Language of document : ECLI:EU:T:2017:263


Kawża T-39/16

Nanu-Nana Joachim Hoepp GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva NANA FINK – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti NANA – Assenza ta’ xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Portata tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell – Obbligu li tingħata deċiżjoni dwar l-appell kollu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ April 2017

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Interpretazzjoni tal-lista tal-prodotti li trade mark hija rreġistrata għalihom – Kwistjoni li tagħmel parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku quddiem il-Bord tal-Appell – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 188; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(2))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Deċiżjoni fuq ir-rikors – Obbligu tal-Bord tal-Appell – Portata – Nuqqas li jiġi deċiż dwar ir-rikors kollu kemm hu – Ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali – Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(1))

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea –Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mit-trade mark – Obbligu tal-applikant li jippreċiża l-prodotti jew is-servizzi koperti mill-applikazzjoni tiegħu

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 2(2))

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade mark figurattiva NANA FINK u trade mark verbali NANA

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura komplementari tal-prodotti u servizzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

7.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjonjiet tal-Uffiċċju – Legalità – Eżami mill-qorti tal-Unjoni – Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

1.      Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Fil-kuntest tal-imsemmi regolament, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76 tiegħu, dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-każ kif tressaq quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 188 tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell.

Fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-interpretazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti tikkostitwixxi kwistjoni li tagħmel parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tiġi eżaminata l-identità jew ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni, il-korpi tal-Uffiċċju għandhom dejjem jiddeterminaw il-prodotti li huma koperti mit-trade marks f’kunflitt u, f’dan il-kuntest, għandhom jagħtu interpretazzjoni skont il-każ tal-lista tal-prodotti li għalihom hija rreġistrata trade mark. Argument li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat li jirriżulta mill-kuntest tal-każ, kif imressaq quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, il-kwistjonijiet li għandhom obbligatorjament jiġu riżolti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża jagħmlu parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku quddiem il-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 16, 17, 25, 26)

2.      Skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, “[w]ara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell”. Issa, dan l-obbligu għandu jinftiehem fis-sens li l-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar kull waħda mit-talbiet magħmula quddiemha, fl-intier tagħha, jew billi tilqagħha, jew billi tiddikjaraha inammissibbli, jew billi tiċħadha fil-mertu. Peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ ikollu impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, din hija forma sostanzjali li l-ksur tagħha jista’ jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali.

(ara l-punt 37)

3.      Skont ir-Regola 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, il-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal trade mark għandha tiġi stabbilita b’mod li tkun tidher b’mod ċar in-natura tagħhom.

Minn dan isegwi li hija l-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitajra li għandha tindika, fl-applikazzjoni, il-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u li għandha tipprovdi, għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew servizzi, deskrizzjoni li tindika b’mod ċar in-natura tagħhom

Dan ir-rekwiżit ta’ kjarezza kien, fil-fatt, imsaħħaħ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun saret applikazzjoni għaliha għandhom jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

(ara l-punti 43-45)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 55, 56)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 59, 80, 90-92)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68, 73, 74)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 84)