Language of document : ECLI:EU:T:2008:309

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

4 ta’ Settembru 2008

Kawża T-413/06 P

Claudia Gualtieri

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Espert nazzjonali sekondat – Digriet tar-rinviju – Deċiżjoni li tista’ tiġi appellata – Inammissibbiltà”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2006, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni (F-53/06, ĠabraSP p. I-A-1-107 u II-A-1-399), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Claudia Gualtieri għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni f’din l-istanza.

Sommarju

Appell – Suġġett – Annullament ta’ digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li permezz tiegħu ikun ġie deċiż in-nuqqas ta’ kompetenza tiegħu favur il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 8(2), u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 9)

Id-digriet li bih it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li ddeċieda li m’għandux kompetenza, irrinvija r-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jikkostitwixxix att li jista’ jkun suġġett għal appell, għaliex l-imsemmi digriet ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li kull parti fil-kawża li tkun parzjalment jew totalment tilfet tista’ tressaq appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kkonkludew din l-istanza, li parzjalment iddeċidew il-merti tal-kawża jew li kkonkludew punt ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà. Barra minn hekk, tali rinviju mhuwiex ta’ natura li jwassal għal ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja li, f’kull każ, tiddeċiedi d-domandi kollha mqajma fir-rikors. Fil-fatt, pjuttost milli tħalli l-bqija tad-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza f’idejn il-partijiet, li, jekk ikun il-każ, jippreżentaw appell, l-Artikolu 8(2) jipprovdi r-rinviju tal-kawża quddiem qorti Komunitarja kompetenti. Imbagħad, hija l-qorti li quddiemha jkun ġie rrinvijat ir-rikors li għandha tevalwa l-kompetenza tagħha u, jekk ikun il-każ, għandha, min-naħa tagħha, skont il-proċeduri stipulati speċifikatament għal dan il-għan, tirrinvijah quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li issa ma tkunx tista tiċħad il-kompetenza tagħha. Dan il-mekkaniżmu partikolari jippermetti li jiġu rregolamentati l-kwistjonijiet dwar il-qsim tal-kompetenzi bejn il-qrati li jifformaw l-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li dawn il-kwistjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi wara r-rinviju.

(ara l-punti 22-25, 27)