Language of document : ECLI:EU:F:2007:144

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja)

13 ta’ Lulju 2007

Kawża F-1/05 INT

Pia Landgren

vs

Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)

“Proċedura – Interpretazzjoni ta’ digriet – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba”

Suġġett: Rikors li bih l-ETF ippreżentat, skond l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(4), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ l-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku, talba għall-interpretazzjoni tad-digriet mogħti fit-22 ta’ Mejju 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Assemblea Plenarja) fil-kawża Landgren vs ETF (F‑1/05, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000).

Deċiżjoni: It-talba għal interpretazzjoni hija miċħuda bħala inammissibbli. L-ETF hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

Sommarju

Proċedura – Interpretazzjoni ta’ sentenza – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 129; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

Sabiex talba għal interpretazzjoni ta’ sentenza tkun ammissibbli hija għandha tkun tikkonċerna d-dispożittiv tas-sentenza kkonċernata u l-motivi essenzjali tagħha, u għandha telimina kull inċertezza jew ambigwità li taffettwa s-sens u l-portata tas-sentenza nnifisha peress li hija għandha tiddetermina l-każ imressaq quddiemha. Għalhekk talba bħal din mhijiex ammissibbli meta hija maħsuba sabiex tikseb mingħand il-qorti in kwistjoni opinjoni dwar l-applikazzjoni, l-eżekuzzjoni jew l-effetti tas-sentenza jew tad-digriet li tkun tat.

(ara l-punt 8)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Ġunju 1955, Assider vs L-Awtorità Għolja, 5/55, Ġabra p. 263, 278; 7 ta’ April 1965, L-Awtorità Għolja vs Collotti u Il-Qorti tal-Ġustizzja, 70/63a, Ġabra p. 353, 359; 13 ta’ Lulju 1966, Willame vs Il‑Kummissjoni, 110/63a, Ġabra p. 411, 417; 29 ta’ Settembru 1983, Alvarez vs Il-Parlament, 206/81a, Ġabra p. 2865; punti 8 sa 11; 20 ta’ April 1988, Maindiaux et vs CES et, 146/85 INT u 431/85 INT, Ġabra p. 2003, punti 5 u 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 1993, Raiola-Denti et vs Il-Kunsill, T‑22/91 INT, Ġabra p. II‑817, punt 6; 24 ta’ Lulju 1997, Caballero Montoya vs Il-Kummissjoni, T‑573/93 (129), ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑761, punt 27