitwibbli.

77      Għal dak li jikkonċerna dawn is-swieq ta’ wara l-bejgħ, il-Kummissjoni għamlet dawn il-konstatazzjonijiet ġenerali li ġejjin fid-deċiżjoni kkontestata:

“d)      Swieq ta’ wara l-bejgħ

(17)      Kif ġie spjegat fil-paragrafu 15 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ: dak tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ (tiswija u manutenzjoni), u dak tal-ispare parts peress li dawn iż-żewġt iswieq huma kkunsidrati bħala eżempji standard ta’ swieq ta’ wara l-bejgħ. L-evalwazzjoni prima facie tas-sitwazzjoni fis-suq primarju tal-manifattura u l-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kif ukoll fis-swieq ta’ wara l-bejgħ twassal għall-konklużjoni li s-swieq ta’ wara l-bejgħ m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala swieq ta’ prodotti rilevanti separati, iżda għandhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju […]

(18)      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dawn is-swieq għandhom jiġu kkunsidrati bħala swieq rilevanti separati, il-fatt li jidher li s-suq primarju huwa kompetittiv irendi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi eventwali improbabbli ħafna. B’mod partikolari, normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju, sakemm ma jkunx hemm tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq primarju sabiex jiġu kkumpensati l-prezzijiet ogħla fis-swieq ta’ wara l-bejgħ. B’hekk, hemm probabbiltà kbira li l-kompetizzjoni fis-suq primarju tiżgura prezz globali kompetittiv għall-gamma ta’ prodotti u servizzi kemm fis-suq primarju kif ukoll fis-swieq ta’ wara l-bejgħ (anki jekk il-klijenti ma jkunux għamlu l-għażla tagħhom abbażi ta’ kalkoli preċiżi fuq iċ-ċiklu tal-ħajja) [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

–       Fuq l-eżami relattiv għas-suq tal-ispare parts

78      Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li s-suq tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jikkostitwixxix suq rilevnati separat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“(ii)  Komponenti u spare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi

(23)      Kif ġie indikat preċedentement, jidher li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-komponenti tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jiddependi mis-suq primarju ta’ dawn l-arloġġi u huwa marbut b’mod strett miegħu. Din il-konstatazzjoni tikkontradixxi l-konklużjonijiet li nsiltu [mir-rikorrenti] li tikkunsidra li s-suq tal-ispare parts huwa suq separat f’dan il-każ [...]

(24)      Barra min hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li jista’ jkun li suq ta’ wara l-bejgħ li jikkonsisti f’prodotti sekondarji (spare parts) ta’ ditta ta’ prodotti primarji ma jkunx rilevanti f’żewġ sitwazzjonijiet: fl-ewwel lok, meta konsumatur jkollu l-possibbiltà jdur għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor u, fit-tieni lok, meta jkun possibbli għalih li jbiddel il-prodott primarju u b’hekk jevita prezzijiet iktar għoljin fis-suq ta’ wara l-bejgħ. F’dan il-każ, huwa ċar li l-konsumaturi ma humiex imblukkati mingħajr ma għandhom il-possibbiltà li jduru għal prodott primarju jew sekondarju ieħor.

(25)      F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li konsumatur idur għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor, għandu jiġi kkonstatat li [r-rikorrenti] ma rnexxilhiex tagħti spjegazzjoni kompleta, preċiża u koerenti fir-rigward tal-portata u l-limiti tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.

(26)      Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor, ix-xerrejja potenzjali ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi għandhom il-libertà sħiħa li jagħżlu fost diversi ditti eżistenti ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li jikkompetu ma’ xulxin. Għal dak li jirrigwarda l-klijenti li diġà għandhom arloġġi bħal dawn, bħala regola, huwa possibbli għalihom li jbiddlu l-prodott primarju, prinċipalment minħabba l-fatt li ħafna arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jista’ jkollhom valuri residwi għoljin f’diversi swieq tal-oġġetti użati u l-ispejjeż marbutin mal-bidla ma jinvolvu ebda investiment, bħat-taħriġ, tibdil ta’ rutina, installazzjonijiet, softwer, eċċ, ħaġa li tirrendi t-tibdil iktar u iktar faċli. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher li l-konsumaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom medda kbira ta’ possibbiltajiet li jibdlu, mingħajr ma jidħlu fi spejjeż eċċezzjonali, minn prodott primarju għal ieħor [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

79      B’hekk, skont il-konstatazzjoni ġenerali li tinsab fil-paragrafu 24 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-ispare parts għall-prodotti primarji ta’ ċerta ditta jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat f’żewġ sitwazzjonijiet : fl-ewwel lok, f’każ li l-konsumatur ikun jista’ jdur għall-ispare parts immanifatturati minn manifattur ieħor; fit-tieni lok, f’każ li l-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz fis-suq tal-ispare parts.

80      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni ġenerali fiha nfisha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li hija kompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq u mal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, iżda bil-kundizzjoni li jintwera li, f’każ ta’ żieda moderata u permanenti fil-prezz tal-prodotti sekondarji, numru suffiċjenti ta’ konsumaturi jduru għall-prodotti l-oħrajn, primarji jew sekondarji, sabiex irendu tali żieda mhux vantaġġuża.

81      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-kunsiderazzjonijiet, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni tat-test li riedet tistabbilixxi fil-paragrafu 24 tal-imsemmija deċiżjoni.

82      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, anki jekk, fil-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat is-“suq tal-ispare parts” bħala suq wieħed ta’ wara l-bejgħ (ara b’mod partikolari l-paragrafi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata), fil-paragrafu 24 tad-deċiżjoni kkontestata hija eżaminat is-sitwazzjonijiet fejn “suq ta’ [spare parts] ta’ ditta ta’ prodotti primarji” jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat.

83      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafi 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw żewġ partijiet parzjalment differenti tad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fl-ewwel lok, hemm il-kwistjoni jekk l-ispare parts kollha għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jiffurmawx suq wieħed, jew jikkostitwixxux diversi swieq u l-ispare parts speċifiċi għad-ditti jikkostitwixxu swieq separati. L-elementi relattivi għal din il-kwistjoni – il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi l-oħrajn sabiex tiġi evitata żieda fil-prezz applikat minn manifattur partikolari – huma ttrattati mill-Kummissjoni fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, hemm il-kwistjoni jekk is-suq tal-ispare parts jew in-numru kbir ta’ swieq tal-ispare parts għandhomx jiġu ttrattati bħala swieq rilevanti separati jew jekk għandhomx jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, bħala suq rilevanti wieħed unifikat. L-elementi relattivi għal din il-kwistjoni – dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz tal-ispare parts ta’ ċertu manifattur – huma eżaminati mill-Kummissjoni fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata.

84      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-possibbiltà tal-konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati mill-produtturi l-oħrajn, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, fis-sens tal-ġurisprudenza u tal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, iċċitati fil-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali possibbiltà, u, b’hekk, dik dwar jekk hemmx suq wieħed tal-ispare parts jew numru kbir ta’ swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti, tiddependi prinċipalment mill-eżistenza ta’ grad biżżejjed ta’ possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi differenti.

85      F’dan ir-rigward, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għażlet li ma tiħux pożizzjoni espressament fuq il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi differenti, inkwantu kkonstatat sempliċiment, fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[r-rikorrenti] ma rnexxilhiex tagħti spjegazzjoni kompleta, preċiża u koerenti fir-rigward tal-portata u l-limiti tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

86      Dan l-approċċ huwa f’kontradizzjoni mal-pożizzjoni provviżorja fejn il-Kummissjoni affermat b’mod espliċitu li, b’mod ġenerali, l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti mhumiex sostitwibbli, minħabba d-differenzi fid-daqs, id-disinn u minħabba fatturi oħrajn. B’hekk, skont il-pożizzjoni provviżorja, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huma l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom.

87      Bl-istess mod, l-intervenjenti ddikjarat li l-komponenti ta’ kull arloġġ huma differenti u parti kbira mill-ispare parts għal dawn l-arloġġi ma jistgħux jinbidlu ma’ spare parts immanifaturrati minn manifatturi oħrajn, minħabba n-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-prodotti primarji.

88      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, kopji tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni fil-każ ETA SA Manufacture horlogère suisse (Ġabra tad-deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni, 2005/1, p. 128) u ta’ pożizzjoni provviżorja, tat-12 ta’ Lulju 2002, tal-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża dwar ilment simili għal dak li ressqet quddiem il-Kummissjoni. L-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża kkunsidrat li “l-ispare parts tal-arloġġi kkonċernati [kienu] marbuta mad-ditta u ma [kinux] sostitwibbli”, b’mod li kien jeżisti numru ta’ swieq, jiġifieri suq għall-isapre parts speċifiċi li jappartjenu għal kull ditta. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Svizzeri kkunsidraw li l-komponenti tal-arloġġi, kompatibbli ma’ familja partikolari ta’ arloġġi, ma kinux sostitwibbli mal-komponenti kompatibbli ma’ familji oħra, b’mod li l-komponenti u l-ispare parts immanifatturati minn ETA kienu jappartjenu għal numru ta’ swieq rilevanti.

89      Indipendentment mill-kwistjoni jekk dawn l-elementi kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jew jekk humiex ta’ tali natura li jinvalidaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati minn produttur ieħor sabiex tiġi evitata żieda fil-prezz tal-ispare parts b’ebda mod ma ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tibbaża ruħha fuq din l-ipoteżi fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti f’dan il-każ.

90      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare partss, kienet tasal għall-konklużjoni, b’mod partikolari abbażi tal-evalwazzjoni tagħha fil-pożizzjoni provviżorja u tal-fatti li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni u l-pożizzjoni provviżorja tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni kien fihom, li, b’mod ġenerali, l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti ma kinux sostitwibbli, b’mod li ma tistax teżisti kompetizzjoni effettiva bejn l-imsemmija spare parts, għall-inqas għal dak li jikkonċerna l-ispare parts speċifiċi għad-ditti.

91      Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-konsumaturi jistgħu jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts billi jduru għal prodott primarju ieħor.

92      L-ewwel nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, din il-possibbiltà teżisti anki jekk il-konsumatur diġà jipposjedi arloġġ lussuż jew prestiġġjuż, peress li dan l-arloġġ jista’ jkollu valur residwu għoli fis-suq tal-oġġetti użati. Barra minn hekk, din il-possibbiltà hija ffaċilitata mill-fatt li ma tinvolvi, b’mod partikolari, ebda taħriġ, ebda tibdil ta’ rutina, ebda installazzjoni, u ebda softwer.

93      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kumplessità tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-arloġġi, ġeneralment, it-talba għall-ispare parts ma toriġinax mill-persuni li jużaw l-arloġġi, iżda mill-ispeċjalisti li jipprovdu dawn is-servizzi. B’hekk, mill-perspettiva tal-konsumatur, żieda fil-prezz tal-ispare parts normalment tiġi integrata fil-prezz ta’ dawn is-servizzi.

94      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha li wasslet għall-konklużjoni tagħha dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor, il-Kummissjoni b’ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni tagħha, fil-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ fuq it-tul tal-ħajja tal-arloġġi huwa spiża żgħira, meta mqabbel mal-ispiża inizjali tal-arloġġ lussuż jew prestiġġjuż stess, u l-konsumatur jikkunsidrah bħala element relativament mhux importanti fil-prezz sħiħ.

95      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti prodotti fuq talba tal-Qorti Ġenerali u mid-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti jirriżulta li l-prezz totali tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ dawn l-arloġġi, fuq perijodu ta’ għaxar snin, jibqa’ għall-maġġoranza tal-mudelli, ta’ inqas minn 5 % tal-prezz tal-arloġġ ġdid. Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li l-prezz tal-ispare parts normalment jiġi integrat f’dan il-prezz, b’mod li jirrappreżenta perċentwali saħansitra iktar limitata tal-prezz tal-arloġġ ġdid. B’hekk, jidher li żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts tibqa’ ammont negliġibbli meta mqabbla mal-prezz ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż ġdid.

96      Dan l-element fih innifsu jista’ jikkomprometti l-validità tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma turix li l-konsumatur jista’ raġonevolment jagħżel li jdur għal prodott primarju ieħor, bil-għan li jevita żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni li tirriżulta minn żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts, fid-dawl tal-fatt li x-xiri ta’ prodott primarju ieħor jimplika prezz sostanzjlament ogħla.

97      L-indikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ suq tal-oġġetti użati għall-arloġġi ma tistax tagħmel tajjeb għal din l-ommissjoni fl-evalwazzjoni tagħha. Hija tindika sempliċiment, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “bħala regola, huwa possibbli għalihom li jbiddlu l-prodott primarju, prinċipalment minħabba l-fatt li ħafna arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jista’ jkollhom valuri residwi għoljin f’diversi swieq tal-oġġetti użati”.

98      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma taffermax li l-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kollha, jew anki l-maġġoranza tagħhom, għandhom valur residwu għoli fis-suq tal-oġġetti użati. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li bejgħ ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż bi prezz raġonevoli fis-suq tal-oġġetti użati huwa biss eventwalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’ebda mod ma eżaminat il-kwistjoni jekk, anki f’każ ta’ bejgħ fis-suq tal-oġġetti użati, id-differenza bejn il-prezz riċevut u l-prezz imħallas għal arloġġ ieħor – u b’hekk it-telf subit mill-konsumatur riżultanti mit-tibdil tal-arloġġ – tibqax inqas mill-ammont li jista’ jitfaddal billi tiġi evitata b’dan il-mod żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts ta’ ċerta ditta.

99      Għandu jingħad ukoll li, sabiex jinbigħ arloġġ fis-suq tal-oġġetti użati, bħala regola għandu jiġi żgurat li jinsab fi stat tajjeb. B’hekk, bħala regola, il-konsumatur ikollu jsewwi arloġġ qabel ma jbigħu u jekk ma jagħmilx hekk, huwa x-xerrej li jkollu jassumi l-ispiża ta’ tali tiswija, ħaġa li xorta waħda tiġi riflessa fil-prezz li jirċievi l-konsumatur. B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-konsumatur jista’ jevita żieda fil-prezz tal-ispare parts billi jbigħ l-arloġġ tiegħu fis-suq tal-oġġetti użati u jixtri arloġġ ġdid hija pprivata minn kul plawżibbiltà mill-fatt li ż-żieda eventwali fil-prezz tal-ispare parts fi kwalunkwe każ għandha tiġi aċċettata mill-konsumatur.

100    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkunsidra fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ispejjeż ta’ bidla għal prodott primarju ieħor ma jinvolvu ebda investiment bħat-taħriġ, tibdil fl-rutina, installazzjonijiet jew softwer, ħaġa li tirrendi tali bidla iktar faċli.

101    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra s-suq tal-ispare parts mill-perspettiva tal-konsumatur finali (dak li juża l-arloġġ). Issa, l-użu ta’ tali oġġett is-soltu ma jinvolvi ebda investiment fit-taħriġ, tibdil ta’ rutina, installazjonijiet jew softwer. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra b’mod validu li n-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ tali investimenti jiffaċilita t-tibdil għal prodott primarju ieħor.

102    Abbażi tas-suespost, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu b’mod raġonevoli jduru għal prodott primarju ieħor sabiex jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts. Il-provi prodotti mill-Kummissjoni jindikaw biss possibbiltà purament teoretika li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor, ħaġa li ma tistax tkun prova biżżejjed għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fil-fatt, din hija bbażata fuq il-kunċett tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva, li tippresupponi li numru biżżejjed ta’ konsumaturi jdur realment għal prodott primarju ieħor, f’każ ta’ żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts, sabiex tali żieda ma tkunx profitabbli (ara l-punti 67, 69 u 70 iktar ’il fuq).

103    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-impatt tal-affermazzjoni li tinsab fil-paragrafu 26 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li x-xerrejja potenzjali tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu jagħżlu liberament fost diversi trade marks eżistenti ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li jikkompetu ma’ xulxin. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fis-seduta, li l-elementi msemmija, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi ma kinux jikkostitwixxu l-bażi prinċipali tal-konklużjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Hija ssostni li r-raġuni għalfejn is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ għandhom jiġu ttrattati flimkien bħala suq wieħed unifikat (“marché de système”) hija li ż-żidiet fil-prezz fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ikollhom il-konsegwenza li t-talba ddur għall-prodotti tal-manifatturi l-oħrajn fis-suq primarju, ħaġa li tirrendi tali żieda mhux profitabbli.

104    Għandu jiġi rrilevat li dan il-pass huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza, peress li, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, mhemmx lok li wieħed jillimita ruħu biss għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

105    Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq u mill-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti jirriżulta li, sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ ikunu jistgħu jiġu ttrattati flimkien, eventwalment bħala suq unifikat wieħed jew “marché de système”, għandu jintwera, fl-ipoteżi kkunsidrata mill-Kummissjoni (ara l-punt 103 iktar ’il fuq), li numru biżżejjed ta’ konsumaturi jduru għall-prodotti primarji l-oħrajn fil-każ ta’ żieda moderata fil-prezzijiet tal-prodotti jew servizzi li jappartjenu għas-suq ta’ wara l-bejgħ sabiex irendu tali żieda mhux profitabbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 75). Fi kliem ieħor, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-paragrafu 26 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi possibbiltà għall-konsumatur li jagħżel minn fost diversi trade marks eżistenti tal-prodott primarju ma hijiex biżżejjed sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ jiġu ttrattati bħala suq wieħed, jekk ma jiġix stabbilit li din l-għażla tiġi eżerċitata b’mod partikolari skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju.

106    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-żidiet fil-prezz ta’ manifattur partikolari fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ikollhom xi impatt kwalunkwe fuq il-volum tal-bejgħ fis-suq primarju. Għall-kuntrarju, hija enfasizzat kemm-il darba li l-prezz tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija (li fihom huwa inkluż il-prezz tal-ispare parts) huwa żgħir ħafna u ma huwiex importanti meta mqabbel mal-prezz inizjali tal-arloġġ lussuż jew prestiġġjuż stess (ara l-punt 94 iktar ’il fuq). Skont l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-prezz jibqa’ żgħir ħafna meta mqabel mal-prezz inizjali jekk jiġi kkunsidrat it-tul ta’ ħajja kollha tal-prodott, b’mod li ma tantx huwa probabbli li x-xerrejja potenzjali jikkalkolaw dan il-prezz għat-tul ta’ ħajja kollha tal-prodott primarju. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi, fl-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, li “l-konsumatur ma jikkunsidrax il-prezz tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”.

107    Għaldaqstant, mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu raġonevolment iduru għal prodott primarju ieħor sabiex jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts, lanqas li, b’mod ġenerali, il-prezz tal-ispare parts jinfluwenza l-kompetizzjoni bejn il-prodotti primarji. Konsegwentement, ma wrietx li żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts minn ċertu manifattur tikkawża bidla fit-talba lejn l-arloġġi tal-produtturi l-oħrajn, li tirrendi tali żieda mhux profitabbli. B’hekk, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminathom flimkien, bħala li jagħmlu parti minn suq wieħed.

108    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni fil-każ ETA SA Manufacture horlogère suisse, ETA hija l-ikbar manifattur ta’ komponenti u spare parts ta’ arloġġi Svizzeri – inklużi dawk lussużi jew prestiġġjużi. Madankollu, din il-kumpannija ma timmanifatturax arloġġi sħaħ. Issa, skont il-ġurisprudenza, jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq ta’ wara l-bejgħ ta’ suq primarju, dan jikkostitwixxi fih innifsu indizju serju tal-eżistenza ta’ suq speċifiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Hilti vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 67).

109    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ dan l-iżball, u li kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja dwar in-nuqqas ġenerali ta’ possibbiltà ta’ sostituzzjoni bejn l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti, kif ukoll l-elementi pprovduti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward (ara l-punti 86, 88 u 89 iktar ’il fuq), kienet tikkonkludi li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, skont is-sostitwibbiltà tagħhom.

–       Fuq l-eżami dwar is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni

110    Fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi suq ma għandux jiġi ttrattat bħala suq rilevanti separat hijiex iġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

111    F’dawn l-aħħar paragrafi, il-Kummissjoni affermat dan li ġej:

“(i)      Manutenzjoni u tiswija wara l-bejgħ

(19)      Jidher li l-iżvilupp naturali tas-suq ikkaratterizzat miż-żieda fit-talba ta’ mekkaniżimi kumplessi fis-settur tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi wassal lill-biċċa l-kbira tal-manifatturi ta’ tali arloġġi sabiex ibiddlu l-politika tagħhom u jawtorizzaw il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dawn l-arloġġi biss fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħhom. Dawn l-aħħar għoxrin sena, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi adottaw din l-istrateġija speċifika għall-provvista ta’ dawn is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, wieħed wara l-ieħor, u skont il-prijorità mogħtija minn kull manifattur individwali lis-segment tal-prodotti lussużi.

(20)      Il-Kummissjoni tosserva li l-manifatturi ta’ arloġġi jikkunsidraw il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ wara l-bejgħ bħala servizz anċillari għad-distribuzzjoni tal-arloġġi, ħaġa li juri b’mod partikolari l-ammont ta’ dħul tal-manifatturi ta’ arloġġi fl-imsemmi suq. Dan l-ammont ma huwiex kbir u bħala medja jikkostitwixxi parti żgħira mid-dħul totali miksub. Barra minn hekk, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jipperċepixxu t-twaqqif ta’ netwerk ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ kwalità tajba konsistenti u uniformi bħala element essenzjali ggwidat mit-talba tal-klijent, u bħala komponent fundamentali li jagħmel parti integrali mill-istrateġija ta’ kompetizzjoni tagħhom fis-suq primarju. Skont il-manifatturi, il-prodott primarju jitlef mill-valur tiegħu f’għajnejn il-klijenti jekk l-immaġni tiegħu tiġi assoċjata ma’ xi ħaġa differenti minn servizzi ta’ wara l-bejgħ state-of-the-art, partikolari għad-ditta, li jingħataw jew mill-manifatturi tal-arloġġi stess jew f’ċentri ta’ servizzi approvati.

(21)      Għal dak li jirrigwarda l-arloġġara indipendenti, ma jidhirx li dejjem huma kapaċi jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla bbażati fuq il-kwalità stabbiliti mill-manifatturi ta’ arloġġi għall-ħwienet ta’ tiswija approvati tagħhom […] Barra minn hekk, skont ċerti manifatturi tal-arloġġi, sa 30 % tat-tiswijiet li jsiru fiċ-ċentri ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ tagħhom jirrigwardaw danni kkawżati minn tiswija inadegwata u ħażina magħmula minn arloġġara li m’għandhomx l-għarfien u l-kompetenzi xierqa.

(22)      Għandu jiġi rrilevat ukoll li partikolarità oħra tal-prodott inkwistjoni tikkonsisti fil-fatt li l-ispiża għall-klijent tas-servizz ta’ wara l-bejgħ matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż hija minima meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li l-klijent b’hekk jikkunsidraha bħala element relativament żgħir tal-prezz tal-‘pakkett’ globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

112    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq marbut mas-suq primarju jew mas-suq ta’ wara l-bejgħ, dan fih innifsu jikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ suq speċifiku.

113    Ir-rikorrenti sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-fatt li arloġġara indipendenti, li jikkostitwixxu professjoni, mhumiex attivi fis-suq tal-arloġġi, iżda biss fis-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi, jikkostitwixxi indikazzjoni fih innifsu tal-eżistenza ta’ suq separat tal-imsemmija servizzi. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan l-indizju serju ppreżentat mir-rikorrenti.

114    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, anki jekk iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma speċifiċi ħafna, fid-dawl tal-fatt li dan huwa, minn naħa, suq ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, suq ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ, il-Kummissjoni ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti meta tagħżel li tikkunsidra s-suq ta’ wara l-bejgħ flimkien mas-suq primarju, eventwalment bħala suq wieħed rilevanti.

115    Bl-eċċezzjoni tal-indikazzjoni li l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ hija minima meta mqabbla mal-prezz inizjali ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż, ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet elenkati mill-Kummissjoni fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija relatata mal-elementi msemmija mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, u lanqas, barra minn hekk, ma’ dawk li jinsabu fl-att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (ara l-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq).

116    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni m’għamlitx l-analiżi li kkunsidrat li hija l-iktar waħda rilevanti fir-rigward tas-suq jew tas-swieq tal-ispare parts, jiġifieri, mutatis mutandis, dik biex jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi jistgħux jevitaw żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni billi jduru għall-prodotti primarji ta’ manifatturi oħrajn.

117    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ hija żgħira ħafna meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-konsumatur ma jqisx l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”.

118    Għaldaqstnat, fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fin-nuqqas ta’ prova oħra fid-deċiżjoni kkontestata li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza u l-att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (ċċitati fil-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li żieda moderata fil-prezzijiet fis-suq tas-servizzi tikkawża bidla fit-talba fis-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li tista’ tirrendi tali żieda mhux profittabbli, u lanqas li, b’mod ġenerali, il-prezz tas-servizzi għandu influwenza fuq il-kompetizzjoni bejn il-prodotti primarji.

119    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li hija esponiet fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi ma kienx jikkostitwixxi suq rilevanti separat, iżda, għall-kuntrarju, kellu jiġi eżaminat flimkien ma’ dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. B’hekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

120    Peress li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u dak jew dawk tal-ispare parts ma jikkostitwixxux swieq rilevanti li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja dawn il-vizzji, il-Kummissjoni setgħetx leġittimament tikkonkludi li ma kienx jeżisti interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli bl-investigazzjoni tagħha.

121    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-probabbiltà żgħira li nkisru l-Artikoli 81 KE u 82 KE tinsab fost il-motivi prinċipali li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ tali interess. B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti setgħetx ikollha effett fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-probabbiltà li nkisru r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

3.     Fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE

 L-argumenti tal-partijiet

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri effettivament ftehmu biex jeliminaw l-arloġġara indipendenti tas-suq Komunitarju tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tal-arloġġi u b’hekk kisru l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-prattika li tiġi rrifjutata l-provvista tal-ispare parts lill-arloġġara indipendenti tikkostitwixxi sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999.

123    Fir-rigward tal-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tippretendi li ma sabet ebda prova dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ tali prattika normalment ma tiġix indikata bi provi diretti, iżda minn provi ċirkostanzjali. F’dan il-każ, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti pprovdiet diversi indizji f’dan ir-rigward. Hija indikat, l-ewwel nett, li l-maġġoranza tal- manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri kienu interrompew il-provvista tal-ispare parts matul perijodu partikolari, it-tieni nett, li kważi t-totalità tal-manifatturi li kontrihom sar l-ilment kienu jappartjenu għal “gruppi” ta’ manifatturi organizzati sew u, it-tielet nett, li lkoll kienu jiltaqgħu b’mod regolari sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ strateġija bħala membri tal-Fédération horlogère suisse (FHS). Issa, il-Kummisjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u sempliċiment ikkontestat it-tul tal-perijodu li matulu seħħ ir-rifjut effettiv tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri milli jkomplu jipprovdu l-ispare parts (paragrafu 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki din il-kontestazzjoni, mill-Kummissjoni, ma hijiex fondata, peress li r-rikorrenti pprovditilha dokument li jindika l-konċentrazzjoni tar-rifjuti kkontestati tul ċertu żmien fi Stat Membru partikolari.

124    Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li l-prattika inkwistjoni setgħet tibbenefika minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(3) KE kif ippreċiżati fir-Regolament Nru 2790/1999, ma humiex sodisfatti.

125    Il-Kummissjoni ssostni li, hekk kif spjegat fil-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, matul l-investigazzjoni tagħha, hija ma sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ akkordju bejn il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. Ir-rikorrenti ma pprovditilha ebda informazzjoni affidabbli li fuqha setgħet ibbażat ruħha sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81 KE. Għall-kuntrarju, jidher li s-suq primarju tal-arloġġi huwa kompetittiv, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

126    Għal dak li jikkonċerna d-dokument, prodott mir-rikorrenti, dwar il-konċentrazzjoni tar-rifjuti tul ċertu żmien, il-Kummissjoni tenfasizza li tfassal mir-rikorrenti stess, mingħajr ma speċifikat is-sors tagħha, u li jikkonċerna Stat Membru wieħed biss. Konsegwentement, l-imsemmi dokument għandu valur probatorju dgħajjef ħafna. Fi kwalunkwe każ, juri r-rifjut progressiv li jiġu pprovduti spare parts ta’ arloġġi bejn l-1985 u l-2008, ħaġa li tirrifletti żvilupp naturali tas-suq.

127    Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stabbilita mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2790/1999 u li ma teżisti ebda prova tal-eżistenza ta’ prattiki li jmorru kontra l-Artikolu 4(a) tal-imsemmi regolament. Il-fatt li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri biddlu l-prattika tagħhom billi għażlu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva bbażata fuq kriterji kwalitattivi jirriżulta għalkollox mid-dinamika tas-suq u jwieġeb għat-talba tal-konsumaturi kif ukoll għall-għan tal-manifatturi li jiggarantixxu servizzi tal-aqwa kwalità.

128    L-intervenjenti ssostni li l-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-konċentrazzjoni tar-rifjuti tul ċertu żmien – matul perijodu ta’ “bejn wieħed u ieħor sentejn” qabel ma tressaq l-ilment – hija sostanzjalment skorretta.

129    Barra minn hekk, l-intervenjenti taqbel mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-kwalità tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ ipprovduti mill-arloġġara indipendenti hija s-suġġett ta’ iktar ilmenti minn dik tat-tiswijiet li jsiru mill-ħwienet approvati jew mill-manifattur stess.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

130    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn il-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-paragrafu 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tippermetti li tiġi suspettata l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma intiża biex jiġu eliminati l-arloġġara indipendenti tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, hija vvizzjata b’illegalità.

131    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li d-dokument intitolat “progressjoni tar-rifjut” juri li fl-1985 tliet ditti biss irrifjutaw li jipprovdu l-ispare parts, li fl-1990, dan in-numru kien tela’ għal 5, fl-1995 għal 15, fl-2000 għal 35, fl-2005 għal 38 u, fl-aħħar, fl-2008, dan in-numru kien ta’ 50.

132    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, anki dan id-dokument, li tfassal mir-rikorrenti, pjuttost jikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-progressjoni tar-rifjut ma kinitx ir-riżultat ta’ akkordju, iżda ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti adottati mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri.

133    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-prattika ta’ distribuzzjoni selettiva tal-ispare parts – li kienet tinvolvi r-rifjut li l-imsemmija spare parts jiġu pprovduti lill-arloġġara indipendenti u l-projbizzjoni lill-impriżi inklużi fin-netwerk milli jipprovdu l-imsemmija spare parts lil operaturi li ma kinux jagħmlu parti min-netwerk – hija prattika li tmur kontra l-Artikolu 81 KE u ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999.

134    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistipula kif ġej:

“Skond l-Artikolu 81(3)[KE] u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa dikjarat li l-Artikolu 81(1)[KE] m’għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-għanijiet tal-ftehim, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal-kondizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (‘ftehim vertikali’).

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li dawn il-ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 81(1) (‘restrizzjonijiet vertikali’).”

135    Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, “l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt”.

136    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 94 tal-Linji gwida fuq trażżin vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 1, p. 390):

“Fejn fornitur jipproduċi kemm tagħmir oriġinali u t-tiswija jew tibdil tal-parts għal dan it-tagħmir, il-fornitur ħafna drabi jkun l-uniku jew il-fornitur maġġuri fis-suq ta’ wara għat-tiswija u bdil tal-parts […] Is-suq relevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 2790/1999] jista’ jkun it-tagħmir oriġinali li jinkludi l-‘ispare parts’ jew suq tat-tagħmir oriġinali separat u suq ta’ wara li jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ, bħalma huma l-effetti tar-restrizzjonijiet involuti, t-tul ta’ ħajja tat-tagħmir u l-importanza ta’ l-ispiża tat-tiswija jew tibdil”.

137    F’dan il-każ, fil-paragrafu 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward kif ġej:

“[...] Kif diġà ġie spjegat, l-analiżi li twettqet mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura wasslet għall-konklużjoni li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts m’għandux jiġi pperċepit bħala suq separat mis-suq primarju. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata s-setgħa ta’ manifattur partikolari ta’ arloġġi fis-suq b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tiegħu u s-saħħa tiegħu fis-suq primarju. Din hija r-raġuni għalfejn, meta jitqies il-fatt li ebda wieħed mill-manifatturi jidher li għandu pożizzjoni dominanti fis-suq primarju, jew li għandu sehem mis-suq ta’ iktar minn 30 %, jidher li jistgħu jibbenefikaw mir-regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

138    Għandu jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, skont is-sostitwibbiltà tagħhom.

139    Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha xejn x’juri li s-sehem mis-suq tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri jibqa’ inqas minn 30 % anki fis-swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, u li kieku l-Kummissjoni kienet irriproduċiet fid-deċiżjoni kkontestata l-konstatazzjoni li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri ta’ gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom, kienet tikkonkludi li l-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999 ma hijiex applikabbli, fid-dawl tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tiegħu.

141    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Konklużjoni”, fir-rigward tal-probabbiltà żgħira li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jiksru l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda element ieħor minbarra l-applikabbiltà tal-eżenzjoni ġenerali skont ir-Regolament Nru 2790/1999. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsdira li dan l-element kellu importanza deċiżiva f’dan ir-rigward.

142    B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq jivvizzja wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-probabbiltà żgħira li seħħ ksur tal-Artikolu 81 KE.

4.     Fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE

 L-argumenti tal-partijiet

143    Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti jew ta’ monopolju ta’ kull manifattur ta’ arloġġi Svizzeri fir-rigward tal-ispare parts speċifiċi għat-trade mark tiegħu fil-pożizzjoni provviżorja. Meta rrifjutaw li jkomplu jipprovdu l-ispare parts tagħhom, dawn il-manifatturi wettqu abbuż.

144    Skont ir-rikorrenti, il-fatt li s-suq tal-arloġġi Svizzeri hu, skont il-Kummissjoni, suq kompetittiv ma għandu ebda effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija, li jmissu ġie kkunsidrat bħala suq rilevanti separat f’dan il-każ. Hija tirrileva li s-suq imsemmi l-aħħar m’għadux kompetittiv, ħlief għal ċerta kompetizzjoni residwa bejn l-arloġġara indipendenti u l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri. Il-prattika tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li jirrifjutaw li jkomplu jipprovdu l-ispare parts hija intiża biex telimina anki din il-kompetizzjoni residwa.

145    Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-analiżi tagħha, is-suq primarju huwa dak tal-arloġġi, li minnu jiddependi għalkollox is-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts għall-arloġġi. Is-suq tal-arloġġi hu kompetittiv biżżejjed u ebda prova ma turi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, lanqas a fortiori ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

146    L-intervenjenti tafferma li m’għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq primarju. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet neċessarji biex tkun tista’ tiġi stabbilita pożizzjoni dominanti kollettiva mhumiex sodisfatti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

147    Fil-paragrafu 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej:

“[G]ħal dak li jikkonċerna s-swieq ta’ wara l-bejgħ, diġà ġie stabbilit li jidher li ma huwiex probabbli li dawn jikkostitwixxu suq li għandu jiġi evalwat separatament, u b’hekk il-kwistjoni tad-dominanza fuqhom m’għandhiex tiġi evalwata b’mod separat mis-suq primarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

148    Fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Konklużjoni”, il-Kummissjoni tafferma dan li ġej:

“[L-]analiżi wasslet għall-konklużjoni, prima facie, li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati f’dan il-każ, u li b’hekk ma jidhirx li teżisti pożizzjoni dominanti, la kollettiva u lanqas individwali, fis-swieq ta’ wara l-bejgħ eżaminati. Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-kwistjoni tal-abbuż tilfet kull rilevanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

149    Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 109 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet tikkunsidra li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti kienu jikkostitwixxu swieq rilevanti separati skont il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tagħhom.

150    Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda analiżi dwar il-pożizzjoni dominanti li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri għandhom fis-swieq tal-ispare parts speċfiċi għad-ditti proprji tagħhom. B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tbegħditx mill-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja, li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom, u lanqas ma ħadet pożizzjoni fuq l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri kellhom pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti proprji tagħhom.

151    Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, u b’hekk eżaminat il-pożizzjoni tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri f’dawn is-swieq, kienet tirriproduċi l-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja, li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li kienet tistabbilixxi, fuq din il-bażi, li l-imsemmija manifatturi kellhom pożizzjoni dominanti, jekk mhux monopolju, għall-inqas għal dak li jikkonċerna ċerti gammi tal-ispare parts tagħhom, li jikkostitwixxu swieq rilevanti.

152    Peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tikkonkludi dwar il-probabbiltà żgħira li sar ksur tal-Artikolu 82 KE, fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li twettaq fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti jivvizzja wkoll l-imsemmija konklużjoni.

5.     Fuq l-evalwazzjoni ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex titkompla l-investigazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafu 9 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-effett limitat tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-kumplessità tal-investigazzjoni meħtieġa u l-probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur huma żbaljati, jew, għall-inqas, ma huma sostnuti minn ebda prova jew argument. B’mod partikolari, hija ssostni li l-affermazzjoni dwar l-effett limitat tal-allegat ksur hija żbaljata, peress li qed tintilef professjoni artiġġjanali fl-Unjoni.

154    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li “ma hijiex konvinta li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa s-suq (primarju) rilevanti f’dan il-każ”, madankollu żammet din id-definizzjoni bħala bażi tal-evalwazzjoni tagħha. Bl-istess mod, fin-nuqqas li tiddefinixxi s-suq rilevanti, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’, mingħajr ma twettaq żball ta’ loġika, tikkonkludi li “ma [kien] hemm ebda indikazzjoni li l-funzjonament ta’ dan is-suq ikun imxekkel”.

155    Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir antikompetittiv allegat jikkonċerna l-Istati Membri kollha, b’mod li hija hi fl-aħjar pożizzjoni biex tadotta miżuri li jerġgħu jistabbilixxu kompetizzjoni b’saħħitha fi ħdan is-suq komuni. Ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kwistjoni jekk, billi rreferiet lill-persuna li lmentat għall-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-protezzjoni li tista’ tingħata minn dawn tal-aħħar. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ awtorità waħda jew ta’ qorti waħda ma tistax issolvi l-problemi ta’ funzjonament ħażin tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari peress li d-ditti ta’ arloġġi Svizzeri mhumiex irrappreżentati lkoll fl-Istati Membri kollha.

156    Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq (punt 79). Hija tinvoka li l-interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla investigazzjoni għandu jiġi evalwat skont kriterju ta’ bbilanċjar. Meta tapplika dan il-kriterju, hija tkun tista’ tikkonkludi li lment ma għandux interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla investigazzjoni dwaru, u dan abbażi ta’ fattur wieħed biss jew ta’ diversi fatturi. Peress li l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju ta’ ilment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li tista’ tirreferi għalihom ma għandux ikun limitat u lanqas, għall-kuntrarju, għandu jiġi impost fuqha l-użu esklużiv ta’ ċerti kriterji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija tista’ tistabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti u tista’ tirreferi għall-interess Komunitarju li jkollu każ, bħala kriterju ta’ prijorità (sentenza Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 60; ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settemrbu 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punti 83 sa 85).

158    Sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju biex titkompla l-investigazzjoni ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. B’mod partikolari, għandha tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Automec vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 86; Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 62, u Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 46).

159    F’dan ir-rigward, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk jirriżultax mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni bbilanċjat l-importanza tad-dannu li l-ksur allegat jista’ jagħmel għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa sabiex taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha li tissorvelja l-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara s-sentenza Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata)

160    Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, fis-sens li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’abbuż ta’ poter .

161    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax ikun biżżejjed biex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, ma setax ikollu influwenza determinanti fuq ir-riżultat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il-Kummissjoni, T‑60/05, Ġabra p. II‑3397, punt 77; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punti 48 u 49). Bl-istess mod, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, hu biżżejjed li l-Kummissjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑211/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-importanza, fl-istruttura tad-deċiżjoni, tal-kunsiderazzjonijiet ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), minħabba n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti, minkejja l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li lmentat għarrfitha bihom (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 107 u 199 iktar ’il fuq), sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-illegalitajiet setgħux jaffettwaw l-ibbilanċjar mill-Kummissjoni tal-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, tal-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u tal-portata tal-miżuri investigattivi neċessarji.

163    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejed biex titkompla l-investigazzjoni hija bbażata fuq erba’ kunsiderazzjonijiet essenzjali. L-ewwel nett, l-ilment jikkonċerna suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat biss, b’mod li l-importanza ekonomika tagħhom ukoll hi limitata. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, li jeżisti akkordju jew prattika miftiehma u ma huwiex probabbli li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva stabbiliti mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri mhumiex koperti mill-eżenzjoni ġenerali mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999. It-tielet nett, peress li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati, ma jidher li teżisti ebda pożizzjoni dominanti, b’mod li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ma hijiex rilevanti. Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ksur allegat, anki fil-każ ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għall-investigazzjoni tal-ilment, il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tibqa’ żgħira. Fi kwalunkwe każ, anki jekk seta’ jiġi stabbilit ksur, jidher li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattawh (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq).

164    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kunsiderazzjoni li l-ilment jikkonċerna biss suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat, b’mod li l-importanza ekonomika tagħhom ukoll hi limitata, kellha rwol importanti fl-ibbilanċjar, mill-Kummissjoni, tal-fatturi li għandhom jiġu evalwati sabiex tiġi ddetminata l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni. Din il-kunsiderazzjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi ksur tal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti kollha u li teżamina bir-reqqa l-elementi kollha li r-rikorrenti għarrfitha bihom (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

165    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti jivvizzjaw ukoll il-konklużjonijiet tagħha dwar il-probabbiltà żgħira tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

166    Il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma hijiex konvinta li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa s-suq (primarju) rilevanti f’dan il-każ”, u li, fi kwalunkwe każ, ma kienx neċessarju li tagħti delimitazzjoni eżatta tas-suq rilevanti peress li “ma [kien] hemm ebda indikazzjoni li l-funzjonament ta’ dan is-suq ikun imxekkel” ma tistax tagħmel tajjeb għal dawn l-illegalitajiet.

167    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-paragrafu 33 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 137 iktar ’il fuq) dan li ġej:

“[L]-analiżi li twettqet […] wasslet għall-konklużjoni li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts m’għandux jiġi pperċepit bħala suq separat mis-suq primarju. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata s-setgħa ta’ manifattur partikolari ta’ arloġġi fis-suq b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tiegħu u s-saħħa tiegħu fis-suq primarju. Din hija r-raġuni għalfejn, meta jitqies il-fatt li ebda wieħed mill-manifatturi jidher li għandu pożizzjoni dominanti fis-suq primarju, jew li għandu sehem mis-suq ta’ iktar minn 30 %, jidher li jistgħu jibbenefikaw mir-regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

168    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 148 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“[L-]analiżi wasslet għall-konklużjoni, prima facie, li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati f’dan il-każ, u li b’hekk ma jidhirx li teżisti pożizzjoni dominanti […] fis-swieq ta’ wara l-bejgħ eżaminati. Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-kwistjoni tal-abbuż tilfet kull rilevanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

169    Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-definizzjoni tas-suq prima facie biex issostni l-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà żgħira tal-eżistenza tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u fuq din l-aħħar konklużjoni biex issostni l-konstatazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ tfixkil fis-suq inkwistjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi b’mod validu li ma kellhiex bżonn tiddefinixxi s-suq rilevanti minħabba nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ tfixkil fis-suq, peress li l-konstatazzjoni tagħha dwar in-nuqqas tal-imsemmi tfixkil kienet ibbażata preċiżament fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti li xorta waħda tat.

170    Bl-istess mod, l-illegalitajiet kommessi mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti ma jistgħux jiġu nnewtralizzati mill-affermazzjoni tagħha, li tinsab fil-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li “anki jekk jitqies li dawn is-swieq għandhom jiġu kkunsidrati bħala swieq rilevanti separati, il-fatt li jidher li s-suq primarju huwa kompetittiv irendi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi eventwali improbabbli ħafna[; b’]mod partikolari, normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju, sakemm ma jkunx hemm tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq primarju sabiex jiġu kkumpensati l-prezzijiet ogħla fis-swieq ta’ wara l-bejgħ [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

171    Fil-fatt, il-Kummissjoni tibbaża l-affermazzjoni tagħha li “normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju” fuq ebda analiżi jew prova. Għall-kuntrarju, hija tinvoka, fid-deċiżjoni kkontestata, element li jqajjem dubji dwarha, billi tenfasizza li “l-konsumatur ma jikkunsidrax l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”. Fil-fatt, dan l-element għandu l-konsegwenza plawżibbli li ż-żieda fil-prezz tal-imsemmija servizzi – jew fil-prezz tal-ispare parts inklużi fil-prezz tal-imsemmija servizzi – ma taffettwax it-talba għall-arloġġi tad-ditta li żżid il-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ (ara l-punt 106 iktar ’il fuq).

172    Fit-tielet lok, peress li l-maġġoranza tal-kunsiderazzjonijiet li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, bin-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni element rilevanti, imsemmi fl-ilment, u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-uniku motiv validu li fadal, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jinvestigaw l-eventwali ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u biex jittrattawh, jistax fih innifsu jiġġustifika l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed.

173    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta l-effetti tal-ksur allegat fl-ilment jinħassu biss, essenzjalment, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-kawżi relattivi għal dan il-ksur ikunu tressqu mill-persuna li tilmenta quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, iżda bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-persuna li tilmenta jkunu jistgħu jiġu protetti b’mod sodisfaċenti mill-qrati nazzjonali, ħaġa li tippresupponi li dawn ikunu f’pożizzjoni li jiġbru informazzjoni fuq il-fatti biex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati iktar ’il fuq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2007, Au lys de France vs Il-Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Automec vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punti 89 sa 96).

174    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-kawżi preċedenti li fihom il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi fuq motiv tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li għandhom il-persuni li jilmentaw li jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-portata tal-prattiki kkritikati mill-imsemmija persuni li jilmentaw kienet essenzjalment limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u l-imsemmiija awtoritajiet jew qrati kienu diġà ġew aditi bil-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, BEMIM vs Il-Kummissjoni, T‑114/92, Ġabra p. II‑147, punti 76 u 77; Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 73 u 74; AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 46, u UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, punt 157).

175    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, anki jekk il-Kummissjoni tirrileva li jeżistu varjazzjonijiet żgħar bejn l-Istati Membri differenti għal dak li jikkonċerna l-portata tal-prattika kkritikata mir-rikorrenti, hija ammettiet li l-imsemmija prattika tikkonċerna għall-inqas it-terrritorju ta’ ħames Stati Membri, u la tikkontesta u lanqas ma tikkonferma li hija preżenti fit-territorju kollu tal-Unjoni.

176    B’ehkk, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw l-eventwali ksur li huwa s-suġġett tal-ilment, kif ikkonkludiet il-Kummissjoni fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-kunsiderazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed biex issostni l-konklużjoni finali tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed. Fil-fatt, il-prattika kkritikata hija preżenti f’għall-inqas ġames stati Membri, jekk mhux, eventwalment, fl-Istati Membri kollha, u hija imputabbli lil impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u l-postijiet ta’ produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, ħaġa li tikkostitwixxi indizju li azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tista’ tkun iktar effettiva milli diversi azzjonijiet fuq il-livell nazzjonali.

177    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, għandu jiġi konkluż li l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni huma ta’ tali natura li jaffettwaw l-evalwazzjonit agħha dwar l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni tal-ilment.

178    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għadnha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, jew it-talba tagħha li tiġi sfilzata mill-proċess silta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

179    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

180    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu, għandu jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti minħabba l-intervent u li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, il-kumplament tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3600, tal-10 ta’ Lulju 2008, fil-Każ COMP/E‑1/39097 hija annullata.

2)      Richemont International SA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), minħabba l-intervent.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għanda tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, il-kumplament tal-ispejjeż sostnuti mis-CEAHR.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq sostituzzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami separat tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u ta’ dak tal-ispare parts

–  Fuq l-eżami relattiv għas-suq tal-ispare parts

–  Fuq l-eżami dwar is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni

3.  Fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq l-evalwazzjoni ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex titkompla l-investigazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.