Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2024 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-146/22, Ryanair v Il-Kummissjoni (KLM II; COVID-19)

(Kawża C-266/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, J. Carpi Badía u M. Farley, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Société Air France, Air France-KLM, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tuża s-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti sentenza finali fil-kawża;

fl-alternattiv, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni tat-talbiet li għadhom ma ġewx evalwati; u

tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura, jekk tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jew tikkundanna lil Ryanair għall-ispejjeż, jekk tagħti sentenza finali fil-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali applikat standard skorrett sabiex tidentifika meta benefiċjarju ta’ għajnuna huwa limitat għal entità waħda jew diversi fi ħdan grupp korporattiv għall-iskopijiet tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li fatturi li sempliċement jindikaw li: (i) b’mod ġenerali, Air France-KLM, bħala l-kumpannija omm aħħarija, tista’ teżerċita livell ta’ kontroll fuq Société Air France (iktar ’il quddiem “Air France”) u Koninklijke Luchtvaart Maatschappij (iktar ’il quddiem “KLM”) u s-sussidjarji tagħha; u (ii) hemm ċertu livell ta’ integrazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn Air France, Air France-KLM u KLM, kienu biżżejjed sabiex jintwera li Air France-KLM u Air France fil-fatt ibbenefikaw mill-għajnuna – u, għalhekk, għandhom jitqiesu bħala benefiċjarji għall-iskopijiet tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat – f’sitwazzjoni li fiha l-kontenut u t-termini preċiżi li fuqhom ingħatat l-għajnuna speċifikament jipprekludu l-għajnuna milli tintuża għall-benefiċċju ta’ Air France-KLM u ta’ Air France.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet b’mod mhux permess l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dik tagħha fid-determinazzjoni ta’ jekk ċerti kumpanniji biss fi ħdan il-Grupp Air-France-KLM jikkostitwixxux l-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna – qasam li l-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew bħala tali li jeħtieġ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ – mingħajr ma stabbilixxiet b’mod adegwat li r-raġunament tal-Kummissjoni kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

____________