Language of document : ECLI:EU:T:2007:205

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-Appell)

9 ta’ Lulju 2007

Kawża T-415/06 P

Elisabeth De Smedt

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal kuntrattwali – Persuna li qabel kienet aġent awżiljarju – Talba ta’ reviżjoni tal-klassifika stabbilita meta sar ir-reklutaġġ – Appell manifestament infondat”

Suġġett: Appell ippreċentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (It-tieni Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il-Kummissjoni (F-59/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) u li jitlob l-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. E. De Smedt hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, parti intervenjenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej – Applikabbiltà tat-Titolu IV, li jirrigwarda l-membri tal-persunal kuntrattwali, li ma tkunx suġġetta għall-adozzjoni preliminari tad-definizzjoni tad-dmirijiet u tas-setgħat relatati ma kull tip ta’ dmir tad-diversi gruppi ta’ dmirijiet li dawn il-membri tal-persunal għandhom.

(Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal, Artikolu 80(2) u (3), u Titolu IV; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali – Trattament ugwali

3.      Uffiċjali – Regolamenti tal-persunal – Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej – Estensjoni b’analoġija tal-benefiċċju ta’ dispożizzjoni statutorja jew tal-kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal – Esklużjoni

(Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal, Titolu IV; Regolament tal-Kunsill Nru. 723/2004)

1.       L-ebda dispożizzjoni tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal jew tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ma tissuġġetta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal kuntrattwali għall adozzjoni tad-definizzjoni tad-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 80(3) ta’ l-imsemmija Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg. Fil-fatt, kif espliċitament indikat, l-amministrazzjoni tista’ tadotta d-definizzjoni tad-dmirijiet u tas-setgħat imsemmija f’dan l-artikolu biss abbażi tat-tabella li tinsab fl-Artikolu 80(2) u li tinkludi, fost l-oħrajn, id-definizzjoni tad-dmirijiet li l-membri tal-persunal kuntrattwali huma mistennija li jwettqu, u dan peress li din id-definizzjoni hija preċiża biżżejjed sabiex tiġi applikata mingħajr modifiki. Din id-definizzjoni għandha tirrispetta l-limiti ffissati mit-tabella ta’ l-Artikolu 80(2) u, konsegwentement, jista’ jkollha biss gradazzjoni li tkun inferjuri għal dik tat-tabella. Il-fatt li l-amministrazzjoni tkun għadha ma adottatx id-definizzjoni tad-dmirijiet u tas-setgħat ma jistax jaffettwa l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 80(2) ta’ l-imsemmija Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg. Barra minn dan, anki ladarba tiġi deċiża, din id-definizzjoni ma tistax legalment tidderoga mit-tabella billi tipprovdi regoli li jkunu aktar favorevoli, fil-konfront tal-persuna kkonċernata, minn dawk esposti fit-tabella.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li hija att purament intern, id-definizzjoni tad-dmirijiet u tas-setgħat in kwistjoni jista’ jkollha biss l-għan li tiffaċilita, fuq livell amministrattiv, il-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal kuntrattwali billi tispjega, bl-aktar mod dettaljat possibbli, id-diversi dmirijiet li huma mistennija li jwettqu.

(ara l-punti 40 - 42)

2.       Id-differenzi fl-istatus li jeżistu bejn il-membri tal-persunal kuntrattwali, minn-naħa, u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal temporanji, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kkonfutati abbażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Fil-fatt, dawn id-differenzi legali oġġettivi fuq livell tal-garanziji statutorji, tal-klassifikazzjoni, tar-remunerazzjoni u tal-benefiċċji soċjali huma ta’ natura essenzjali u għaldaqstant il-prinċipju tat-trattament ugwali ma jistax jiġi applikat.

Barra minn dan id-differenzi fl-istatus li jeżistu bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba l-fatt li wħud minn dawn il-kategoriji jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġi li mhumiex mogħtija lil oħrajn. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ membri tal-persunal tirrifletti bżonnijiet leġittimi ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja u n-natura tad-dmirijiet li din għandha twettaq.

(ara l-punti 54 u 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il-Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22; Il-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 1988, Sperber vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 37/87, Ġabra p. 1943, punti 8 u 9; Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il-Kummissjoni, C‑389/98 P, Ġabra p. I‑65, punt 54; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑100/92, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑275, punt 55; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 1997, Kuchlenz-Winter vs Il-Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 55; Il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 129

3.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-uniku għan tagħhom huwa dak li jirregolaw ir-relazzjonijiet legali ta’ bejn l-istituzjonijiet u l-uffiċjali billi jistabbilixxu drittijiet u obbligi reċiproċi, jinkludu terminoloġija preċiża li l-estensjoni b’analoġija tagħha għal każijiet li mhumiex espliċitament elenkati hija eskluża. Dan jgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal.

Fir-rigward tat-Titolu IV tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż, fir-rigward tal-kategorija l-ġdida ta’ membri tal-persunal kuntrattwali, li dan fih lakuna, fil-qasam tal-klassifikazzjoni u tar-remunerazzjoni tal-persuni kkonċernati, li tista’ timtela permezz ta’ l-użu tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal uffiċjali jew permezz ta’ l-uzu tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri tal-persunal temporanji. Bil-kontra ta’ dan, bil-ħolqien ta’ din il-kategorija l-ġdida, il-Kunsill eżerċità l-libertà tiegħu li, f’kull mument, jemenda r-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għal membri oħra tal-persunal b’mod li huwa jqis bħala konformi ma’ l-interess tas-servizz u li jadotta, fil-futur, dispożizzjonijiet li jkunu anqas favorevoli fil-konfront tal-membri tal-persunal ikkonċernati.

(ara l-punti 57 u 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1971, Bernardi vs Il-Parlament, 48/70, Ġabra p. 175, punti 11 u 12; Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ġunju 1985, Klein vs Il-Kummissjoni, 123/84, Ġabra p. 1907, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il-Kummissjoni, T‑74/98, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑797, punt 38