Language of document : ECLI:EU:C:2008:98

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fl-20 ta’ Frar 20081(1)

Kawżi magħquda C‑120/06 P u C‑121/06 P

Fabbrica Italiana Accumulatori Motocarri Montecchio SpA (FIAMM),

Fabbrica Italiana Accumulatori Motocarri Montecchio Technologies Inc. (FIAMM Technologies)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

u

Giorgio Fedon & Figli SpA,

Fedon America, Inc.

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – WTO – Relazzjonijiet Kummerċjali KE/US – Sistema Ewropea ta’ importazzjoni ta’ banana ddikjarata bħala li tmur kontra l-GATT – Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni fir-rigward ta’ numru ta’ prodotti Komunitarji – Rikors għad-danni”





1.        “L-ikla tal-banana miż-żewġ naħat”, hekk tista’ tiġi metaforikament ippreżentata il-kontroversja li tqanqlet bejn il-protagonisti Amerikani u Ewropej ta’ dik li hija komunement imsejħa bħala l-“gwerra tal-banana”. Din diġà tat lok għal numru kbir ta’ episodji kontenzjużi. Din il-kawża, li tqajjem il-problema tal-vittmi kollaterali ta’ din il-gwerra, hija biss episodju ieħor. Madankollu, dan ma jfissirx li mhijiex ta’ interess legali, anzi. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni fuq kwistjonijiet ġodda u ta’ portata legali konsiderevoli.

2.        Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja toriġina minn żewġ appelli, wieħed imressaq mill-Fabbrica Italiana Accumulatori Motocarri Montecchio SpA u Fabbrica Italiana Accumulatori Motocarri Montecchio Technologies LLC (iktar’il quddiem, flimkien, “FIAMM”) kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (2), u l-ieħor imressaq minn Giorgio Fedon & Figli SpA u Fedon America, Inc. (iktar’il quddiem, flimkien, “FEDON”) kontra s-sentenza tal-imsemmija Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija fl-istess jum, Fedon & Figli et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iktar’il quddiem, is-“sentenzi appellati”) (3). Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi ta’ FIAMM u FEDON intiżi għall-ħlas ta’ kumpens għall-ħsara li dawn sofrew minħabba taxxa doganali supplementari imposta mill-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ akkumulaturi stazzjonarji u ta’ kaxxi għan-nuċċalijiet provenjenti minn diversi Stati Membri bħala ritaljazzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Komunità Ewropea tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (iktar’il quddiem id-“DSB”) kien sab nuqqas ta’ kompatibbiltà tas-sistema Komunitarja tal-importazzjoni tal-banana mal-ftehim WTO.

3.        L-aggravji invokati mill-appellanti in sostenn ta’ dawn l-appelli huma intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, tagħti deċiżjoni fuq l-effett li deċiżjoni tad-DSB li ddikjarat in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju mal-Ftehim WTO jista’ jkollha fuq il-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli tad-WTO u, min-naħa l-oħra, fuq il-prinċipju u l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità.

I –    Il-kuntest ġuridiku u fattwali

A –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Din il-kawża saret minħabba kontroversja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti fir-rigward tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (4). Wara lmenti mressqa minn diversi membri tad-WTO, fosthom l-Istati Uniti, id-DSB iddeċieda, fil-25 ta’ Settembru 1997, li l-imsemmija sistema ta’ kummerċ ma’ Stati terzi, sa fejn din kienet tinkludi dispożizzjonijiet preferenzjali favur il-banana li toriġina mill-Istati AKP, ma kinitx kompatibbli mal-Ftehim WTO u rrakkomanda lill-Komunità sabiex tikkonforma ruħha qabel l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli li kien jiskadi fl-1 ta’ Jannar 1999.

5.        Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet emendaw, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, is-sistema ta’ kummerċ tal-banana mal-Istati terzi permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1637/98, tal-20 ta’ Lulju 1998, kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998. Peress li qieset li din is-sistema l-ġdida għall-importazzjoni tal-banana xorta kienet tinkludi fiha l-elementi illegali tas-sistema preċedenti, fid-19 ta’ April 1999, l-Istati Uniti ngħataw l-awtorizzazzjoni mingħand id-DSB sabiex jimponu dazji doganali fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Komunità sa l-ammont ta’ kummerċ annwali ta’ USD 191,4 miljun, li jikkorrispondi għal-livell tal-annullament jew tat-tnaqqis ta’ vantaġġi li hija subiet. Konsegwentement, l-awtoritajiet Amerikani implimentaw, b’effett mid-19 ta’ April 1999, dazju ad valorem ta’ 100 % fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Komunità li kienu inklużi f’lista apposta. Fost dawn il-prodotti, kienu inklużi l-akkumulaturi stazzjonarji u l-kaxxi għan-nuċċalijiet li kienu jesportaw rispettivament l-impriżi Taljani FIAMM u FEDON.

6.        Wara negozjati li seħħew bejn il-partijiet interessati kollha, il-Komunità adottat modifiki fl-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-suq tal-banana permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001, tad-29 ta’ Jannar 2001. Wara, fil-11 ta’ April 2001, il-Komunità ikkonkludiet memorandum ta’ ftehim mal-Istati Uniti li jistabbilixxi l-mezzi adatti sabiex tiġi solvuta l-kontroversja ta’ bejniethom. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, permezz tar-Regolament (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta’ Mejju 2001, stabbilixxiet il-metodi għall-applikazzjoni tas-sistema Komunitarja l-ġdida għall-importazzjoni tal-banana introdotta mir-Regolament Nru 216/2001. Għalhekk, l-Istati Uniti issospendew l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2001.

7.        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fit-23 ta’ Marzu 2000 u fit-18 ta’ Ġunju 2001, FIAMM u FEDON, abbażi tal-Arikoli 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, talbu l-ħlas għad-danni li rriżultaw bħala konsegwenza taż-żieda fid-dazji fuq l-importazzjoni imposti mid-19 ta’ April 1999 sat-30 ta’ Ġunju 2001, mill-awtoritajiet Amerikani fuq il-prodotti tagħhom, skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-DSB wara l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Ftehim WTO tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana.

B –    Is-sentenzi appellati

8.        In sostenn tat-talbiet tagħhom għall-ħlas ta’ kumpens, l-appellanti f‘din il-kawża kienu essenzjalment ibbażaw ruħhom fuq l-aġir illegali tal-organi tal-Komunità. Huma osservaw li l-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ma kinux, fit-terminu ta’ ħdax-il xahar mogħti mid-DSB, adottaw miżuri sabiex jikkonformaw is-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana mal-obbligi li l-Komunità għandha abbażi tad-diversi Ftehim WTO, meta n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-imsemmija sistema mar-regoli tad-WTO kienet ġiet ikkonstatata mid-DSB, jikkostitwixxi att illegali li huwa kapaċi li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Huma kienu ppreċiżaw li għalkemm il-Ftehim WTO ma kellhomx jitqiesu bħala li joħolqu effett dirett, ħaġa li tostakola l-prova ta’ din l-illegalità, tali karattru għandu jiġi rrikonoxxut lid-deċiżjoni tad-DSB li kkundannat lill-Komunità.

9.        B’risposta għal dan l-argument, il-Qorti tal-Prim’Istanza bdiet billi tosserva li l-evalwazzjoni tal-legalità tal-aġir tal-Istituzzjonijiet Komunitarji tippreżupponi bħala solvuta l-kwistjoni dwar jekk ir-regoli tad-WTO jistgħux ikunu invokati, jiġifieri l-kwistjoni ta’ jekk “il-Ftehim WTO jagħtix lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti biex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adotatta sussegwentement mill-Komunità, b’mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma’ dawn l-istess regoli” (5). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-Ftehim WTO mhumiex inklużi, bħala prinċipju, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti Komunitarja tistħarreġ il-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji u minn dan ikkonkludiet li l-eventwali ksur tar-regoli tad-WTO mhuwiex, bħala prinċipju, ta’ natura tali li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Dan it-tip ta’ aġir illegali jista’ biss jiġi attribwit lill-istituzzjonijiet appellati f’żewġ każijiet. Iżda dawn ma japplikawx f’dan il-każ: minkejja li kien hemm konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà min-naħa tad-DSB, ir-regoli tad-WTO ma jikkostitwixxux regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi evalwata l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet, la minħabba xi obbligi partikolari li l-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi u lanqas minħabba rinviju espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO.

10.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Komunità ma kellhiex l-intenzjoni li teżegwixxi xi obbligu partikolari li assumiet fil-kuntest tad-WTO (6) meta, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, impenjat ruħa sabiex tikkonforma ruħa mar-regoli tad-WTO. Dan huwa hekk għaliex, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji (iktar’il quddiem id-“DSU”) ma jirriżultax li membru tad-WTO għandu obbligu partikolari li jikkonforma ruħu, f’terminu ddeterminat, mad-deċiżjoni tad-DSB. Għalkemm id-DSU jagħti lill-membru tad-WTO implikat diversi metodi ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ miżura mar-regoli tad-WTO, f’kull każ huwa jirriżerva post importanti għan-negozjati bejn il-membri tad-WTO li bejniethom ikun hemm kontroversja, anki wara li jiskadi t-terminu mogħti sabiex il-miżura ddikjarata bħala mhux kompatibbli ssir konformi mar-regoli tad-WTO. Minn dan jirriżulta li stħarriġ min-naħa tal-Qorti Komunitarja tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet appellati fid-dawl tar-regoli tad-WTO jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tal-organi leġiżlattivi u eżekuttivi Komunitarji fit-tfittxija ta’ soluzzjoni tal-kontroversja permezz ta’ negozjati; barra minn hekk jekk din tiġi obbligata teskludi l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji, fil-każ li jiġi pprovat nuqqas ta’ kompatibbiltà, l-imsemmija organi jiġu mċaħħda mill-possibbiltà ta’ soluzzjoni nnegozjata. Barra minn hekk, tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tal-modifiki suċċessivi tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-fatt ma kellhomx l-intenzjoni li jeżegwixxu xi obbligu partikolari li jirriżulta mir-regoli tad-WTO u li fir-rigward ta’ liema d-DSB kien ikkonstata nuqqas ta’ kompatibbiltà mas-sistema msemmija; huma ppruvaw jgħaqqdu flimkien ir-rispett kemm tal-impenji meħuda fil-kuntest tad-WTO kif ukoll dawk meħuda fil-konfront ta’ firmatarji oħra tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Lomé, iżda wkoll is-salvagwardja tal-għanijiet tal-Organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) fis-settur tal-banana (iktar’il quddiem l-“OKS tal-banana”). Fl-aħħar nett, kienet soluzzjoni nnegozjata mal-Istati Uniti li temmet il-kontroversja.

11.      Fit-tieni lok, fl-ebda waħda mill-modifiki suċċessivi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirrigwarda s-sistema għall-importazzjoni tal-banana ma hemm referenza espliċita għal dispożizzjonijiet speċifiċi fil-Ftehim WTO, u għalhekk ma tistax titqies bħala li tirreferi espliċitament għalih u, għaldaqstant, bħala li tagħti lill-individwi d-dritt li jinvokawh (7).

12.      Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-appellanti fil-każ preżenti ma jistgħux jallegaw, għall-finijiet tat-talba tagħhom għall-ħlas ta’ kumpens, li l-aġir allegat fil-konfront tal-Kunsill u tal-Kummissjoni imur kontra r-regoli tad-WTO. Peress li l-illegalità tal-aġir imsemmi ma tistax tiġi stabbilita, waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-organi tagħha hija nieqsa.

13.      Sussidjarjament, l-appellanti fil-kawża preżenti kienu sostnew li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għad-danni kkaġunati mill-aġir, anki mhux illegali, tal-organi tagħha kienu, f’kull każ, jeżistu kollha, jiġifieri r-realtà tal-ħsara sofruta, ness ta’ kawżalità bejn il-ħsara u l-aġir tal-istituzzjonijiet u n-natura mhux komuni u speċjali ta’ din il-ħsara. Il-Qorti tal-Prim’Istanza taqbel li, “meta […] l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma tkunx stabbilita, ma jfissirx b’daqshekk li l-[impriżi] li, bħala kategorija ta’ operaturi ekonomiċi, ikollhom ibatu parti sproporzjonata tal-piżijiet li jirriżultaw minn restrizzjoni tal-aċċess għal swieq ta’ esportazzjoni, ma jkunu jistgħu fl-ebda każ jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità” (8). Hija tirrikonoxxi, bħala prinċipju ġenerali komuni għad-dritt tal-Istati Membri, l-eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità anki fin-nuqqas ta’ aġir illegali min-naħa tal-organi tagħha, fejn l-attribuzzjoni tagħha huwa suġġett għall-eżistenza tal-kundizzjonijiet imsemmija mill-appellanti fil-kawża preżenti għaliex, hija tosserva, “id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f’livelli differenti, f’oqsma speċifiċi u skont metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta’ proċeduri legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta’ azzjoni illegali min-naħa ta’ min ikun ikkawża d-dannu” (9).

14.      Wara li vverifikat li f’dik il-kawża l-kundizzjonijiet kienu sodisfatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset bħala pprovat il-karattru reali u ċert tal-ħsara allegata mill-appellanti fil-kawża preżenti. Hija osservat ukoll l-eżistenza ta’ ness suffiċjentement dirett ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji u d-dannu. Tabilħaqq, l-Istati Uniti ġew sempliċement awtorizzati mid-DSB sabiex jadottaw miżuri ta’ ritaljazzjoni u kemm il-lista tal-prodotti milquta kif ukoll l-iffissar tar-rata miżjuda tad-dazji fuq l-importazzjoni kienu fid-diskrezzjoni tagħhom. Għalhekk, mingħajr il-konstatazzjoni minn qabel min-naħa tad-DSB tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana mar-regoli tad-WTO, l-Istati Uniti ma kinux ikunu jistgħu la jitolbu u lanqas jingħataw tali awtorizzazzjoni mid-DSB. Fil-fatt, huwa abbażi tal-ammont ta’ ħsara sostnuta mill-ekonomija Amerikana minħabba ż-żamma fis-seħħ tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana meqjusa bħala mhux kompatibbli mar-regoli tad-WTO li d-DSB iddetermina l-ammont ta’ skambji kummerċjali li kien jirrappreżenta l-limitu li fuqu l-amministrazzjoni Amerikana kienet awtorizzata tissospendi l-konċessjonijiet tariffarji fir-rigward tal-Komunità. Isegwi li l-aġir tal-istituzzjonijiet appellati neċessarjament wassal għall-adozzjoni tal-miżura ta’ ritaljazzjoni mill-amministrazzjoni Amerikana fir-rigward tal-proċeduri li saru mid-DSU u li ġew aċċettati mill-Komunità. Għalhekk, dan l-aġir għandu jitqies bħala l-kawża determinanti tal-ħsara sofruta mill-appellanti fil-kawża preżenti minħabba l-implimentazzjoni tar-rata miżjuda ta’ dazju Amerikana.

15.      L-appellanti kellhom jipprovaw in-nuqqas ta’ normalità u n-natura speċjali tal-ħsara li huma kienu sofrew. Għal dan il-għan, huma allegaw li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ impriżi Ewropej oħra li jesportaw, li l-prodotti tagħhom ma kinux inklużi fil-lista ppreparata mill-awtoritajiet Amerikani, filwaqt li FIAMM allegat li kienet ukoll vittma ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tal-impriżi l-oħra affettwati mir-rata miżjuda ta’ dazju, peress li waħedha hija ħallset 6 % tal-ammont totali tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni. L-interess li jiġu rrispettati r-regoli tal-OKS tal-banana ma setgħax jitqies bħala għan ta’ interess ġenerali ta’ importanza ta’ natura tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi bħal dawn. Fl-aħħar nett, huma qalu wkoll li l-eventwalità ta’ rati miżjuda ta’ dazju introdotti minn Stati terzi minħabba kontroversja li qamet f’settur totalment differenti mill-qasam tal-attività tagħhom ma tistax titqies bħala riskju normali għal operatur. Iżda l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrifjuta li tirrikonoxxi n-natura mhux normali tal-ħsara sofruta mill-appellanti fil-kawża preżenti, għaliex dan ma qabiżx il-limiti tar-riskji ekonomiċi li jiffurmaw parti mill-attività ta’ esportazzjoni tagħhom. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-konċessjonijjiet tariffarji, li hija miżura prevista mill-Ftehim WTO, ma tistax titqies bħala insolita għaċ-ċirkostanzi normali tal-kummerċ internazzjonali fl-istat attwali tal-organizzazzjoni tiegħu. Għalhekk, din il-possibbiltà għandha neċessarjament tiġi sofruta minn kull operatur li jiddeċiedi li jikkummerċalizza l-produzzjoni tiegħu fis-suq ta’ wieħed mill-membri tad-WTO. Għaldaqstant, kull dritt għal kumpens abbażi ta’ responsabbiltà assoluta għandu jiġi eskluż f’dan il-każ.

II – L-evalwazzjoni tal-appelli

16.      Huwa kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, is-sentenza FIAMM u s-sentenza FEDON, mogħtija fl-14 ta’ Diċembru 2005, li FIAMM u FEDON rispettivament ippreżentaw appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. In sostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu aggravji identiċi. Qabel kollox, huma jallegaw nuqqas ta’ motivazzjoni ibbażat fuq il-fatt li s-sentenzi appellati ma jagħtux risposta għal wieħed mill-argumenti prinċipali tagħhom fir-rigward tal-invokabbiltà tad-deċiżjoni mogħtija mid-DSB sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tal-aġir adottat mill-Komunità, għall-finijiet tal-proċedura għall-kumpens. Huma jinvokaw ukoll żball ta’ liġi li jivvizzja r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta ddeċidiet li l-karattru anormali tal-ħsara huwa nieqes. Fl-aħħar nett, huma jitolbu kumpens ekwu għat-tul ta’ żmien mhux raġonevoli li ħadet il-proċedura fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja, li jitolbu li l-appelli prinċipali jiġu miċħuda, ukoll ippreżentaw appelli inċidentali permezz ta’ liema huma jitolbu l-annullament tas-sentenzi appellati, għar-raġunijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta sabet l-eżistenza ta’ responsabbiltà tal-Komunità għal aġir li kien legali, meta qieset li din setgħet tapplika f’każ ta’ ommissjoni fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattiv ta’ natura diskrezzjonali u meta rrikonoxxiet kawżalità diretta bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu.

17.      Qabel kollox, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn id-diversi argumenti twassalni sabiex nirriċerka jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mal-liġi tad-WTO tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ azzjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ibbażata fuq l-illegalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet tagħha. Wara twassalni biex nanalizza l-prinċipju u l-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità. Fl-aħħar nett, twassalni sabiex nevalwa l-karattru raġonevoli tat-tul ta’ żmien tal-proċedura inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

A –    L-invokabbiltà ta’ deċiżjoni tad-DSB in sostenn ta’ kawża għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba nuqqas

18.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, iż-żewġ appellanti jinvokaw b’mod formali n-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenzi appellati, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tat l-ebda risposta għall-argumenti tagħhom li jgħidu li deċiżjoni tad-DSB li tikkundanna lill-Komunità tikkostitwixxi eċċezzjoni differenti minn dawk invokati fil-każijiet Nakajima u Fediol għan-non-invokabbiltà, bħala prinċipju, tal-Ftehim WTO, li tippermetti lill-individwi li jinvokawha sabiex jistabbilixxu l-illegalità tal-aġir tal-Komunità għall-finijiet tar-rikonoxximent tar-responsabbiltà tagħha. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza illimitat ruħha sabiex tivverifika l-applikabbiltà għall-kawża preżenti taż-żewġ eċċezzjonijiet fin-nuqqas ta’ effett dirett tal-Ftehim WTO kif kien irriżulta mis-sentenzi Fediol u Nakajima.

19.      Dan l-aggravju jista’ faċilment jiġi miċħud, minħabba li mhux biss din it-teżi ma kinitx tikkostitwixxi l-bażi tal-argumenti tagħhom dwar l-illegalità tal-aġir tal-Komunità iżda talli din ġiet invokata biss b’mod inċidentali ħafna quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’nota ta’ qiegħ il-paġna tal-osservazzjonijiet tar-rikors ta’ FEDON u fi tnejn biss mill-177 punt li jiffurmaw ir-rikors ta’ FIAMM. Issa, “l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li għandha l-obbligu li tirrispondi fid-dettall għal kull argument invokat minn parti fil-kawża” (10) [traduzzjoni mhux uffiċjali], u lanqas ma għandha “tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi għal kollox u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha sostnuti mill-partijiet fil-kawża” (11). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet b’mod impliċitu t-teżi tal-appellanti, peress li din evalwat l-eventwali effett ta’ deċiżjoni tad-DSB biss fir-rigward tal-applikabbiltà taż-żewġ eċċezzjonijiet tradizzjonali fin-nuqqas ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO (12).

20.      Iżda fir-realtà, taħt l-impressjoni ta’ vizzju formali ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza stess ta’ dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jgħid li l-inċidenza ta’ deċiżjoni ta’ kundanna min-naħa tad-DSB tista’ tiġi eżaminata u evalwata biss fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni taż-żewġ eċċezzjonijiet tradizzjonali għall-prinċipju ta’ non-invokabbilità tal-liġi tad-WTO. Skont l-appellanti, minbarra l-eċċezzjonijiet li rriżultaw mis-soluzzjonijiet fil-kawżi Fediol u Nakajima, deċiżjoni tad-DSB li tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju mar-regoli tad-WTO għandha tkun tista’ tiġi invokata sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tal-aġir tal-Komunità fis-segwenti ċirkustanzi kumulattivi: l-illegalità tkun tikkonsisti fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Komunità tal-imsemmija deċiżjoni tad-DSB fit-terminu raġonevoli mogħti lilha sabiex tikkonforma ruħha; għandha tiġi invokata fil-kuntest ta’ kawża għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali; dan ir-rikors għall-ħlas ta’ kumpens għandu jkun intiż sabiex jinkiseb kumpens għall-ħsara sofruta minħabba l-adozzjoni, min-naħa tal-imsieħba kummerċjali tal-Komunità, ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni awtorizzati mid-DSB wara l-imsemmi nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

21.      Sabiex nevalwa r-rilevanza tal-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt, jidhirli li huwa indispensabbli li mmur lura għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-invokabbiltà ta’ ftehim internazzjonali b’mod ġenerali u tal-liġi tad-WTO b’mod partikolari. Huwa biss jekk tiġi mfakkra l-portata tagħha, u tal-aggravji sottostanti tagħha, li jkun jista’ jiġi stabbilit jekk ikunx jaqbel li tiġi applikata billi tiġi miċħuda lill-appellanti, għall-finijiet tar-rikors għall-ħlas ta’ kumpens u fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni, il-possibbiltà li jinvokaw d-deċiżjoni tad-DSB li tikkundanna lill-Komunità.

1.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-invokabbiltà ta’ ftehim internazzjonali.

22.      Il-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-portata kontenzjuża tal-liġi tad-WTO kienet u għadha kkritikata ħafna. Fil-fehma tiegħi l-kontestazzjoni hija riżultat, almenu parzjalment, tal-fatt li ħafna drabi din ma tinftiehemx tajjeb. Jista’ jkun li s-soluzzjonijiet segwenti jippermettu li jiġu mxejna wħud minn dawn il-malintiżi.

23.      L-imsemmija soluzzjonijiet huma sempliċement l-applikazzjoni għall-każ partikolari tal-Ftehim WTO tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-invokabbiltà fis-sistema legali Komunitarja tal-ftehim internazzjonali b’mod ġenerali. Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-ftehim regolarment konklużi mill-Komunità ma’ Stati terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali “jorbtu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri”, skont il-kliem stess tal-Artikolu 300(7) KE. Din il-formula fl-istess ħin tikkostitwixxi konstatazzjoni tan-natura obbligatorja tal-ftehim fid-dawl tad-dritt internazzjonali u d-dikjarazzjoni tan-natura vinkolanti ta’ dawn il-ftehim fid-dritt Komunitarju. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b’mod loġiku li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim (13), l-istess bħal dawk ta’ att unilaterali adottat mill-organi stabbiliti permezz ta’ ftehim estern li jorbot lill-Komunitajiet (14) “jiffurmaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament legali Komunitarju”. Fi kliem ieħor, il-ftehim estern adottat b’mod konformi mad-dritt Komunitarju (15), u li għalhekk jorbot lill-Komunitajiet, jikkostitwixxi sors tad-dritt Komunitarju. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonkludiet espliċitament il-primarjetà ta’ ftehim estern fuq l-atti tad-dritt derivat (16) u bħala prinċipju rrikonoxxiet il-kompetenza tagħha sabiex tisma’ kwistjonijiet dwar il-validità ta’ att Komunitarju fid-dawl ta’ ftehim estern li jorbot lill-Komunitajiet (17).

24.      Għaldaqstant, il-ġurisprudenza stabbilita li tirrigwarda l-liġi tad-WTO, li tgħid li “il-ftehim WTO ma [jidhirx], bħala prinċipju, fost ir-regoli li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza biex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Istituzzjonijiet Komunitarji” (18), tista’ tidher bħala kontradittorja. Fil-fatt, kif jista’ ftehim internazzjonali jkun regola tas-sistema legali Komunitarja filwaqt li fl-istess ħin ma jkunx parametru li jista’ jintuża għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti Komunitarji?

a)      Il-kundizzjoni meħtieġa għall-invokabbiltà tal-ftehim internazzjonali

25.      Iżda sabiex isservi bħala regola ta’ referenza fid-dawl ta’ liema għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ att Komunitarju u, b’mod iktar ġenerali, sabiex l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ trattat ikunu jistgħu jiġu validament invokati quddiem il-qorti, hemm ukoll il-bżonn li l-ftehim internazzjonali jkun suġġett għal applikazzjoni ġudizzjarja. Fi kliem ieħor hemm bżonn li dan ikun jista’ jiġi invokat quddiem qorti, jiġifieri “li jkun ta’ natura tali li jagħti lill-individwi fil-Komunità d-dritt li jinvokawh quddiem qorti” (19) [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri, jkollu “effett dirett” (20).

26.      Din il-kundizzjoni ta’ effett dirett, setgħet titqies bħala relatata, u limitata, mal-proċedura preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità fil-kuntest ta’ liema din kienet saret inizjalment. Fis-sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet espliċitament iddikjarat il-kundizzjoni tal-applikabbiltà tal-effett dirett bħala meħtieġa “fil-każ fejn l-invalidità tiġi invokata quddiem il-qorti nazzjonali” (21). Madankollu, għalkemm din id-dikjarazzjoni kkontribwiet għal konfużjoni bejn il-kwistjonijiet tal-invokabbiltà tal-ftehim internazzjonali u tal-effett dirett tad-dritt Komunitarju (22), mingħajr dubju hija tispjega xi wħud mill-malintiżi. Għalhekk, iż-żewġ kunċetti ta’ effett dirett tal-ftehim internazzjonali u ta’ effett dirett tad-dritt Komunitarju huma differenti.

i)      Il-kunċett ta’ effett dirett ta’ ftehim internazzjonali

27.      Iż-żewġ kunċetti ta’ effett dirett tal-ftehim internazzjonali u ta’ effett dirett tad-dritt Komunitarju jiġu evalwati b’mod differenti. Mill-għan u mill-istruttura tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità jirriżulta li d-dritt Komunitarju kollu huwa kapaċi li joħloq effett dirett, liema kapaċità tkun ikkonfermata meta l-liġi Komunitarja inkwistjoni tkun ċara, preċiża u mingħajr kundizzjoni (23). Iżda ma jirriżulta xejn min dan fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Komunitajiet. Dawn jistgħu jingħataw effett dirett mill-partijiet firmatarji tal-ftehim li jkunu ftehmu b’dan il-mod, hekk kif jistgħu jiftehmu bil-kontra. Fil-fatt, “b’mod konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet Komunitarji, li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jilħqu ftehim ma’ pajjiżi terzi, jistgħu liberament jiftehmu ma’ dawn fuq l-effetti li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim għandhom joħolqu fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (24). Jekk il-ftehim ma jirregolax din il-kwistjoni b’mod espliċitu, hija l-qorti ta’ kull wieħed mill-partijiet kontraenti li għandha tirregola dan (25). Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ftehim internazzjonali jkollu effett dirett fis-sistema legali Komunitarja biss meta tkun teżisti l-kundizzjoni doppja li t-termini, in-natura u l-istruttura tiegħu ma jkunux jipprekludu l-invokabbiltà tiegħu u li d-dispożizzjonijiet invokati jidhru, kemm fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-ftehim kif ukoll tal-kuntest tiegħu, suffiċjentement preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, jiġifieri li jkunu jinkludu obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att ulterjuri (26).

ii)    Il-portata tal-kundizzjoni ta’ effett dirett ta’ ftehim internazzjonali

28.      Iż-żewġ kunċetti huma differenti anki fil-portata tagħhom. Fil-fatt, mis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (27) jirriżulta li l-effett dirett ta’ ftehim internazzjonali jaffettwa l-invokabbiltà tiegħu mhux biss quddiem il-qorti nazzjonali iżda wkoll quddiem il-Qorti Komunitarja, fi kliem ieħor, li din il-kundizzjoni tapplika indipendentement min-natura tal-att li in sostenn tiegħu jiġi allegat motiv ibbażat fuq ksur ta’ ftehim internazzjonali. Mill-imsemmija sentenza jirriżulta wkoll li dan japplika indipendentement il-kwalità tar-rikorrent, kemm jekk ikun individwu jew inkella rikorrent privileġġjat.

29.      Huwa għalhekk li fir-rigward tal-Ftehim WTO, il-Qorti Komunitarja ċaħdet l-invokabbiltà tiegħu kemm fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità (28), kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għal annullament(29) jew ta’ rikors għall-ħlas ta’ kumpens (30). Din irrifjutat li tisma motiv ibbażat fuq il-ksur tal-liġi tad-WTO, kemm jekk tqajjem minn individwu kif ukoll jekk tqajjem minn Stat Membru.

30.      Għalkemm l-attribuzzjoni ta’ tali portata lill-effett dirett ta’ ftehim internazzjonali kienet ikkritikata ta’ spiss minn parti mid-duttrina, din hija totalment iġġustifikata. Bħala gwardjan tas-sistema legali Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-każ fejn tiġi invokata regola derivanti mis-sistema legali internazzjonali, tiddefinixxi l-effetti tagħha b’mod globali u uniformi, li jkun japplika għas-sistema legali Komunitarja kollha. Għalhekk, wieħed jista’ faċilment jifhem li l-kundizzjoni ta’ effett dirett ta’ ftehim internazzjonali hija meħtieġa indipendentement mit-tip ta’ rikors u mill-kwalità tar-rikorrent, kemm jekk il-kwistjoni titressaq quddiem il-qorti nazzjonali kif ukoll jekk titressaq quddiem il-Qorti Komunitarja (31).

31.      Għaldaqstant, peress li hemm distinzjoni netta bejn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ effett dirett ta’ ftehim internazzjonali u ta’ effett dirett tad-dritt Komunitarju, kemm mill-perspettiva tal-kunċett kif ukoll fir-rigward tal-portata tagħhom, ikun mingħajr dubju għaqli li fil-ġejjieni, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni, jintużaw termini differenti biex jiġu identifikati u, għaldaqstant, li iktar’il quddiem nitkellem biss dwar l-invokabbiltà ta’ ftehim internazzjonali.

iii) L-invokabbiltà tal-liġi tad-WTO

32.      Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-ftehim GATT, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-flessibbiltà kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu u l-prinċipju ta’ negozjati magħmula abbażi ta’ reċiproċità u ta’ vantaġġi reċiproċi sottostanti kienu jipprekludu l-invokabbiltà tiegħu (32). Fi kliem ieħor, mill-ispirtu, mill-istruttura u mill-kliem tal-Ftehim ma kienx jirriżulta obbligu li dawn jiġu rikonoxxuti effett dirett (33). Huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-Ftehim WTO (34), filwaqt li xi wħud ħasbu li kellu jkun mod ieħor, fid-dawl tal-mekkaniżmu msaħħaħ ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji li stabbilixxew dawn il-ftehim. Biex tiċħad l-argument li l-liġi tad-WTO, ikkunsidrata globalment, għandha effett dirett, il-Qorti tal-Ġustizzja ibbażat ruħha fuq iż-żewġ kunsiderazzjonijiet segwenti.

33.      L-ewwel nett, minkejja s-suġġettament għall-intervent ġudizzjarju tas-sistema ta’ soluzzjoni tal-kontroversji, il-Ftehim xorta jħalli spazju wiesa’ għan-negozjati bejn il-partijiet, anki f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-membru kkonċernat mid-deċiżjonijiet u mir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB. Konsegwentement, il-fatt li l-organi ġudizzjarji jiġu obbligati li ma japplikawx ir-regoli interni li mhumiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim iċaħħad lill-organi Komunitarji minn din il-possibbiltà ta’ soluzzjonijiet innegozjati.

34.      It-tieni nett, xi msieħba kummerċjali tal-Komunità jirrifjutaw għal kollox kull invokabbiltà tal-Ftehim. L-istess flessibbiltà għandha tingħata lill-organi leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Komunità, b’riskju li jekk dan ma jsirx jirriżulta żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO, peress li dan huwa bbażat fuq prinċipju ta’ reċiproċità u ta’ vantaġġi reċiproċi.

35.      Fil-qosor, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Ftehim WTO għandhom jiġu interpretati fis-sens li jħallu marġni ta’ libertà politika lill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tad-WTO, u dan jiġi kompromess fil-każ li jiġi rikonoxxut effett dirett lill-imsemmi Ftehim. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija ma tistax, f’dan il-qasam, tinterferixxi fuq il-prerogattivi tal-politika mingħajr ma tikkawża dannu lill-bilanċ istituzzjonali.

36.      Ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti kienet, kif inhu magħruf, diskussa b’mod intensiv fid-duttrina (35) u xi drabi kkontestata mill-Avukati Ġenerali (36). Din setgħet tidher kontradittorja mar-raġunamenti preċedentement żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-effett dirett ta’ tali jew tali ftehim internazzjonali (37). Madankollu, is-soluzzjoni li tirriżulta, jiġifieri li l-liġi tad-WTO m’għandhiex effett dirett, xorta baqgħet tiġi kkonfermata b’mod konsistenti mill-ġurisprudenza minn dak iż-żmien.

37.      Iżda l-fatt li l-liġi tad-WTO ma tistax tiġi invokata quddiem qorti ma jfissirx li ma jiffurmax parti mis-sistema legali Komunitarja. Minn dan il-lat, mhemmx dubju li l-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, mhix waħda tajba. Din tagħti l-impressjoni li ftehim internazzjonali ma jiffurmax parti mid-dritt Komunitarju, iżda fil-fatt din hija kwistjoni ta’ invokabbiltà tar-regola msemmija li hija kompetenza tal-Qorti. Iżda kien fuq l-affarijiet l-oħrajn li fil-verità, għalkemm b’mod mhux ċar, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet titkellem. Fil-fatt, hija tirrifjuta li tinkludi l-Ftehim WTO fost ir-regoli fid-dawl ta’ liema hija tista’ tistħarreġ l-legalità tal-atti Komunitarji għalhiex, minħabba l-karatteristiċi tar-regoli tad-WTO, ma jistax “jiġi ammess li l-Qorti Komunitarja għandha, direttament, ir-responsabbiltà li tiżgura l-konformità tad-dritt Komunitarju mar-regoli tad-WTO” (38). Għalhekk, din il-ġurisprudenza m’għandhiex tinftiehem fis-sens li tiċħad il-kwalità ta’ sors tad-dritt Komunitarju tar-regoli tad-WTO, iżda bħala li taffettwa l-portata kontenzjuża tagħhom. Inkella, kif jista’ jinftiehem li t-tneħħija tal-portata kontenzjuża hija biss parzjali? Fil-fatt, huwa biss sa fejn l-applikazzjoni ġudizzjarja tal-liġi tad-WTO tkun ta’ ħsara għall-politika tal-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tad-WTO li l-imsemmi dritt ma jistax jiġi invokat b’mod utli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      L-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non invokabbiltà tar-regoli tad-WTO

38.      Il-ġurisprudenza Komunitarja elaborat ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non invokabbiltà tal-liġi tad-WTO, li huma possibbli biss għaliex il-liġi tad-WTO tikkostitwixxi regola tas-sistema legali Komunitarja. Huma propju dawn il-kunsiderazzjonijiet stess li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-prinċipju tal-invokabbiltà tar-regoli tad-WTO li huwa l-bażi tagħhom. Dawn il-karatteristiċi huma ta’ tliet tipi.

39.      Fl-ewwel lok, l-atti Komunitarji (39), l-istess bħall-miżuri nazzjonali (40), għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni konformi mal-liġi tad-WTO. Tali obbligu ma jistax effettivament jibdel il-possibbilitajiet ta’ negozjati tal-istituzzjonijiet f’każ ta’ kontroversja mal-imsieħba tagħhom fid-WTO. Dan huwa evidenti meta dan l-obbligu jkun jirrigwarda d-dritt nazzjonali. Dan japplika wkoll meta l-obbligu japplika għall-atti Komunitarji. Effettivament, l-interpretazzjoni konformi għandha ssir biss sa fejn ikun possibbli. B’dan il-mod l-istituzzjonijiet jingħataw il-possibbiltà li, permezz tal-adozzjoni jew iż-żamma ta’ att li jmur b’mod ċar kontra l-liġi tad-WTO, jippreferu l-għażla ta’ soluzzjoni nnegozjata hija iktar flessibbli.

40.      Fit-tieni lok, il-ftehim jistgħu jservu wkoll bħala bażi sabiex Stat Membru jiġi kkundannat minħabba li jkun naqas milli jwettaq obbligu (41). Din is-soluzzjoni wkoll tista’ tinftiehem faċilment. In-nuqqas ta’ att Komunitarju li jmur kontra l-liġi tad-WTO juri r-rieda tal-istituzzjonijiet li jkunu konformi miegħu. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax b’mod unilaterali jevita l-obbligi imposti minnu. U l-kundanna tiegħu bl-ebda mod ma tneħħi l-possibbiltà li l-istituzzjonijiet għandhom li, fil-ġejjieni, ma japplikawx ir-regoli tad-WTO, li jkunu l-bażi tal-kundanna, bit-telfien ta’ soluzzjoni nnegozjata.

41.      Fl-aħħar lok, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-liġi tad-WTO huwa ammissibbli, inkluż meta dan jitqajjem in sostenn tal-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att Komunitarju, f’żewġ każijiet (42): jew fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari meħud fil-kuntest tad-WTO (43), jew fil-każ fejn l-att Komunitarju, billi jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO, ikun ikkonferixxa lill-individwi d-dritt li jinvokaw dan il-Ftehim (44). Għaldaqstant, fil-fatt, peress li l-Ftehim WTO ma jimponux, la b’mod espliċitu u lanqas fid-dawl tal-interpretazzjoni konformi mal-għan u mal-iskop tagħhom, fuq il-partijiet firmatarji l-obbligu li jagħtuhom effett dirett fis-sistemi legali tagħhom, huma dawn il-firmatarji stess li għandhom jiddeċiedu liberament il-mezzi legali xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni in bona fede tagħhom fis-sistema legali tagħhom (45), jiġifieri li jiddeċiedu jekk jixtiqux jagħtu lill-individwi d-dritt li jinvokaw id-dispożizzjonijiet tiegħu. Iż-żewġ każijiet imsemmija jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ tali rieda min-naħa tal-Komunità. Fl-istess ħin, il-Komunità tgħid li għandha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha mal-liġi tad-WTO, u għalhekk tirrinunċja b’mod volontarju għall-marġini ta’ manuvrar fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO li jgawdu minnhu xi wħud mill-partijiet kontraenti li jiċħdu kull effett dirett lir-regoli msemmija.

2.      L-effett ta’ deċiżjoni tad-DSB li tikkundanna lill-Komunità

42.      Huwa fil-kuntest imfisser minn din il-ġurisprudenza li jinsabu l-argumenti tal-appellanti. Huma jitolbu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk u sa fejn deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja ma’ dispożizzjoni tal-Ftehim WTO tista’ wkoll tkun ta’ natura tali li tinfluwenza ċ-ċaħda tal-prinċipju tal-invokabbiltà tal-imsemmi Ftehim, u b’dan il-mod teskludi, konsegwentement, kull stħarriġ tal-kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju dderivat fid-dawl ta’ dawn il-Ftehim. Għal dan il-għan, l-appellanti jinsistu fuq il-karattru vinkolanti tad-deċiżjoni tad-DSB biex isostnu li huma għandhom ikunu jistgħu jinvokawha u jilmentaw min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha, anke minkejja li l-Ftehim WTO stess mhumiex invokabbli. Il-mod li bih ġie ppreżentat l-argument huwa mingħajr dubju ta’ xejn mingħajr sostanza. Kif ġustament ikkonfuta l-Kunsill, deċiżjoni tad-DSB ma tistax tipproduċi effetti iktar wesgħin minn dawk tar-regoli tad-WTO fil-konfront ta’ liema d-deċiżjoni sabet il-ksur. Għalhekk, b’mod iktar eżatt, il-kwistjoni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi hija dik jekk, fi kliem il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi appellati, “il-Ftehim WTO jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti biex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adotatta sussegwentement mill-Komunità, b’mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma’ dawn l-istess regoli” (46).

43.      L-appellanti jilmentaw talli fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat risposta fin-negattiv. Madankollu, meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha li ssegwi l-orjentazzjoni tal-ġurisprudenza preċedenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġa tat x’tifhem li ma jistax ikun hemm invokabbiltà ta’ deċiżjoni tad-DSB indipendentement mill-invokabbiltà tar-regoli tad-WTO (47). Ċertament, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tad-DSB li tikkundanna lill-Komunità tistax taffettwa l-prinċipju tan-non invokabbiltà tal-liġi tad-WTO tibqa’ mingħajr risposta. għalkemm huwa minnu li inizjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li kienet ser tibdel id-direzzjoni, peress li kienet ikkritikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ħalliet mingħajr risposta argument li jgħid li l-effetti legali ta’ deċiżjoni tad-DSB fir-rigward tal-Komunità Ewropea “kienu ta’ natura tali li jikkontestaw l-evalwazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO u li jiġġustifikaw l-istħarriġ, min-naħa tal-Qorti Komunitarja, tal-legalità tad-direttivi […] fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, fil-kuntest tal-kawża għall-ħlas ta’ kumpens imressqa mir-rikorrenti” (48) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iżda d-direzzjoni ma nbidlitx, peress li l-Qorti Komunitarja ddeċidiet li ma setgħax jiġi ddikjarat nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ att Komunitarju mal-liġi tad-WTO, anki jekk ikkonstatat minn deċiżjoni tad-DSB, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità (49) jew in sostenn ta’ kawża għall-ħlas ta’ kumpens (50), minkejja n-nuqqas ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO, ħlief fil-kuntest strett stabbilit mis-soluzzjonijiet previsti fil-kawżi Nakajima u Fediol.

44.      FIAMM u FEDON jafu b’din il-ġurisprudenza. Madankollu, huma jinsistu fuq il-partikolaritajiet tal-każ tagħhom fir-rigward tal-każijiet preċedenti sabiex jitolbu li tingħata soluzzjoni differenti. Minn dan il-lat, huma josservaw li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni fuq il-possibbiltà li deċiżjoni tad-DSB tiġi invokata wara li jiskadi t-terminu ta’ żmien raġonevoli preskritt sabiex il-Komunità tikkonforma ruħha, u dan bil-għan li jinkiseb kumpens għad-danni li ġew sofruti minħabba miżuri ta’ ritaljazzjoni. Għalhekk, din hija ċirkostanza ġdida, peress li s-sentenza Van Parys ikkunsidrat l-invokabbiltà ta’ deċiżjoni tad-DSB għall-finijiet ta’ evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tal-validità ta’ att Komunitarju; din hija ċirkostanza ġdida wkoll peress li, għalkemm fil-kawża Chiquita Brands et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kwistjoni kienet tirrigwarda talba għall-ħlas ta’ danni għall-ħsara sofruta minħabba l-ksur persistenti tar-regoli tad-WTO ikkonstatata mid-DSB, madankollu r-rikorrenti f’dik il-kawża kienet llimitat ruħha li titlob l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni Nakajima.

45.      L-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti teħtieġ li mmorru lura għall-bażi tal-prinċipju stess tan-non-invokabbiltà tal-liġi tad-WTO. Nixtieq nerġa nfakkar li fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehim WTO dejjem ġew, bħala prinċipju, miċħuda kull invokabbiltà u li applikazzjoni ġudizzjarja tar-regoli tad-WTO tista’ ssir biss sa fejn din la taffettwa l-possibbilitajiet ta’ negozjati li l-Ftehim WTO jagħti lill-partijiet firmatarji anki fil-każ ta’ kontroversja, u lanqas ma taffettwa r-reċiproċità u l-bilanċ fl-applikazzjoni tal-impenji meħuda taħt id-WTO; jiġifieri sa fejn dan ma jnaqqasx il-libertà politika li l-Ftehim WTO, min-natura u mill-istruttura tagħhom, jagħtu lill-partijiet kontraenti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal- imsemmija Ftehim. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest partikolari tal-kawżi inkwistjoni, il-fatt li l-appellanti jitħallew jinvokaw id-deċiżjoni tad-DSB sabiex jistabbilixxu l-illegalità tal-aġir tal-Komunità bil-għan li jingħataw kumpens għad-dannu sofrut minħabba d-dazju addizzjonali impost mill-Istati Uniti b’ritaljazzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Komunità tad-deċiżjoni tad-DSB jiksirx il-libertà politika tal-organi leġiżlattivi u eżekuttivi Komunitarji fil-kuntest tad-WTO.

46.      Minn dan il-lat, l-ewwel mistoqsija tirrigwarda l-persistenza ta’ tali libertà politika fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawżi inkwistjoni. Ir-risposta tkun ċertament fil-pożittiv fil-każ fejn it-terminu ta’ żmien raġonevoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB ikun għadu ma għaddiex. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li “il-Qorti Komunitarja ma tistax, mingħajr ma tirriskja li tneħħi kull effett tal-għoti ta’ terminu ta’ żmien raġonevoli sabiex il-Komunità tikkonforma ruħha mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tad-DSB, previsti fil-kwadru tas-sistema ta’ soluzzjoni tal-kontroversji stabbilita mill-Ftehim WTO, tistħarreġ il-legalità tal-atti Komunitarji inkwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ talba għall-ħlas ta’ kumpens abbażi tal-Artikolu 178 tat-Trattat” (51) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iżda preċiżament, kif ġustament jenfasizzaw FIAMM u FEDON, it-terminu ta’ żmien raġonevoli li ġie mogħti lill-Komunità sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tad-DSB kien skada fl-1 ta’ Jannar 1999 u, permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ April 1999, id-DSB kien ikkonstata li fl-1 ta’ Jannar 1999 kien għad hemm nuqqas ta’ kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju mar-regoli tad-WTO. Għaldaqstant, huma jsostnu li, b’effett minn meta l-ebda kumpens sodisfaċjenti ma kien ġie miftiehem fl-għoxrin jum ta’ wara d-data li fiha kien skada t-terminu ta’ żmien raġonevoli, liema possibbiltà hija mogħtija mill-Artikolu 22(2) tad-DSU, il-Komunità ma setgħetx tagħmel iktar użu minn soluzzjonijiet innegozjati. Din ma kellhiex għażla oħra ħlief dik li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tad-DSB jew li tkun esposta għal miżuri ta’ ritaljazzjoni fin-nuqqas ta’ dan. Fl-aħħar mill-aħħar, dan id-dibattitu jirrigwarda s-setgħa vinkolanti tad-deċiżjoni tad-DSB: għandu jiġi kkunsidrat li d-DSU jimponi l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB?

47.      Jien ma naqbilx mal-evalwazzjoni tal-appellanti fuq dan il-punt (52). Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 22(1) tad-DSU jiffavorixxi l-implimentazzjoni sħiħa ta’ rakkomandazzjoni sabiex miżura ssir konformi mal-Ftehim WTO u li, skont l-Artikolu 3(7), id-DSU normalment għandu bħala għan primarju, fin-nuqqas ta’ soluzzjoni miftehma bejn il-partijiet kollha u li tkun kompatibbli mal-ftehim inkwistjoni, l-irtirar tal-miżuri li ġew iddikjarati bħala inkompatibbli. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li, fid-dawl tal-ġurisprudenza (53), id-DSU jistabbilixxi l-metodi xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni in bona fede, fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti, tad-deċiżjoni tad-DSB u, għalhekk, tar-regoli tad-WTO li dan ikun sab il-ksur tagħhom. Il-Komunità żżomm il-libertà li tagħmel l-għażla politika li inizjalment tkun esposta għal miżuri ta’ ritaljazzjoni li jkunu ġew awtorizzati mid-DSB abbażi tal-Artikolu 22(2) tad-DSU. Barra minn hekk, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (54) u kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi appellati (55), kemm wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien mogħti sabiex il-miżura ddikjarata bħala mhux kompatibbli mar-regoli tad-WTO issir konformi kif ukoll wara l-awtorizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, f’kull każ jibqa rriżervat post importanti ħafna għan-negozjati bejn il-partijiet fil-kwistjoni. L-Artikolu 22(8) tad-DSU jenfasizza l-karattru temporanju tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet u jillimita t-tul ta’ żmien tagħhom “biss sa dak il-punt meta titneħħa l-miżura misjuba li tkun inkonsistenti mal-ftehim kopert, jew il-Membru li għandu jimplimenta rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet jipprovdi soluzzjoni għat-tħassir tal-benefiċċji, jew tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti reċiprokament”, bl-unika riżerva, stabbilita mill-Artikolu 3(5) tad-DSU, li s-soluzzjoni msemmija tkun kompatibbli mal-Ftehim WTO. Mill-bqija, permezz tal-modifiki suċċessivi tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana li kienet ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mar-regoli tad-WTO, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ppruvawx ineħħu d-dispożizzjonijiet meqjusa bħala kuntrarji; huma ppruvaw fl-istess ħin jieħdu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tad-DSB, li jirrispettaw l-impenji meħuda fil-konfront tal-firmatarji l-oħra tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Lomé u li jissalvagwardjaw l-għanijiet tal-OKS tal-banana; u kien permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-Istati Uniti, fid-19 ta’ April 2001, li finalment ġiet solvuta l-kontroversja. Huwa minnu li jista jiġi kkontestat li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB ma tistax tiġi evitata u li soluzzjoni nnegozjata simili tikkostitwixxi wkoll forma ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB (56). Madankollu, kemm jekk wieħed iqis il-possibbiltà perenni ta’ soluzzjoni nnegozjata għal kwistjoni bħala libertà limitata għall-għażla tal-metodi ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-DSB jew inkella bħala libertà li tiġi ffavorita alternattiva għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija, din dejjem tibqa libertà.

48.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-invokabbiltà tar-regoli tad-WTO li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat mid-deċiżjoni tad-DSB għall-finijiet tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ħtija tal-Komunità hija ta’ natura tali li ddgħajjef il-libertà politika li l-Komunità għandha f’kull każ fil-kuntest ġuridiku tad-WTO? Fi kliem ieħor, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Qorti Komunitarja, fil-każ ta’ rikors għall-ħlas ta’ danni, tikkonstata l-illegalità tal-aġir tal-Komunità, ħaġa li tali invokabbilità tippermetti, jillimita l-libertà msemmija? L-appellanti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza affermat dan (57). Huma jgħidu li l-konstatazzjoni tal-illegalità mhix intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni, bħal fil-kuntest ta’ talba għal-deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità bħal fil-kawża Van Parys jew fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li l-miżura Komunitarja li tmur kontra l-liġi tad-WTO hija invalida jew annullata; deċiżjoni ġudizzjarja li mingħajr dubju tkun ta’ natura tali li taffettwa l-possibbiltà li l-organi leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Komunità għandhom li jfittxu soluzzjoni nnegozjata, peress li din tobbliga lill-istituzzjonijiet li jneħħu l-miżura ddikjarata bħala invalida jew annullata mis-sistema legali tal-Unjoni. L-evidenzjar tal-illegalità hija intiża biss, f’dan il-każ, sabiex tissodisfa waħda mit-tliet kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal ħtija, u m’għandha l-ebda effett fuq l-effettività tal-miżura Komunitarja iddikjarata bħala mhux kompatibbli mal-Ftehim WTO.

49.      Anke f’dan il-każ, l-argumenti tal-appellanti ma jikkonvinċunix. Ċertament, l-illegalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ikkonstatata mill-Qorti Komunitarja fil-kuntest ta’ rikors għall-ħlas ta’ kumpens, li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mal-liġi tad-WTO mid-DSB ma twassalx formalment la għall-annullament tagħha u lanqas għall-invalidazzjoni tagħha. Għalhekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tibqa parti integrali mis-sistema legali u tibqa teoretikament applikabbli. Madankollu l-konstatazzjoni tal-illegalità magħmula mill-Qorti Komunitarja għandha l-awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, l-organi politiċi tal-Komunità ma jistgħux iħallu għaddejja l-imsemmija illegalità, mingħajr ma jiksru l-prinċipju ta’ komunità tal-liġi. Dawn għandhom l-obbligu li jeliminaw din l-illegalità billi jneħħu jew jirtiraw il-liġi inkwistjoni. Għalhekk, isir impossibbli għalihom, bħal ma sar f’dan il-każ bl-aħħar emendi fil-liġi tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana, li jfittxu soluzzjoni nnegozjata li tippermettilhom li jibbilanċjaw bl-aħjar mod id-diversi interessi inkwistjoni. Għalhekk, il-marġni ta’ manuvrar politiku tagħhom ikun mingħajr dubju affettwat.

50.      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà għal ħtija tal-Komunità joffri l-possibbiltà li l-impriżi kollha milquta, kemm jekk mill-miżura Komunitarja inkompatibbli mar-regoli tad-WTO stess, jew inkella minn miżuri ta’ ritaljazzjoni, jiksbu, permezz ta’ kawża, kumpens għall-ħsara kollha li sofrew. Il-perspettiva ta’ tali piż finanzjarju tista’ wkoll tkun ta’ natura tali li ġġiegħel lill-organi politiċi tal-Komunità jeliminaw il-miżura Komunitarja ddikjarata bħala inkompatibbli mar-regoli tad-WTO u għalhekk sabiex tiġi mnaqqsa l-libertà ta’ aġir li jagħtihom il-qafas ġuridiku tad-WTO.

51.      Fl-aħħar, l-appellanti jikkontestaw li r-rikonoxximent tal-possibbiltà li d-deċiżjoni tad-DSB tiġi invokata għall-finijiet ta’ ksib ta’ kumpens għall-ħsara sofruta minħabba miżuri ta’ ritaljazzjoni adottati wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija ma jkollha l-ebda effett fuq il-libertà politika tal-organi tal-Komunità peress li f’dan il-każ, it-talba ta’ kumpens ġiet ippreżentata, fil-kawża Fedon, wara li ġiet solvuta l-kontroversja kummerċjali jew, fil-kawża Fiamm, ġiet, minn tal-inqas, evalwata wara tali soluzzjoni. Madankollu, il-konferma tal-prinċipju ta’ responsabbiltà għall-aġir illegali tal-Komunità li ma tkunx ikkonformat ruħha fit-terminu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mid-deċiżjoni tad-DSB jikkostitwixxi xabla ta’ Damocle li fil-futur tkun thedded il-libertà tal-organi politiċi tal-Komunità fi ħdan id-WTO.

52.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jiġi kkonfermat ir-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tistħarreġ, fil-kuntest tal-kawża għall-ħlas ta’ kumpens, bl-eċċezzjonijiet ta’ Fediol u Nakajima, il-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet appellati fid-dawl tar-regoli tad-WTO fir-rigward ta’ liema id-DSB sab nuqqas ta’ kompatibbiltà min-naħa tal-Komunità.

B –    Ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità

53.      L-appellanti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat kunċett żbaljat ta’ ħsara anormali, li wassalha sabiex inġustament tiċħad l-eżistenza ta’ tali ħsara f’dan il-każ. Min-naħa tad-difiża, għalkemm il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jaqblu mal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq in-nuqqas ta’ karattru anormali tal-ħsara sofruta mill-appellanti u għalhekk jaqblu mal-parti dispożittiva tas-sentenzi appellati li tiċħad kull responsabbiltà assoluta tal-Komunità, dawn jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet il-prinċipju nnifsu ta’ responsabbiltà għall-aġiri legali, li ddikjaratu bħala applikabbli f’dawn il-kawżi, li ssuġġettatu għal kundizzjonijiet insuffiċjentement restrittivi u li rrikonoxxiet b’mod żbaljat li xi wħud minnhom, b’mod partikolari dik relatata man-ness ta’ kawżalità diretta, kienu sodisfatti. Dawn jissuġġerixxu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi xi motivi tas-sentenzi appellati jew, saħansitra, skont il-Kunsill u l-Gvern Spanjol li għal dan il-għan ressqu appell inċidentali, li tannulla parzjalment is-sentenzi appellati. Jien ser nevalwa r-rilevanza tal-argumenti tad-diversi partijiet billi neżamina suċċessivament il-kwistjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità, dik tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u fl-aħħar dik tal-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni tiegħu.

1.      Il-prinċipju tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità

54.      Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw l-eżistenza, iddikjarata mill-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr motivazzjoni suffiċjenti skont huma, ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha bħala prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri. Ħafna inqas minn nofs l-Istati Membri stabbilixxew tali prinċipju fis-sistemi legali tagħhom u n-numru tagħhom huwa limitat għal tnejn meta l-att li ġġenera l-ħsara kien att leġiżlattiv. Huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr skruplu eċċessiv ta’ dimostrazzjoni, illimitat ruħha li tibbaża l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha fuq l-affermazzjoni li “d-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f’livelli differenti, f’oqsma speċifiċi u skont metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta’ proċedimenti legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta’ azzjoni illegali min-naħa ta’ min ikun ikkawża d-dannu” (58). It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jeħtieġ li r-rimedju min-naħa tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jkun konformi mal-“prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri”.

55.      Iżda it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandu jinqara fis-sens li jawtorizza li tiddaħħal fid-dritt Komunitarju soluzzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-setgħa pubblika biss jekk din hija komuni għall-Istati Membri kollha? L-iskoperta ta’ “prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri” tista’ ssir biss b’sovrappożizzjoni kważi awtomatika tal-liġi ta’ kull Stat Membru sabiex jinżammu biss l-elementi li huma eżattament komuni? Jiena ma naħsibx. Loġika matematika similii tal-iżgħar denominatur komuni twassal għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-Komunità fejn il-possibbilitajiet li vittmi ta’ ħsara kkaġunata mill-istituzzjonijiet jingħataw rimedju jkunu ridotti b’mod sinjifikanti (59). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ċertament tevalwa l-iktar dispożittivi karatteristiċi tas-sistemi tad-dritt intern, qabel kollox hija għandha tħares li tadotta soluzzjoni li tkun adattata għall-bżonnijiet u għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-sistema legali Komunitarja. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri sabiex issib risposta għad-domandi legali analogi li jeżistu fid-dritt Komunitarju, li tkun fl-istess ħin tirrispetta t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u adattata għall-kuntest speċifiku tas-sistema legali Komunitarja. Minn dan il-lat, anki soluzzjoni minoritarja tista’ tkun privileġġata, kemm-il darba din tirrispondi bl-aħjar mod għall ħtiġijiet tas-sistema Komunitarja. Huwa biżżejjed, li jitfakkar l-eżempju tal-“Vertrauensschutzprinzip” użat għad-dritt Komunitarju li kien jeżisti biss fil-liġi Ġermaniża. Għalhekk, il-fatt li huma biss il-liġijiet Spanjoli u Franċiżi li jistabbilixxu responsabbiltà tas-setgħa pubblika minħabba att leġiżlattiv legali ma jikkostitwixxix ostaklu għar-rikonoxximent tagħha fid-dritt Komunitarju.

56.      Il-kwistjoni determinanti hija dik dwar jekk tali soluzzjoni tissodisfax bl-aħjar mod il-bżonnijiet speċifiċi tas-sistema legali Komunitarja. Dan ma jfissirx li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tas-setgħa pubblika minħabba att leġiżlattiv legali għandu jiġi użat fis-sistema legali Komunitarja meta jkun jidher bħala l-aħjar soluzzjoni legali, li għandha bħala tali tiġi adottata fis-sistema legali Komunitarja. L-użu tiegħu fid-dritt Komunitarju jista’ jkun biss ir-riżultat ta’ paragun tad-dispożittivi fuq is-suġġett użati mid-diversi sistemi legali nazzjonali bl-iskop li tinstab l-iktar soluzzjoni adattata possibbli għall-ħtiġiet speċifiċi tas-sistema legali Komunitarja (60).

57.      Jidhirli li dan huwa l-każ. L-użu ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità jippermetti, għal finijiet ta’ ġustizzja, li jiġu kkumpensati l-kundizzjonijiet iebsa għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ħtija tal-Komunità marbuta, b’mod partikolari, mal-ħtieġa ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regola tal-liġi li tipproteġi lill-individwi (61) sabiex tagħti lill-vittmi ta’ ħsara partikolarment gravi, sofruta minħabba aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji, l-possibbiltà li jingħataw rimedju. L-adegwament ta’ tali soluzzjoni tispjega mingħajr dubju li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma warrbet il-possibbiltà li tużaha (62). Barra minn hekk, għalkemm din is-soluzzjoni ġuridika tinsab biss f’uħud mis-sistemi legali nazzjonali, it-tħassib li tesprimi u l-protezzjoni tal-interessi ġuridiċi li tiggarantixxi huma wkoll ikkunsidrati f’sistemi legali oħra, anki jekk, kif jingħad iktar il-quddiem (63), permezz ta’ mekkaniżmi ġuridiċi differenti.

58.      Fil-kuntest partikolari ta’ dan il-kawża, is-soluzzjoni msemmija tidher ħafna iktar adattata. Fin-nuqqas tal-invokabbilità tar-regoli tad-WTO, l-individwi li jilmentaw minn aġir tal-istituzzjonijiet tal-Komunità li jmur kontra l-Ftehim WTO fil-fatt ma jistgħux, kif rajna, jinvokaw l-illegalità ta’ tali aġir. Bħala konsegwenza, kemm il-proċedura ta’ rikors għal annullament kif ukoll dik ta’ talba għal-deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jew ta’ talba għal ħlas ta’ kumpens ibbażata fuq ir-responsabbiltà mhumiex disponibbli. Fin-nuqqas ta’ użu tal-prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità, anki dawk li sofrew, minħabba din l-illegalità, ħsara partikolarment gravi jiġu mċaħħda minn kull protezzjoni legali. Fuq l-istess linji, għandu jiġi osservat li l-użu mill-Conseil d’État Franċiż ta’ responsabbiltà assoluta minħabba l-liġijiet huwa ħafna drabi ppreżentat bħala kumpens għall-impossibbiltà li l-qorti amministrattiva tagħti rimedju, permezz tal-istħarriġ tal-kostituzzjonalità, fil-liġi.

59.      Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta sservi wkoll il-ħtiġiet ta’ amministrazzjoni tajba. Din iġġiegħel lis-setgħa politika, meta jkollha l-intenzjoni li żżomm liġi Komunitarja li ġiet iddikjarata inkompatibbli mar-regoli tad-WTO minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien raġonevoli mogħti mid-deċiżjoni tad-DSB sabiex tikkonforma ruħha, li tevalwa aħjar l-ispejjeż li jistgħu jirriżultaw fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u li tibbilanċja dawn l-ispejjeż mal-vantaġġi għas-settur jew setturi ekonomiċi involuti biż-żamma tal-liġi Komunitarja. Ma jkunx hemm tnaqqis tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fil-kuntest tad-WTO iżda garanzija ta’ eżerċizzju responsabbli tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali.

60.      Fl-aħħar, ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta jwassal sabiex jitħalla f’idejn is-sistema legali Komunitarja l-kontroll tat-tqassim intern tal-konsegwenzi tal-libertà ta’ aġir tal-istituzzjonijiet fil-kuntest tad-WTO. Ma jkunux iktar l-imsieħba kummerċjali li jagħżlu b’mod diskrezzjonali, bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, fuq liema kategorija ta’ operaturi ekonomiċi Komunitarji għandhom imorru l-ispejjeż tal-libertà msemmija, iżda tkun il-Komunità li tiddeċiedi jekk il-piż għandux jinġarr biss mill-impriżi milquta mill-miżuri ta’ ritaljazzjoni jew jekk għandux jinqasam bejn is-soċjetà kollha.

61.      Għar-raġunijiet li għadni kif semmejt, jidhirli li l-kawżi inkwistjoni joffru l-okkażjoni, jew aħjar jidhirli li jimponu li nżid pass ieħor mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa, bl-użu ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità, li l-ġurisprudenza msemmija tgħaddi mill-istadju tal-eventwali għal dak tal-istabbilit, miż-żmien tal-inċertezzi għal dak tas-soluzzjonijiet (64).

62.      L-użu ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità jista’ jiġi ispirat mill-idea ta’ ugwaljanza taċ-ċittadini fil-konfront tal-obbligi pubbliċi li fuqha l-liġi amministrattiva Franċiża bbażat ir-responsabbiltà minħabba l-liġijiet. Ir-raġunament jista’ jiġi spjegat fil-qosor b’dan il-mod: peress li kull attività pubblika hija meqjusa li tibbenefika l-kollettività kollha, huwa normali li ċ-ċittadini għandhom ibatu mingħajr kumpens l-ispejjeż li jirriżultaw minnha; iżda jekk, fl-interess ġenerali, is-setgħat pubbliċi jagħmlu ħsara partikolarment kbira lil ċerti individwi li jbatuha huma biss, minn dan jirriżulta obbligu, li normalment ma jkollhomx, u li għandu jagħti lok għal kumpens; dan il-kumpens li jiġi bagħtut mill-kollettività permezz tal-ħlas tat-taxxa jerġa jġib l-ugwaljanza li kienet intilfet.

63.      Din l-idea mhix ‘il bogħod ħafna mis-“Sonderopfertheorie” tal-liġi Ġermaniża, li tgħid li l-individwi li, minħabba att pubbliku legali, jbatu “sagrifiċċju speċjali”, jiġifieri ħsara ekwivalenti għal esproprjazzjoni, għandhom jingħataw rimedju. Ippreżentata b’dan il-mod, ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità tista’ wkoll tiġi bbażata fuq il-liġi tal-proprjetà li, b’mod konformi mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, hija protetta fis-sistema legali Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tal-liġi. Responsabbiltà ta’ dan it-tip tagħti l-idea li ma jistax ikun hemm ħsara ekwivalenti għal esproprjazzjoni li tirriżulta minn att, anki legali, tas-setgħa leġiżlattiva Komunitarja mingħajr il-ħlas ta’ kumpens (65).

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità

64.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tilmenta li wara li rrikonoxxiet li għandha kompetenza biss “f’oqsma speċifiċi” (66), il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħasbitx li kellha tippreċiża liema kienu dawn l-oqsma. Iżda dan ma kienx neċessarju sabiex tingħata soluzzjoni għal-kawżi inkwistjoni. Kien bizzejjed li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiżgura li r-responsabbiltà assoluta setgħet tiġi applikata għall-kawżi msemmija, kif irrikonoxxiet b’mod impliċitu, peress li vverifikat l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni. Iżda huwa dwar dan li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill jilmentaw. Għalhekk, f’dan ir-rigward għandhom isiru s-segwenti osservazzjonijiet.

65.      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għall-preżentazzjoni li jagħmlu l-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill, mhuwiex il-prinċipju ta’ responsabbiltà minħabba att legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat, ġustament fl-opinjoni tiegħi, fis-sentenzi appellati. Dan kien iktar il-prinċipju ta’ responsabbiltà oġġettiva, anki mingħajr ħtija. Fi kliem ieħor, ikun hemm responsabbiltà anke indipendentement mill-ħtieġa li l-ħsara tkun ibbażata fuq ħtija, liema ħtija għandha tiġi ppruvata mill-appellanti. Din tista’ wkoll tkopri każijiet ta’ atti illegali iżda li ma jkunux jikkostitwixxu ksur ikkaratterizzat biżżejjed.

66.      Fit-tieni lok, b’mod differenti mill-Kunsill, ma narax għalfejn din is-sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma tistax tapplika wkoll f’każijiet ta’ ommissjoni leġiżlattiva. Il-paragun magħmul mill-Kunsill man-nuqqas imsemmi fl-Artikolu 232 KE mhuwiex rilevanti fir-rigward ta’ responsabbiltà assoluta. F’kull każ, fil-kawżi preżenti mhuwiex in-nuqqas ta’ azzjoni leġiżlattiva li huwa inkwistjoni. Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni adottaw, fit-terminu ta’ żmien raġonevoli mogħti, diversi inizjattivi (adattament tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana, negozjati), u dan ġie enfasizzati mill-Kunsill stess fl-osservazzjonijiet tiegħu, iżda dawn l-inizjattivi rriżultaw li ma kinux xierqa sabiex jiżguraw eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjoni tad-DSB.

67.      Fit-tielet lok, mhemm l-ebda raġuni valida sabiex, kif issostni l-Kummissjoni, ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità tiġi limitata biss għall-każijiet fejn ikun att mhux leġiżlattiv li joħloq il-ħsara. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jimponi l-obbligu fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għal kull “dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn in-natura amministrattiva jew leġiżlattiva tal-attività tagħhom. Barra minn hekk, ħsara partikolarment kbira tista’, fl-interess ġenerali, tiġi imposta fil-konfront ta’ ċerti operaturi kemm mis-setgħa leġiżlattiva kif ukoll mis-setgħa eżekuttiva. Wara kollox, f’din il-kawża, l-adozzjoni meqjusa bħala insuffiċjenti tas-sistema Komunitarja għall-importazzjoni tal-banana kienet ir-riżultat kemm ta’ Regolament bażi tal-Kunsill kif ukoll ta’ Regolament ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar u b’mod sussidjarju, jidhirli li limitazzjoni simili mhijiex xierqa fid-dawl tad-distinzjoni insuffiċjenti bejn l-atti leġiżlattivi u tal-atti amministrattivi fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju. Fl-aħħar, hija biss ħsara li seħħet bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva prinċipali li ma tistax tagħti lok għal rimedju (67).

68.      Fl-aħħar lok, fil-kuntest partikolari tar-rispett tal-Ftehim WTO li huwa dak tal-kawżi inkwistjoni, huma biss iċ-ċittadini tal-Unjoni li jistgħu jinvokaw din is-sistema ta’ responsabbiltà assoluta biex jitolbu rimedju għal ħsara partikolarment kbira kkaġunata lilhom, fl-interess ġenerali, mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Fil-fatt, la huwa mistenni mis-setgħa politika u lanqas mhuwa possibbli għaliha li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ aġir tagħha fil-kuntest tad-WTO, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż li l-operaturi ta’ pajjiżi terzi sofrew minħabba l-għażliet li saru. Għalhekk, fil-kuntest tal-kompetenzi Komunitarji eżerċitati mill-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali esterna, l-idea ta’ ksur tal-ugwaljanza minħabba l-obbligi pubbliċi tista’ tiġi applikata biss bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi argumentat b’mod validu, bħal ma jagħmel il-Kunsill, li r-rikonoxximent ta’ responsabbiltà assoluta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-liġi tad-WTO jikser il-prinċipju ta’ reċiproċità, peress li l-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-Komunità mhumiex esposti għal tali responsabbiltà.

69.      Evalwata, ibbażata u delimitata b’dan il-mod, il-funzjoni prinċipali tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità tidher ċara. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mar-regoli tad-WTO billi jillimitaw il-libertà politika tagħhom. Il-kwistjoni hija biss li jiġi ggarantit li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-għażliet politiċi li saru ma jaffettwawx l-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-konfront tal-obbligi pubbliċi.

70.      Ir-riżervi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kontra l-użu ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità jistgħu jinftehmu. Bl-effett tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà ġeneruż wisq, m’għandux jiġi impost riskju fuq l-eżerċizzju tal-attività leġiżlattiva u amministrattiva li jkun ta’ natura tali li jwaqqaf l-eżerċizzju stess ta’ din l-attività. Iżda għalkemm dan it-tħassib huwa leġittimu, ma jistax jostakola r-rikonoxximent ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità. It-teħid in-kunsiderazzjoni kif ukoll l-ibbilanċjar tiegħu max-xewqa li jkun hemm tqassim ibbilanċjat tal-obbligi pubbliċi għandhom jiġu riflessi fil-portata mogħtija u fil-kundizzjonijiet meħtieġa għal din ir-responsabbiltà.

3.      Il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità

71.      Qabel kollox, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-validità tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet neċessarji għal kull mekkaniżmu ta’ responsabbiltà, li għalhekk mhumiex speċifiċi għas-sistema ta’ responsabbiltà assoluta. Dawn jallegaw interpretazzjoni ħażina tal-kunċett ta’ ħsara reali u ċerta u tar-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova. Iżda l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta osservat li l-konvenuti f’dik il-kawża ma kinux qed jikkontestaw ir-realtà tal-ħsara kummerċjali sofruta mir-rikorrenti minħabba l-inflazzjoni tal-prodotti tagħhom ikkaġunata mid-dazju addizzjonali iżda li ir-rikorrenti kienu qed jilmentaw fil-konfront tagħhom talli ma kinux kapaċi jirrimedjaw għal dan permezz ta’ miżuri adegwati. Sabiex tikkunsidra r-realtà tal-ħsara li saret, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-istatistiċi ppreżentati mill-Kummissjoni li juru tnaqqis fil-volum totali ta’ importazzjonijiet ta’ akkumulaturi u ta’ kaxxi għan-nuċċalijiet fl-Istati Uniti matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tat-taxxa addizzjonali msemmija (68).

72.      L-appellati jilmentaw ukoll, b’mod iktar serju, li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ħtieġa li tgħid li l-ħsara għandha tirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata (69). Fil-fatt, ma teżisti l-ebda sistema awtomatika bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Komunità tad-deċiżjoni ta’ kundanna tad-DSB u l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali, peress li l-aġir diskrezzjonali tal-awtoritajiet Amerikani kiser in-ness ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji u l-ħsara invokata. Minn naħa, dawn irrifjutaw il-kumpensi li kienu ġew offruti lihom mill-Komunità abbażi tal-Artikolu 22(1) u (2) tad-DSU. Min-naħa l-oħra, dawn għażlu minn jeddhom li jitolbu lid-DSB jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, li jużaw l-awtorizzazzjoni li ngħataw u, minn dan il-lat, stabbilixxew b’mod diskrezzjonali l-lista ta’ prodotti milquta u l-ammont tad-dazji. Huwa minnu li l-Istati Uniti ma kienu bl-ebda mod marbuta li jirreaġixxu bil-mod kif għamlu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Komunità tad-deċiżjoni tad-DSB fit-terminu ta’ żmien raġonevoli mogħti. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li r-reazzjoni tal-awtoritajiet Amerikani tikkostitwixxi waħda mill-għażliet mogħtija mid-DSU f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jew ta’ rakkomandazzjoni tad-DSB, u għalhekk kienet prevedibbli. Kif osservat sewwa il-Qorti tal-Prim’Istanza, “it-tneħħija tal-konċessjonijiet fir-rigward tal-Komunità permezz ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni għandha titqies bħala konsegwenza li tirriżulta oġġettivament, skont l-iżvolġiment normali u prevedibbli tas-sistema għas-soluzzjoni tal-kontroversji tad-WTO aċċettata mill-Komunità, miż-żamma fis-seħħ min-naħa tal-istituzzjonijiet konvenuti tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana inkompatibbli mal-Ftehim WTO” (70). Għalhekk, minflok ma kisru n-ness ta’ kawżaità bejn l-aġir tal-Komunità u l-ħsara allegata, l-inizjattivi meħuda mill-awtoritajiet Amerikani jidhru pjuttost bħala ħoloq mill-katina msemmija. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-aġir tal-Komunità kien il-“kawża deċiżiva” (71) tal-ħsara sofruta mir-rikorrenti f’dak il-każ.

73.      Niġu issa għall-kundizzjonijiet speċifiċi għas-sistema ta’ responsabbiltà assoluta. Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat u applikat kunċett żbaljat ta’ ħsara anormali. Min-naħa l-oħra, l-appellati, filwaqt li jaqblu mal-kunċett ta’ ħsara anormali żviluppat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iqisu bħala insuffiċjenti l-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà assoluta li semmiet u għalhekk jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta l-motivi tas-sentenzi appellati billi żżid magħhom ħtieġa supplimentari li tirrigwarda n-nuqqas ta’ interess għal kollox ġenerali segwit mill-aġir tal-istituzzjonijiet li ħoloq il-ħsara.

74.      L-evalwazzjoni tal-mertu rispettiv ta’ dawn l-allegazzjonijiet differenti teħtieġ li jiġi ppreċiżat li dawn għandhom ikunu l-kundizzjonijiet li għandha tkun suġġetta għalihom ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità. Fl-opinjoni tiegħi, dawn għandhom jiġu dettati mill-pedamenti stess li fuqhom hija bbażata din is-sistema ta’ responsabbiltà. Kif ippruvajt nuri, il-prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta jista’ jkun fl-istess ħin ibbażat fuq l-idea ta’ ksur tal-ugwaljanza taċ-ċittadini minħabba l-obbligi pubbliċi u fuq il-protezzjoni dovuta lid-dritt fundamentali ta’ proprjetà. Għaldaqstant, l-unika ħsara li għaliha r-responsabbiltà assoluta tagħti dritt għal rimedju hija dik li jkollha karattru anormali u speċjali fl-istess ħin.

75.      Fil-fatt, hekk kif jibbenefikaw mill-vantaġġi derivanti minn dan, l-individwi kollha għandhom ibatu mingħajr kumpens l-inkonvenjenti ordinarji li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tal-ħajja fis-soċjetà u mill-atti tas-setgħat pubbliċi għal dan l-iskop. Dawn huma tipi ta’ obbligi pubbliċi li normalment għandhom jitqiesu bħala li huma responsabbiltà normali tal-persuni kkonċernati. Anki jekk dawn l-obbligi mhumiex ta’ piż uniformi fuq iċ-ċittadini kollha, il-Qorti mhijiex f’pożizzjoni li terġa tistabbilixxi ugwaljanza perfetta. Inkella dan ikun ifisser li hija tingħata inkarigu sproporzjonat u mhux xieraq. Għalhekk, anki jekk asimmettriċi, l-obbligi pubbliċi għandhom, bħala prinċipju, normalment jitqiesu li huma responsabbiltà normali tal-persuni u li konsegwentament ma jagħtux dritt għal rimedju. Madankollu, dan kollu ma jgħoddx fil-każ fejn l-att pubbliku joħloq ħsara anormali u speċjali.

76.      Ħsara għandha tiġi kkwalifikata bħala anormali meta din tkun tidher hekk minħabba, fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet li seħħet fihom u l-karatteristiċi intrinsiċi tagħha. Qabel kollox, il-ħsara anormali hija dik li taqbeż il-limiti ta’ riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet fis-settur ikkonċernat, jiġifieri li jirriżultaw mir-realizzazzjoni ta’ riskju li l-vittma ma setgħetx raġonevolment tipprevedi, u li kontra tiegħu ma setgħetx tiżgura ruħha. Iżda dan mhuwiex bizzejjed. Hemm bżonn ukoll li din ikollha karattru gravi. Inkella l-obbligu ma jistax jitqies bħala anormali; inkella l-ħsara ma tkunx tista’ tammonta għal esproprjazzjoni li għandha tiġi rimedjata skont il-protezzjoni dovuta għad-dritt ta’ proprjetà. Dan ma jfissirx li l-ħsara għandha tkun ekwivalenti għal ċaħda totali u definittiva tal-proprjetà. Madankollu, din għandha tinvolvi ksur suffiċjentement gravi tal-elementi tad-dritt ta’ proprjetà (usus, fructus et abusus). Għandu jiġi enfasizzat, li l-kwistjoni dwar jekk il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà huwiex legali jew inkella illegali hija irrilevanti meta l-kuntest ikun wieħed ta’ responsabbiltà li mhijiex ibbażata fuq it-tort.

77.      Min-naħa l-oħra, f’sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq l-ugwaljanza quddiem l-obbligi pubbliċi, anki jekk il-ħsara tista’ tiġi kkwalifikata bħala anormali fis-sens li għadni kif iddefinixxejt, ma jistax ikun hemm dritt għal rimedju jekk din ma jkollhiex ukoll karattru speċjali. Dan ikun biss il-każ jekk din taffettwa biss numru żgħir ta’ individwi jew, iktar preċiżament, jekk taffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-operaturi l-oħra. Fil-fatt, huwa biss f’dan il-każ li tinkiser l-ugwaljanza quddiem l-obbligi pubbliċi.

78.      Esposti u ddefiniti b’dan il-mod, il-kundizzjonijiet ta’ anormalità u ta’ speċjalità tal-ħsara huma suffiċjentement restrittivi sabiex, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-applikabbilità ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà assoluta fil-kawżi inkwistjoni ma taffettwax il-libertà politika li l-istituzzjonijiet għandhom fil-kuntest tad-WTO, li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi favur il-prinċipju ta’ non-invokabbiltà tar-regoli tad-WTO. In-numru ta’ vittmi f’pożizzjoni li jilmentaw minn ħsara li tissodisfa dawn l-eżiġenzi ikun, f’kull każ, dejjem limitat ħafna, u għalhekk il-piż li eventwali ħlas ta’ kumpens jista’ jkollu fuq il-baġit tal-Unjoni qatt ma jkun ta’ natura tali li jillimita l-aġir tal-organi politiċi Komunitarji fil-kuntest tad-WTO.

79.      L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità għandha tkun suġġetta għall-osservanza ta’ kundizzjoni supplementari marbuta man-nuqqas ta’ interess ekonomiku ġenerali li kien persegwit mill-att jew mill-aġir li ħoloq il-ħsara? Huwa dan li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jeħtieġu u jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx fis-sentenzi appellati. Għal dan il-għan, huma setgħu effettivament jibbażaw ruħhom fuq xi deċiżjonijiet tal-Qorti Komunitarja li, filwaqt li jitilqu mil-linja ġurisprudenzjali ġenerali, żiedu din l-eżiġenza (72). Fi kliem ieħor, jekk l-att jew l-aġir li ħoloq il-ħsara ġie adottat fl-interess tal-kollettività kollha u mhux bil-għan li jiġu ffavoriti xi interessi, kull rimedju jkun eskluż. Fl-opinjoni tiegħi, mhemmx lok li din il-kundizzjoni supplimentari meħtieġa minn orjentazzjoni ġurisprudenzjali minoritarja tinżamm. Ma jidhirlix li hija xierqa għaliex l-ugwaljanza quddiem l-obbligi pubbliċi u l-protezzjoni dovuta għad-dritt ta’ proprjetà jeħtieġu li l-operaturi li sofrew ħsara anormali u speċjali jingħataw kumpens, anki jekk il-miżura li ħolqot il-ħsara msemmija hija ġġustifikata minn interess ekonomiku ġenerali. Lanqas ma jidhirli li hija neċessarja, peress li l-kundizzjonijiet ta’ anormalità u ta’ speċjalità tal-ħsara huma suffiċjentement restrittivi sabiex il-biżà ta’ eventwali responsabbiltà ma taffettwax il-libertà ta’ azzjoni tal-politika fil-persegwiment ta’ interess ekonomiku ġenerali.

80.      Għalhekk, il-kundizzjonijiet li għadhom kif ġew ippreċiżati huma dawk li l-ġurisprudenza maġġoritarja, filwaqt li rriżervat l-użu tar-responsabbiltà assoluta tal-Komunità, semmiet u ddefiniet bħala li għandhom jeżistu f’kull każ. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja issuġġettat espressament ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità għar-realizzazzjoni ta’ ħsara anormali u speċjali (73). Hija ċaħdet ukoll l-eżistenza ta’ responsabbiltà assoluta għaliex il-ħsara invokata kienet biss ir-riżultat ta’ riskju kummerċjali normali li ġie sofrut mill-operatur ekonomiku fis-settur ikkonċernat (74) jew għaliex il-ħsara allegata ma kinitx taqbeż “il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur ikkonċernat” (75). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenzi appellati, issuġġettat ir-responsabbiltà assoluta tal-Komunità għall-ħtieġa ta’ ħsara anormali u speċjali li hija ddefinixxiet b’dan il-mod: “dannu, minn naħa, ikun barra min-normal meta jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur konċernat u, min-naħa l-oħra, ikun speċjali meta jolqot kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbla ma’ operaturi oħra” (76). Billi ddeċidiet b’dan il-mod, hija baqgħet konformi mal-ġurisprudenza kostanti li hija żviluppat (77).

81.      Iżda FIAMM u FEDON la jikkontestaw il-ħtieġa ta’ anormalità u ta’ speċjalità tal-ħsara u lanqas id-definizzjoni tagħhom mogħtija fis-sentenzi appellati. Huma jinvokaw it-tifsira ġuridika żbaljata tad-definizzjoni tal-ħsara anormali li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat u applikat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ħsara sofruta mill-appellanti ma kinitx qabżet il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attività ta’ esportazzjoni tagħhom, filwaqt li l-eventwalità ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, peress li hija prevista mid-DSU, ma tistax titqies bħala li ma tagħmilx parti mir-riskji normali tal-kummerċ internazzjonali fl-istat attwali tal-organizzazzjoni tiegħu, għalkemm il-konsegwenzi ta’ ħsara li jistgħu jirriżultaw minnhom għandhom b’mod obbligatorju jiġu sofruti minn kull operatur li jiddeċiedi li jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu fis-suq ta’ wieħed mill-membri tad-WTO. Fi kliem ieħor, għaliex huma previsti legalment mill-att li jirregola l-kummerċ internazzjonali, il-miżuri ta’ ritaljazzjoni huma neċessarjament prevedibbli minn kull impriża li tesporta. Dan huwa riskju inerenti għal kull attività li tesporta.

82.      Meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif jallegaw bir-raġun l-appellanti, injorat il-fatt li l-anormalità tal-ħsara hija mkejla abbażi tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat, jiġifieri li l-ħsara jkollha karattru anormali (78), meta ma tkunx tidher bħala r-realizzazzjoni ta’ riskju inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat. Dan huwa l-każ fin-nuqqas ta’ kull ness bejn l-att jew l-aġir li joħloq il-ħsara u s-settur ekonomiku li taħtu taqa’ l-attività tal-impriżi vittmi tal-ħsara msemmija. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali ness, il-ħsara ma tistax tiġi kkunsidrata bħala r-realizzazzjoni ta’ riskju kummerċjali normali li kontra tiegħu operatur prudenti setgħa u kellu jiżgura ruħu. Huwa f’dan is-sens li hija orjentata l-ġurisprudenza. Għalhekk, ġew ikkunsidrati bħala normali: il-ħsara sofruta minn kumpannija ta’ trasport marittimu wara l-modifika tas-sistema tranżitorja ta’ eżenzjoni fiskali tal-prodotti suġġetti għas-sisa u mibjugħa fuq il-vapuri waqt it-tbaħħir bejn l-Istati Membri (79); il-ħsara sofruta minn produttur ta’ għalf bażi għall-ħnieżer żgħar u għat-tjur magħmul mix-xorrox, wara d-dħul fis-seħħ ta’ xi regolamenti Komunitarji dwar il-bejgħ ta’ trab tal-ħalib intiż għall-għalf għall-ħnieżer u t-tjur (80).

83.      F’din il-kawża, ma jeżisti l-ebda ness bejn l-adozzjoni u ż-żamma tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-sistema ta’ importazzjoni Komunitarja tal-banana u l-ħsara li l-esportaturi Komunitarji ta’ kaxxi għan-nuċċalijiet u ta’ akkumulaturi industrijali sofrew bħala riżultat tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni. Għalhekk, din il-ħsara ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala normali għal dawn l-operaturi, peress li skont l-Artikolu 22(3) tad-DSU, il-miżuri ta’ ritaljazzjoni għandhom bħala prijorità jirrigwardaw l-istess settur bħal dak li fih ġie kkonstatat il-ksur tal-liġi tad-WTO. Għal dan il-għan, is-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati bħala vvizjati minn żball ta’ liġi. Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li tkun talbet l-informazzjoni neċessarja mingħand l-appellanti, li għandha tevalwa jekk il-ħsara invokata tippreżentax ukoll karattru anormali sa fejn din tikkostitwixxi ksur suffiċjentement gravi tal-elementi tad-dritt ta’ proprjetà u li tiddeċiedi fuq il-karattru speċjali tal-ħsara msemmija.

C –    It-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura

84.      Fl-aħħar, l-appellanti jitolbu l-għoti ta’ kumpens xieraq fir-rigward tad-dewmien mhux raġonevoli tal-proċedura fl-ewwel istanza. It-talba ta’ FEDON tista’ faċilment tiġi miċħuda bħala inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 112(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li hija nieqsa minn kull motivazzjoni.

85.      Jifdal it-talba ta’ FIAMM li, filwaqt li tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet ħames snin u disa’ xhur sabiex tieħu deċiżjoni fil-kawża tagħha, tallega ksur tad-dritt għal smiegħ f’terminu ta’ żmien raġonevoli, li jifforma parti mid-dritt għal smiegħ xieraq stabbilit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u ggarantit mis-sistema legali Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tal-liġi. Għal dan il-għan, l-appellanti tinvoka in sostenn is-sentenza Baustahlgewebe (81), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja irrikonoxxiet l-applikabbiltà tad-dritt imsemmi fil-każijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, bħala konsegwenza, aċċettat li fl-istadju tal-appell tisma’ aggravju li jirrigwarda l-irregolarità tal-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba d-dewmien allegatament irraġonevoli tagħha. Hija tqis id-dewmien tas-sentenza bħala eċċessiv, fid-dawl taċ-ċarezza tal-kwistjonijiet ta’ fatt, taċ-ċirkostanza li l-aġir tal-ebda waħda mill-partijiet ma kien ikkontribwixxa sabiex titwal il-proċedura u minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx esposta għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Minn din l-irregolarità ta’ proċedura rriżulta dannu għall-interessi tagħha, sa fejn, minħabba d-dejn li għamlet sabiex teħles mit-taxxi doganali addizzjonali, hija tinsab imdejna ħafna u mġiegħla li tinnegozja ċ-ċessjoni ta’ sehem maġġoritarju li hija għandha fil-kapital ta’ fond ta’ investiment bħala skambju għall-ħlas tad-dejn magħmul mal-banek.

86.      Bħala difiża, il-Kummissjoni min-naħa tagħha teċepixxi, fl-ewwel lok, l-inammissibbiltà tal-aggravju u, għal dan il-għan, tosserva b’mod partikolari li l-allegata irregolarità fil-proċedura ma kellha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża. Iżda l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeħtieġx li l-irregolarità proċedurali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tali portata sabiex tkun tistà titqajjem, dan jeħtieġ sempliċement li din tkun “tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant”. Dan jidher li huwa proprju l-każ, peress li t-tul tad-dewmien tas-sentenza kkontribwixxa sabiex ikabbar il-piż tad-dejn tal-appellanti. U għalkemm, fir-rigward tal-irregolarità tal-proċedura ibbażata fuq id-dewmien eċċessiv tas-sentenza mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kundizzjoni ta’ dannu għall-interessi tal-appellanti ġieli ġiet interpretata bħala li teħtieġ li l-irregolarità msemmija kellha effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, dan kien f’kull każ biss sa fejn l-aggravju ibbażat fuq l-irregolarità msemmija kien invokat in sostenn ta’ talbiet għall-finijiet ta’ annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (82). F’dan il-każ, dan il-aggravju huwa invokat biss għall-finijiet li jinkiseb kumpens xieraq.

87.      Min-naħa l-oħra, it-talbiet intiżi għall-ksib ta’ kumpens xieraq għandhom jiġu evalwati bħala t-talba għar-rimedju tal-ħsara li nħolqot mid-dewmien irraġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, kellha tiġi kkunsidrata bħala talba għal kumpens anke t-talba li l-appellanti fil-kawża Baustahlgewebe għamlu sabiex jiksbu t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, liema talba kienet ibbażata fuq it-tul ta’ żmien irraġonevoli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet sabiex tagħti deċiżjoni (83). U għalkemm “għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u sabiex jiġi ggarantit rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali” (84) [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda laqgħet it-talbiet tal-appellanti u aċċettat li tnaqqas mill-multa l-ammont tar-rimedju, biżżejjed jingħad li f’kull każ, tali loġika ta’ kumpens mhix possibbli f’dan il-każ.

88.      Għalhekk, it-talbiet intiżi għall-ksib ta’ kumpens xieraq għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (85) fil-kuntest fil-kuntest ta’ kawża għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali bbażata fuq l-Artikoli 235 KE u 288 KE li għandha tkun diretta kontra l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet li l-aġir tagħhom ħoloq il-ħsara. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li, ladarba jkun hemm responsabbiltà tal-Komunità minħabba waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, hija tkun irrappreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-istituzzjoni jew mill-istituzzjonijiet fil-konfront ta’ liema l-fatt li ħoloq il-ħsara huwa lmentat” (86) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif osservat sewwa il-Kummissjoni, din il-proċedura għandha bħala appellati l-Kunsill u l-Kummissjoni, filwaqt li d-dewmien eċċessiv tal-proċedura lmentat huwa imputabbli lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tifforma parti mill-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm ratione materiæ kif ukoll ratione personæ, it-talba għal ħlas ta’ kumpens xieraq għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

III – Konklużjoni

89.      Fid-dawl tal-motivi kollha li esponejt, jiena nissuggerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑69/01) u FEDON & Figli et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑135/01) bħala vvizjati minn żball ta’ liġi li jikkonsisti f’interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ħsara anormali u li terġa tibgħat il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u

–        li tiddikjara bħala inammissibbli t-talbiet ta’ Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM), u Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies Inc. (FIAMM Technologies) kif ukoll ta’ Giorgio Fedon & Figli SpA u Fedon America Inc. intiżi sabiex jingħataw kumpens ekwu għad-danni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T‑69/00 (Ġabra p. II‑5393, iktar ’il quddiem is-“sentenza FIAMM”).


3 – T‑135/01 (li mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza FEDON”).


4 – ĠU L 47, p. 1.


5 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Fiamm (punt 108), u Fedon (punt 101).


6 – Skont il-ġurisprudenza Nakajima vs Il-Kunsill (sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069).


7 – Skont il-ġurisprudenza Fediol vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, 70/87, Ġabra p. 1781).


8 – Sentenzi Fiamm (punt 157), u Fedon (punt 150).


9 – Sentenzi Fiamm (punt 159), u Fedon (punt 152).


10 – Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 81), u tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (C‑404/04 P, Ġabra p. I-1, punt 90).


11 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123).


12 – Ara s-sentenzi Fedon (punt 108), u Fiamm (punt 113).


13 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, Ġabra p. 449, punt 5); tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719, punt 7); l-Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991 (Ġabra p. I‑6079, punt 37), u s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 41). Għall-Ftehim WTO, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, International Air Transport Association et (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 36); tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra p. I‑4635, punt 82), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, Ġabra p. I-7001, punt 31).


14 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1989, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (30/88, Ġabra p. 3711, punt 13); tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, Ġabra p. I‑3461, punt 9), u tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell (C‑188/91, Ġabra p. I‑363, punt 17).


15 – Għal tfakkir ta’ din il-kundizzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-16 ta’ Jannar 2008 fil-kawża Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 23).


16 – Ara wkoll reċentement, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33). Fir-rigward tal-Ftehim tal-GATT jew tad-WTO, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52), u s-sentenza International Air Transport Association et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


17 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punti 6 u 7).


18 – Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 47); tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 53); tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 52); tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 39), u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, Ġabra p. I-7723, punt 29); kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2001, Cordis vs Il-Kummissjoni (T‑18/99, Ġabra p. II‑913, punt 50), u tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni (T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 114).


19 – Sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 7); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 et C‑392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 44); sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza iċċitati iktar ’il fuq, Cordis vs Il-Kummissjoni (punt 46) u Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni (punt 114).


20 – Sentenza Dior et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


21 – Sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).


22 – Kif fakkar b’mod partikolari J. Rideau, “Les accords internationaux dans la jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes”, Revue générale du droit international public, 1990, p. 289, b’mod speċjali p. 357.


23 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend & Loos (26/62, Ġabra p. 1).


24 – Sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, Ġabra p. 3641, punt 17).


25 – Ibidem.


26 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz (17/81, Ġabra p. 1331, punt 27); sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kupferberg (punti 22 u 23), Demirel (punt 14), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon, f’din l-istess kawża, li jiġbru flimkien il-ġurisprudenza fuq dan il-punt (punt 18); sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Racke (punt 31), Dior et (punt 42), International Air Transport Association (punt 39); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 48).


27 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punti 103 sa 112).


28 – Ara s-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq; ara wkoll, fir-rigward tal-GATT, is-sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq.


29 – Ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


30 – Ara, pereżempju, is-sentenza Cordis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 sa 60).


31 – Kif xi membri tad-duttrina (ara R. Kovar, “Les accords liant les Communautés européennes et l’ordre juridique communautaire”, RMC 1974, p. 352, b’mod speċjali p. 358‑359) jew tal-Qorti tal-Ġustizzja (R. Joliet, Le droit institutionnel des Communautés européennesLes institutionsLes sourcesLes rapports entre ordres juridiques, Liège, 1983, b’mod speċjali p. 256‑257) kienu fehmu perfettament minn ħafna żmien qabel.


32 – Ara s-sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq.


33 – Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 110).


34 – Fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


35 – Minn fost litteratura abbondanti ħafna, għandhom jiġu indikati b’mod partikolari P. Eeckhout, “The domestic legal status of the WTO Agreement: interconnecting legal systems”, CMLR 1997, p. 11; P. J. Kuijper, u M. Bronckers, “WTO law in the European Court of justice” CMLR 2005, p. 1313; S. Peers, “Fundamental Right or political Whim? WTO Law and the European Court of Justice”, f’G. de Burca/Scott, The EU and WTO, 2001, p. 111.


36 – Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Hermès (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, C‑53/96, Ġabra p. I‑3606, punti 28 sa 37).


37 – Ikun biżżejjed li dan ir-raġunament jiġi pparagunat mal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kupferberg fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali ieħor (iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 22).


38 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Portugall vs Il-Kunsill (punti 46 u 47) u Van Parys (punt 53).


39 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu (C‑335/05, Ġabra p. I-4307, punt 16); u Merck Genéricos Produtos Farmacêuticos, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


40 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hermès (punt 28) u Dior et (punt 47).


41 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.


42 – B’mod partikolari mfakkra mis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).


43 – Il-każ Nakajima. Għal applikazzjoni, ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica, iċċitata iktar ’il fuq (punti 52 sa 56).


44 – Huwa l-każ Fediol.


45 – Ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


46 – Sentenza Fiamm (punt 108), u Fedon (punt 101).


47 – Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li individwu jinvoka l-interpretazzjoni żbaljata tal-karattru vinkolanti, għall-Komunità, ta’ deċiżjoni tad-DSB, ikun ifisser li huwa jallega ksur tal-effett vinkolanti tal-Ftehim WTO, liema ħaġa mhix possibbli ħlief f’każ ta’ effett dirett ta’ dan il-Ftehim (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punti 17 sa 23).


48 – Ara s-sentenza Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).


49 – Ara s-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq.


50 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


51 – Sentenza Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


52 – Għalkemm dawn huma sostnuti mill-konklużjonijiet ta’ xi Avukati Ġenerali (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq).


53 – Ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).


54 – Ara s-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 sa 51). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 164).


55 – Ara s-sentenzi Fiamm (punti 125 sa 129), u Fedon (punti 118 sa 123).


56 – Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 74 sa 88); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 u 57).


57 – Ara s-sentenzi Fiamm (punti 130 sa 135), u Fedon (punti 123 sa 128).


58 – Sentenzi Fiamm (punt 159), u Fedon (punt 152). Għal sommarju ta’ din is-soluzzjoni u ta’ motivi identiċi, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (T‑279/03, Ġabra p. II‑1291, punti 144 sa 147).


59 – Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Roemer ċaħad l-applikazzjoni tal-“prinċipju tal-limitu inferjuri” li jirriżulta mill-għażla li jinżammu biss regoli eżistenti fl-Istati Membri kollha (konklużjonijiet fil-kawża Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1971, 5/71, Ġabra p. 987, b’mod speċjali p. 991). Dan enfasizza li l-importanti huwa li “mhuwiex il-qbil tas-sistemi legali tal-Istati Membri kollha, u lanqas it-tip ta’ analiżi tal-konstatazzjoni ta’ maġġoranza iżda […] l-istudju mirqum tad-dritt ikkumparat” (konklużjonijiet fil-kawża Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 63/72 sa 69/72, sentenza tat-13 ta’ Novembru 1973, Ġabra p. 1253, b’mod speċjali p. 1258). Dan semma wkoll il-possibbiltà li jkun hemm ispirazzjoni mill-“iktar liġi nazzjonali elaborata bir-reqqa (“überlegenst”)” (konklużjonijiet fil-kawża 5/71, iċċitati iktar ’il fuq, ara b’mod speċjali p. 991), “li jiġi stabbilit liema sistema legali kienet tidher li kienet l-aħjar” (konklużjonijiet fil-kawżi 63/72 sa 69/72, iċċitati iktar ’il fuq, b’mod speċjali p. 1258). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni mhix li tinstab l-aħjar soluzzjoni legali iżda li tinstab dik li tidher li hi l-iktar waħda xierqa fil-kuntest u għall-bżonnijiet tas-sistema legali Komunitarja.


60 – Għal illustrazzjoni ta’ dan il-metodu fir-rigward tal-liġi tal-istrajk, li hija intiża sabiex tipparaguna soluzzjoni pprovduta fil-liġijiet nazzjonali għall-ħtiġiet speċifiċi għas-sistema legali Komunitarja, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, C‑438/05, Ġabra p. I-10779, punt 60).


61 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 41 u 42).


62 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1972, Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit u Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni (9/71 u 11/71, Ġabra p. 391, punt 46); tal-31 ta’ Marzu 1977, Compagnie industrielle et agricole du comté de Loheac et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (54/76 sa 60/76, Ġabra p. 645, punt 19); tas-6 ta’ Diċembru 1984, Biovilac vs Il-KEE (59/83, Ġabra p. 4057, punt 29); tal-24 ta’ Ġunju 1986, Développement u Clemessy vs Il-Kummissjoni (267/82, Ġabra p. 1907, punt 33); tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑237/98 P, Ġabra p. I‑4549, punt 18); sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑196/99, Ġabra p. II‑3597, punt 171); tal-20 ta’ Frar 2002, Förde‑Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 56); tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni (T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punt 161); tat-2 ta’ Lulju 2003, Hameico Stuttgart et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑99/98, Ġabra p. II‑2195, punt 60), u tal-10 ta’ Frar 2004, Afrikanische Frucht‑Compagnie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑64/01 u T‑65/01, Ġabra p. II‑521, punti 150 u 151).


63 – Ara infra, punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64 – Biex nuża frażi mislufa minn F. Picod, u L. Coutron, “La responsabilité de la Communauté européenne du fait de son activité administrative”, f’J.-B. Auby u J. Dutheil de la Rochère, Droit administratif européen, Bruylant 2007, p. 171, ara b’mod speċjali p. 204 sa 208.


65 – Ara għal tali intuwizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fil-kawża Biovilac vs Il-KEE, iċċitata iktar ’il fuq, ara b’mod speċjali p. 4091. Wara kollox, din l-idea tinstab, f’mod jew ieħor, fil-maġġorparti tas-sistemi legali (ara M. L. Amaral, Responsabilidade do Estado e dever de indemnizar do legislador, Coimbra Editora, 1998, p. 474 ’il quddiem.).


66 – Sentenzi Fiamm (punt 159), u Fedon (punt 152).


67 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punti 40 sa 48).


68 – Ara s-sentenzi Fiamm (punti 166 sa 170), u Fedon (punti 159 sa 162).


69 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill (64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni (T‑178/98, Ġabra p. II‑3331, punt 118).


70 – Sentenzi Fiamm (punt 183) u Fedon (punt 177).


71 – Sentenzi Fiamm (punt 185) u Fedon (punt 179).


72 – Ara s-sentenza Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit u Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 45 u 46); sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza iċċitati iktar ’il fuq, Förde‑Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (punt 56), u Afrikanische Frucht‑Compagnie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (punt 151).


73 – Ara s-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 53).


74 – Ara s-sentenza Développement u Clemessy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


75 – Sentenza Biovilac vs Il-KEE, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 u 29).


76 – Sentenzi Fiamm (punt 202) u Fedon (punt 191).


77 – Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iċċitata iktar ’il fuq, Afrikanische Frucht‑Compagnie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (punti 150 u 151); ara wkoll, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (punti 147 u 148).


78 – Jekk barra minn hekk ikollha wkoll gravità suffiċjenti.


79 – Ara s-sentenza Förde‑Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 58 sa 60).


80 – Ara s-sentenza Biovilac vs Il-KEE, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 sa 30).


81 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417).


82 – Ara s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49); digriet tat-13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni (C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punt 46).


83 – Ara l-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 46 sa 76).


84 – Sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


85 – Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhux tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tisma’ tali azzjoni, jiena naqbel mal-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali Léger (konklużjonijiet fil-kawża Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 sa 71).


86 – Ara s-sentenza Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 7).