Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-250/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.L. Buendía Sierra u P. Messina, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma introduċiex riforma li tippermetti li tiġi żgurata l-awtonomija ta’ ġestjoni ta’ ADIF (Administrador de Infraestructuras Ferroviarias), ta’ ADIF Alta Velocidad u ta’ Renfe fir-rigward tal-Istat, billi ma implimentax sistema operattiva ta’ tariffi konformi mar-regoli u mal-prinċipji tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni) 1 , u fl-aħħar nett billi ma inkorporax l-emenda neċessarja fil-ftehim ma’ ADIF Alta Velocidad, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3)(b), l-Artikolu 29(1), l-Artikolu 30(1) u (3), l-Artikolu 31(2), (3), (7) u (8), l-Artikolu 33 moqri flimkien mal-Annessi I u II u l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta’ Spanja kellu l-obbligu jittrasponi u japplika, qabel is-16 ta’ Ġunju 2015, id-Direttiva 2012/34 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea.

Il-Kummissjoni madankollu tqis li l-imsemmija traspożizzjoni ma twettqitx b’mod korrett fir-rigward tal-kwistjonijiet sussegwenti:

1. Osservanza ta’ ksur tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva, billi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ġietx iggarantita:

(i) l-awtonomija ta’ ġestjoni tal-amministratur tal-infrastrutturi (ADIF u ADIF-Alta Velocidad) fir-rigward tal-Istat, u

(ii) l-libertà fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi ferrovjarji, li għandhom jiġu ddeterminati mill-operatur ferrovjarju (jiġifieri Renfe) b’mod konformi ma’ prinċipji esklużivament kummerċjali.

Fil-fatt, peress li d-deċiżjonijiet jiġu adottati minn korpi amministrattivi komposti fil-parti l-kbira minnhom minn Direttorati u minn membri tal-persunal ta’ Ministeri tal-Istat, jista’ jitqies li l-Istat jeżerċita influwenza deċiżiva fuq dawn id-deċiżjonijiet, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

2. Nuqqas ta’ stabbiliment ta’ sistema ta’ tariffi applikabbli u operattiva li tippermetti li jiġu ssodisfatti effettivament il-prinċipji u r-regoli previsti fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 29(1), fl-Artikolu 31(2), (3), (7) u (8), fl-Artikolu 33 moqri flimkien mal-Annessi I u II u fl-Artikolu 36.

Għalkemm huwa minnu li Spanja adottat atti leġiżlattivi sabiex tirriforma s-sistema ta’ tariffi, dawn l-istess atti jissospendu l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida sakemm ADIF tadotta deċiżjoni għall-implimentazzjoni tagħha. Madankollu, ADIF ma stabilixxietx is-sistema l-ġdida u lanqas ma pprovdiet skeda sabiex tagħmel dan u l-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxix limitu li fih hija għandha tagħmel dan. ADIF ma wettqitx il-mandat tad-Direttiva fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

3. Filwaqt li l-Artikolu 30(1) u (3) tad-Direttiva 2012/34 jeżiġi t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ provvista ta’ infrastruttura “u”, b’mod kumulattiv, tal-ammont tat-tariffi ta’ aċċess, id-dispożizzjoni Spanjola inizjalment ittrasponiet dan l-artikolu bħala alternattiva, billi inkludiet il-konġunzjoni “jew” u bidlet it-tifsira tal-Artikolu 30(1) u (3) tad-Direttiva 2012/34.

Għalkemm Spanja sussegwentement emendat din id-dispożizzjoni, hija madankollu ma inkorporatx din l-emenda fil-ftehim ma’ ADIF-Alta Velocidad li, preċiżament, jirregola l-kontribuzzjonijiet ekonomiċi u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-imsemmija entità. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet imsemmija ma ġewx implimentati b’mod effettiv.

____________

1 ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67.