Language of document : ECLI:EU:C:2013:637

Kawża C‑32/12

Soledad Duarte Hueros

vs

Autociba SA

u

Automóviles Citroën España SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 2 de Badajoz)

“Direttiva 1999/44/KE — Drittijiet tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett — Natura minuri ta’ dan in-nuqqas — Esklużjoni tat-tħassir tal-kuntratt — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Effett dirett — Modalitajiet proċedurali nazzjonali — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum — Direttiva 1999/44 — Responsabbiltà tal-bejjiegħ fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Tnaqqis xieraq fil-prezz fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità minuri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tagħti tnaqqis fil-prezz ex officio — Ksur tal-prinċipju ta’ effettività — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikoli 2(1) u 3 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

2.        Id-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fejn konsumatur li jkollu dritt għal tnaqqis xieraq fil-prezz ta’ oġġett stabbilit bil-kuntratt ta’ bejgħ jillimita ruħu li jitlob biss, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tħassir ta’ dan il-kuntratt, meta dan it-tħassir ma jkunx jista’ jinkiseb minħabba n-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett, ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li tagħti tali tnaqqis ex officio, u dan minkejja li l-imsemmi konsumatur la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan.

Fil-fatt, tali sistema timponi fuq il-konsumatur li jantiċipa r-riżultat tal-analiżi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett li għandha titwettaq b’mod definittiv mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, ħaġa li tirrendi l-protezzjoni mogħtija lill-konsumatur permezz tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 purament aleatorja u għaldaqstant inadegwata. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta tali analiżi tkun partikolarment kumplessa, b’mod li l-imsemmija klassifikazzjoni tiddependi b’mod determinanti mill-investigazzjoni magħmula mill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-leġiżlazzjoni ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu tirrendi eċċessivament diffiċli, jekk mhux tabilħaqq impossibbli, l-implementazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 1999/44 tfittex li tagħti lill-konsumatur, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa mill-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat mal-kuntratt ta’ bejgħ. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema huma r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża li jkollha quddiemha u li tagħmel dak kollu li jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 u tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan li din tal-aħħar tfittex li tilħaq.

(ara l-punti 39, 40‑43 u d-dispożittiv)