Language of document : ECLI:EU:T:2008:437

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

15 ta’ Ottubru 2008

Kawża T-66/04

Christos Gogos

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni interna ta’ bidla fil-kategorija – Ħatra – Klassifikazzjoni fi grad – Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika lir-rikorrent fil-grad A 7, skala 3, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2003, li tiċħad l-ilment amministrattiv.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fi grad ogħla tal-karriera –Inapplikabbiltà ta’ ħatra wara kompetizzjoni interna ta’ bidla fil-kategorija

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5, 31(1) u (2), u 45(2); Anness I)

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fi grad ogħla tal-karriera –Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(2))

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fi grad ogħla tal-karriera – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalifiki eċċezzjonali tal-persuna interessata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(3) u 31(2))

1.      Jekk huwa minnu li interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 31(1) u (2) u tal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxix li uffiċjal jinħatar fi grad ogħla tal-karriera, b’applikazzjoni tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jgħaddi minn kompetizzjoni interna ta’ bidla għal kategorija ogħla, interpretazzjoni bħal din madankollu tmur kontra l-istruttura u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, l-użu tal-possibbiltà rrikonoxxuta fl-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun konformi mal-eżiġenzi tal-kunċett ta’ karriera li jirriżultaw mill-Artikolu 5 u mill-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, ir-reklutaġġ fi grad ogħla ta’ karriera huwa ammess biss b’mod eċċezzjonali, b’mod li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw klassifikazzjoni bħal din għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Min-naħa l-oħra, l-għan tad-deroga msemmija fl-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata, fil-kwalità tagħha ta’ entità li tħaddem, sabiex tikseb is-servizzi ta’ persuna li probabbilment, fil-kuntest tas-suq tax-xogħol, tkun suġġetta għal bosta talbiet minn entitajiet potenzjali oħra li jħaddmu u għaldaqstant li tkun tista’ titlifha. Għaldaqstant, l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal joffri lill-istituzzjonijiet il-possibbiltà li jipprovdu, b’mod eċċezzjonali, lil kandidat eċċezzjonali, kundizzjonijiet iktar attraenti sabiex jinżammu s-servizzi tiegħu. Meta ssir il-ħatra wara kompetizzjoni interna ta’ bidla fil-kategorija, miftuħa għal uffiċjali jew aġenti li diġà jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni, din il-ġustifikazzjoni tal-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni eċċezzjonali tal-persuna interessata ma teżistix. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ta’ bidla fil-kategorija, l-esperjenza miksuba fi ħdan l-istituzzjoni tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni fil-kompetizzjoni, miftuħa għall-uffiċjali kollha li preċedentement kienu impjegati f’kategorija inferjuri, u ma jistax jikkostitwixxi mertu eċċezzjonali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit jekk uffiċjal ġdid jistax jibbenefika minn klassifikazzjoni differenti għall-klassifikazzjoni fil-grad inizjali tal-karriera li għaliha jiġi rreklutat, peress li dan ikun ifisser li l-istess informazzjoni tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni darbtejn. B’hekk l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal mhuwiex applikabbli għal ħatriet li jsiru wara kompetizzjoni interna ta’ bidla fil-kategorija.

(ara l-punti 30 sa 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1999, Alexopoulou vs Il‑Kummissjoni, C‑155/98 P, Ġabra p. I‑4069, punti 32 u 33; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Frar 1998, Alexopoulou vs Il-Kummissjoni, T‑195/96, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑117, punt 37; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ottubru 1998, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑235/97, ĠabraSP p. I‑A‑577 u II‑1731, punt 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Frar 2005, Aycinena vs Il-Kummissjoni, T‑284/03, ĠabraSP p. I‑A‑29 u II‑125, punt 71; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il‑Kummissjoni, T‑145/04, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1547, punt 49; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Frar 2007, Seldis vs Il-Kummissjoni, T‑65/05, Ġabra p. II-0000, punt 55

2.      Hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha teżamina konkretament jekk uffiċjal jew aġent li għadu kif ġie rreklutat li jagħmel talba sabiex jibbenefika mill-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandux kwalifiki eċċezzjonali jew jekk il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dipartiment jeżiġux ir-reklutaġġ ta’ uffiċjal partikolarment ikkwalifikat. Meta hija taċċetta li waħda minn dawn il-kriterji tkun ġiet sodisfatta, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta tal-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan l-istadju, hija għad għandha l-possibbiltà li tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tad-dipartiment inġenerali, jekk hemmx lok, jew le, li uffiċjal jew aġent li jkun għadu kif ġie rreklutat jingħata klassifikazzjoni fi grad ogħla. Fil-fatt l-użu tal-kelma “tista’”, fl-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra m’għandhiex l-obbligu li tapplika din id-dispożizzjoni kif ukoll li l-aġenti jew l-uffiċjali m’għandhomx dritt suġġettiv għal klassifikazzjoni bħal din. Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fil-kuntest stabbilit mill-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm sabiex teżamina jekk l-impjieg disponibbli jeżiġix ir-reklutaġġ ta’ persuna partikolarment ikkwalifikata jew jekk dan tal-aħħar ikollux kwalifiki eċċezzjonali, kif ukoll sabiex teżamina l-konsegwenzi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.

F’dan il-kuntest, il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Awtorità tal-Ħatra u għandha għaldaqstant sempliċement tivverifika jekk kienx hemm ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jekk l-Awtorità tal-Ħatra tkunx ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew inkompleti jew dwar jekk id-deċiżjoni tkunx ivvizzjata minn abbuż ta’ poter, żball manifest ta’ evalwazzjoni jew nuqqas ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 39 sa 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Alexopoulou vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; Il-Qorti tal-Prim’Istanza Alexopoulou vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Diċembru 2003, Chawdhry vs Il-Kummissjoni, T‑133/02, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1617, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1437, punt 61; Righini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Marzu 2006, Herbillon vs Il-Kummissjoni, T‑411/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑45 u II‑A‑2‑193, punt 25

3.      Peress li l-evalwazzjoni tan-natura eċċezzjonali tal-kwalifiki ta’ uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax issir b’mod astratt, iżda b’riferiment għall-impjieg li għalih seħħ ir-reklutaġġ, din issir każ b’każ b’tali mod li l-interessat ma jistax jinvoka utilment ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Dan huwa iktar u iktar minnu fir-rigward tal-uffiċjali maħtura wara kompetizzjoni interna ta’ bidla fil-kategorija. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-esperjenza professjonali speċifika tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-ħatra tal-uffiċjal f’kategorija ogħla.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza: Chawdhry vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102