Language of document : ECLI:EU:T:2010:17

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

20 ta’ Jannar 2010 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika agrikola komuni – Bidla fl-iskema ta’ għajnuna Komunitarja fil-qasam tal-qoton – Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, introdott bil-punt 20 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 864/2004 – Annullament tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rabta kawżali”

Fil-Kawżi T‑252/07, T‑271/07 u T‑272/07

Sungro, SA, stabbilita f’Cordoue (Spanja),

rikorrenti fil-Kawża T‑252/07,

Eurosemillas, SA, stabbilita f’Cordoue,

rikorrenti fil-Kawża T‑271/07,

Surcotton, SA, stabbilita f’Cordoue,

rikorrenti fil-Kawża T‑272/07,

irrappreżentati minn L. Ortiz Blanco, avukat,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore, A. De Gregorio Merino u A. Westerhof Löfflerova, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Parpala u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, assistiti minn E. Díaz-Bastien Lopez, L. Divar Bilbao u J. Magdalena Anda, avukati,

konvenuti

li għandha bħala suġġett rikorsi għad-danni, skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, intiżi li jiksbu kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti mill-adozzjoni u mill-implementazzjoni, matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, tal-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [għajnuna] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), introdott bil-punt 20 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 864/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ għajnuna diretta skont il-politika komuni tal-agrikoltura u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa, u li jadattah minħabba d-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja fl-Unjoni Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 136), u annullat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285),

Il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika fil-Komunitajiet Ewropej fl-1980, skema ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton kienet ġiet stabbilita mill-Protokoll Nru 4 dwar il-qoton, anness mal-att ta’ adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru (ĠU 1979, L 291, p. 174, iktar ’il quddiem “Protokoll Nru 4”).

2        Din l-iskema ġiet applikata għall-ewwel darba għall-ħsad tal-1981 u, sussegwentament, ġiet estiża meta r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża daħlu fil-Komunitajiet fl-1986.

3        Skont il-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 4, l-imsemmija skema hija intiża, b’mod partikolari, sabiex issostni l-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni tal-Komunità fejn hija importanti għall-ekonomija agrikola, sabiex tippermetti dħul ekwu għall-produtturi kkonċernati u sabiex tistabbilizza s-suq permezz ta’ titjib fl-istrutturi fil-livell tal-provvista u fil-livell tat-tqegħid fis-suq.

4        Il-paragrafu 3 tal-Protokoll Nru 4, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1050/2001, li jaġġusta, għas-sitt darba, is-sistema [l-iskema] tal-għajnuna għall-qotton [qoton] imdaħħal mill-Protokoll 4 anness mal-Att tal-Adezzjoni [Adeżjoni] tal-Greċja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 330), jistabbilixxi illi din l-iskema “tinkludi l-għotja tal-għajnuna għall-produzzjoni”.

5        Il-paragrafu 6 tal-Protokoll Nru 4, kif emendat bir-Regolament Nru 1050/2001, jistabbilixxi li “il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, għandu jiddeċiedi dwar it-tibdil meħtieġ għas-sistema [l-iskema] stabilita skond dan il-Protokoll u għandu jadotta r-regoli ġenerali meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll”.

6        Fuq il-bażi tal-imsemmi paragrafu 6, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill Nru 1051/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 332).

7        Mill-Artikoli 2, 11, u 12 ta’ dan ir-regolament jirriżulta illi, l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton mhux maħluġ tammonta għad-differenza bejn il-prezz gwida tal-imsemmi qoton kif stabbilit mill-imsemmi regolament u l-prezz kummerċjali dinji, u li din l-għajnuna tingħata lill-impriżi tal-ħalġ tal-qoton mhux maħluġ li huma xtraw bi prezz li huwa tal-inqas daqs il-prezz minimu stabbilit mill-istess regolament.

8        Fil-kuntest tar-riforma tal-politika agrikola komuni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [għajnuna] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 136).

9        Il-premessi 24 u 28 tar-Regolament Nru 1782/2003 huma fformulati kif ġej:

“(24) Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata il-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull razzett. Waqt li l-imsemmija separazzjoni ma tbiddilx l-ammont attwali li jitħallas lill-bdiewa, iżżid b’mod sinifikanti l-effikaċja tad-dħul f’forma ta’ għajnuna. Hu għalhekk xieraq li l-pagament uniku lir-razzett ikun suġġett għall-kondizzjoni li jkun hemm ’cross-compliance’ ma’ l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll il-manteniment tar-razzett f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.

[…]

(28)      Biex il-bdiewa jitħallew liberi li jagħżlu x’jipproduċu fuq l-art tagħhom, inkluż prodotti li għadhom jirċievu appoġġ mhux separat, u b’hekk tiżdied l-orjentazzjoni tas-suq, il-pagament uniku m’għandux ikun kondizzjonat mill-produzzjoni ta’ prodott speċifiku. Madankollu, biex ikunu evitati distorzjonijiet tal-kompetizzjoni xi prodotti għandhom jiġu esklużi mill-produzzjoni fuq art eliġibbli”.

10      Il-premessi 1, 2, 5, 6, 7, 22 u 23 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 864/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ għajnuna diretta skond il-politika komuni tal-agrikoltura u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa, u li jadattah minħabba d-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja fl-Unjoni Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 136, iktar ’il quddiem ir-“regolament inkwistjoni”), jistabbilixxi:

“(1) Il-firda ta’ l-għajnuna diretta għall-produttur u l-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament wieħed huma elementi essenzali fil-proċess għar-riforma tal-politika komuni ta’ l-agrikoltura li hija immirata biex titwarrab il-politika ta’ għajnuna fil-prezz u fil-produzzjoni u minflok tiddaħħal il-politika ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa. Ir-Regolament […] Nru 1782/2003 […] introduċa dawn l-elementi għal numru kbir u varjat ta’ prodotti agrikoli.

(2)      Sabiex tilħaq l-għanijiet li jinsabu fil-qalba tar-riforma tal-politika komuni ta’ l-agrikoltura, l-għajnuna għall-qoton, iż-żejt taż-żebbuġa, it-tabakk mhux ipproċessat u l-ħops għandha tkun fil-biċċa l-kbira mifruda u integrata fl-iskema ta’ pagament wieħed.

[...]

(5)      Integrazzjoni sħiħa fl-iskema ta’ pagament wieħed ta’ l-iskema preżenti ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton toħloq riskju kbir ta’ tfixkil għall-produzzjoni f’dawk ir-reġjuni tal-Komunità li jipproduċu l-qoton. Għalhekk parti mill-għajnuna għandha tibqa’ tiġi magħquda mal-kultivazzjoni tal-qoton permezz ta’ pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba għal kull ettaru eliġibbli. L-ammont tagħha għandu jkun ikkalkolat b’tali mod li jiġu assigurati l-kondizzjonijiet ekonomiċi li, f’reġjuni li fihom jitkabbar dak il-prodott tar-raba’, jippermettu biex titkattar l-attività fis-settur tal-qoton u biex jiġi evitat li l-qoton jingħata l-ġenb minħabba prodotti oħra. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa ġustifikat li l-għajnuna kollha disponibbli għal kull ettaru għal kull Stat Membru tkun stabbilita għal 35 % tas-sehem ta’ l-għajnuna nazzjonali li kienet ingħatat b’mod indirett lill-produtturi.

(6)      Il-65 % li jifdal mis-sehem ta’ l-għajnuna nazzjonali li kienet ingħatat b’mod indirett lill-produtturi għandha tkun disponibbli għall-iskema ta’ pagament wieħed.

(7)      Għal raġunijiet ambjentali, għandha tiġi stabbilita żona li sservi bħala bażi f’kull Stat Membru sabiex ikunu limitati ż-żoni li fihom jitkabbar il-qoton. Barra minn hekk, iż-żoni eliġibbli għandhom ikunu restritti għal dawk awtorizzati mill-Istati Membri.

[...]

(22)      Il-firda ta’ l-għajnuna għall-qoton u għat-tabakk mhux ipproċessat tista’ tinħtieġ azzjonijiet li jwasslu għar-ristrutturar. Għajnuna addizzjonali tal-Komunità għar-reġjuni li jipproduċu ta’ l-Istati Membri li jkunu ingħataw l-għajnuna tal-Komunità għall-qoton u għat-tabakk mhux ipproċessat fl-2000, 2001 u 2002 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta’ trasferiment ta’ fondi mill-Intestatura 1(a) għall-Intestatura 1(b) tal-perspettivi finanzjarji. Din l-għajnuna addizzjonali għandha tintuża kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunisll(KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) […]

(23)      Sabiex tkun assigurata l-kontinwazzjoni armonizzata tal-pagament ta’ l-għajnuna fuq id-dħul lill-produtturi fis-setturi tal-qoton, żejt taż-żebbuġ u tabakk, l-għażla għall-posponiment ta’ l-integrazzjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ għajnuna fl-iskema ta’ pagament wieħed m’għandiex tapplika”.

11      Ir-regolament inkwistjoni introduċa, fit-Titolu IV tar-Regolament Nru 1782/2003, il-Kapitolu 10a, “pagament speċifiku għall-prodott tar-raba’ għall-qoton”, li jinkludi l-Artikoli 110a sa 110g (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni”).

12      Skont l-Artikoli 110a sa 110c tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat:

“Artikolu 110a

Prospettiva

Għandha tingħata għajnuna lill-bdiewa li jipproduċu l-qoton, li jagħmlu mal-kodiċi NM 5201 00 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 110b

Eliġibilità

1.      L-għajnuna għandha tingħata għal kull ettaru ta’ żona eliġibbli għall-qoton. Sabiex tkun eliġibbli, iż-żona għandha tkun allokata fuq art agrikola awtorizzazzata mill-Istat Membru għall-produzzjoni tal-qoton, tkun tinħadem taħt varjetajiet awtorizzati u tkun miżmuma mill-inqas taħt kondizzjonijiet normali ta’ tkabbir sal-ftuħ tal-ġewża tal-qoton.

Madankollu, jekk il-qoton ma jilħaqx l-istadju tal-ftuħ tal-ġewża minħabba kondizzjonijiet tat-temp eċċezzjonali li jkunu rikonoxxuti bħala tali mill-Istati Membri, iż-żoni li jingħataw għat-tkabbir tal-qoton biss għandhom jibqgħu eliġibbli għall-għajnuna sakemm iż-żoni taħt konsiderazzjoni sal-perjodu tal-ftuħ tal-ġewża ma jkunux intużaw għal xi skop ieħor ħlief għall-produzzjoni tal-qoton.

2.      L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-art u l-varjetajiet msemmija fil-paragrafu 1 skond ir-regoli dettaljati u l-kondizzjonaijiet li jridu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110c

Żoni li jservu bħala bażi u l-ammonti

1.      Żona li sservi bħala bażi qiegħda hawnhekk tiġi stabbilita għall-:

–        Greċja:          370 000 ha

–        Spanja:          70 000 ha

–        Portugall: 360 ha.

2.      L-ammont ta’ għajnuna għal kull ettaru eliġibbli għandu jkun fil-:

–        Greċja:          EUR 594 għal 300 000 ettaru u EUR 342.85 għas-70 000 ettaru li jibqa’

–        Spanja:          1 039 euros

–        Portugall : 556 euros.

[…]”

13      L-Artikoli 110d u 110e tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat, jirrigwardaw organizzazzjonijiet approvati interdipartimentali li huma magħmula mill-bdiewa li jipproduċu l-qoton u mill-inqas minn wieħed li jfesdaq il-qoton, u “li timmira, b’mod partikolari, għall-provvista adattata u kwalitattiva ta’ qoton mhux imfesdaq għal dak li jfesdaq il-qoton”. Dawn l-organizzazzjonijet interdipartimentali jistgħu jiddifferenzjaw mhux iktar minn nofs l-ammont ta’ għajnuna li l-produtturi membri tagħhom huma intitolati għaliha skont indiċi stabbiliti minnhom li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwalità tal-qoton mhux maħluġ.

14      Barra minn hekk, ir-regolament inkwistjoni introduċa fir-Regolament Nru 1782/2003 it-Titolu IVb, intitolat “Trasferimenti finanzjarji”, li jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 143d, intitolat “Trasferiment finanzjarju għar-ristrutturar fir-reġjuni tal-qoton” u li huwa fformulat kif ġej:

“Mis-sena tal-budget 2007, ammont ta’ EUR (22 miljun), li jkun oriġina mill-medja ta’ l-infieq għall-qoton fis-snin 2000, 2001 u 2002, għandu jkun disponibbli f’kull sena tal-kalendarju bħala għajnuna addizzjonali mill-Komunità għall-miżuri fir-reġjuni li jipproduċu l-qoton taħt il-programm ta’ żvilupp rurali iffinanzjat permezz tat-Taqsima Garantita FAEGG skond ir-Regolament […] Nru 1257/1999”.

15      Fl-aħħar nett, ir-regolament ikkontestat introduċa l-paragrafu 4(a) fl-Artikolu 153 tar-Regolament Nru 1782/2003 u li permezz tiegħu r-Regolament Nru 1051/2001 tħassar; madankollu, ir-Regolament Nru 1051/2001 għandu japplika għas-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2005/2006. Skont l-Artikolu 156(2)(g) tar-Regolament Nru 1782/2003 kif emendat, l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna fil-qasam tal-qoton tapplika mill-1 ta’ Jannar 2006 għall-qoton miżrugħ minn dik id-data.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Permezz tar-rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2004 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja talab, abbażi tal-Artikolu 230 KE, l-annullament tal-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 1782/2003 kif emendat bir-regolament inkwistjoni. Insostenn tar-rikors tiegħu huwa jinvoka erba’ motivi bbażati, rispettivament, fuq, ksur tal-Protokoll Nru 4, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u, fl-aħħar nett, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

17      Permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors. Minkejja li ċaħdet l-ewwel tliet motivi invokati mir-Renju ta’ Spanja, hija laqgħet l-ewwel parti tar-raba’ motiv u annullat id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għaliex il-Kunsill kien kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, sabiex tiġi evitata kull inċertezza legali fir-rigward tal-iskema applikabbli għall-għajnuna fis-settur tal-qoton minħabba dan l-annullament, hija ssospendiet l-effetti tal-imsemmi annullament sakemm jiġi adottat, f’terminu raġonevoli, regolament ġdid.

18      Fid-19 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti Sungro, SA, Eurosemillas, SA, u Surcotton, SA, li huma impriżi tal-ħalġ tal-qoton mhux ipproċessat stabbiliti fi Spanja u li bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna fil-qasam tal-qoton stabbilita mill-Protokoll Nru 4, talbu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jiġu kkumpensati għad-dannu subit minħabba d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li ġie evalwat rispettivament fl-ammonti ta’ EUR 37 188 għal Sungro, EUR 2 661 427 għal Eurosemillas, u EUR 1 734 027 għal Surcotton.

19       Fl-1 ta’ Ġunju 2007, kull wieħed mir-rikorrenti rċieva ittra mingħand il-Kunsill li fiha dan informahom li, wara li eżamina t-talba tagħhom għal kumpens u d-dokumenti mehmuża magħha, huwa qies illi l-kundizzjonijiet li jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu ma kinux ġew sodisfatti.

20      Fid-9 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni wieġbet ukoll b’mod negattiv għat-talba għal kumpens mitluba minn kull wieħed mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza [illum il-Qorti Ġenerali] bejn is-26 ta’ Ġunju 2007 u l-25 ta’ Ottubru 2007, irreġistrati taħt ir-referenzi T‑217/07, T‑218/07, T‑244/07 sa T‑246/07, T‑252/07 sa T‑255/07, T‑258/07 sa T‑260/07, T‑268/07 sa T‑272/07 u T‑394/07, 18-il impriża tal-ħalġ tal-qoton, li fosthom hemm ir-rikorrenti, ippreżentaw rikorsi intiżi sabiex jiksbu kumpens għad-dannu allegatament subit minnhom minħabba l-adozzjoni u l-applikazzjoni, matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, tad-dispożizzjonijet ikkontestati.

22      B’digriet tat-18 ta’ Ottubru 2007, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet, li l-kawżi jiġu maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u l-proċedura orali.

23      Fl-istess ġurnata, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi f’dan l-istadju hija llimitat id-dibattiti għall-prinċipju tal-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u għall-metodoloġija tal-evalwazzjoni tad-dannu.

24      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑218/07, T‑244/07 sa T‑246/07, T‑253/07 sa T‑255/07, T‑258/07 sa T‑260/07, T‑268/07 sa T‑270/07 u T‑394/07 informaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li huma kienu ser jirtiraw ir-rikors tagħhom. B’Digriet ta’ Tħassir parzjali tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Ottubru 2008, dawn il-ħmistax-il kawża tħassru mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet fil-Kawżi T‑252/07, T‑271/07 u T‑272/07 u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ April 2009.

26      Fil-Kawża T‑252/07, Sungro titlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tagħti sentenza li tilqa’ r-rikors għad-danni, ibbażat fuq l-Artikolu 288 KE, u tikkonstata d-dritt tagħha li tiġi kkumpensata finanzjarjament mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, in solidum, għall-ammont ta’ EUR 37 188 għad-dannu kkawżat lilha minħabba l-adozzjoni illegali u l-applikazzjoni fis-settur tal-qotton, matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, tad-dispożizzjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Fil-Kawża T‑271/07, Eurosemillas titlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tagħti sentenza li tilqa’ r-rikors għad-dannu u l-interessi, ibbażat fuq l-Artikolu 288 KE, u tikkonstata d-dritt tagħha li tiġi kkumpensata finanzjarjament mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, in solidum, għall-ammont totali ta’ EUR 37 188 għal dannu kkawżat lilha minħabba l-adozzjoni illegali u l-applikazzjoni fis-settur tal-qotton, matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, tad-dispożizzjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Fil-Kawża T‑272/07, Surcotton titlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tagħti sentenza li tilqa’ r-rikors għad-danni, ibbażat fuq l-Artikolu 288 KE, u tikkonstata d-dritt tagħha li tiġi kkumpensata finanzjarjament mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, in solidum, għall-ammont ta’ EUR 1 734 027 għad-dannu kkawżat lilha minħabba l-adozzjoni illegali u l-applikazzjoni fis-settur tal-qotton, matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiċħad ir-rikorsi fl-intier tagħhom;

–        tikkundanna in solidum ir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiċħad ir-rikorsi fl-intier tagħhom bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31      Wara li nstemgħu l-partijiet matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li kien hemm lok li t-tliet kawżi jiġu maqgħuda għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

32      Kif ikkonfermaw matul is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qed jibbażaw ruħhom, insostenn tar-rikors tagħhom, fuq l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens għal aġir illeċitu mill-korpi tal-Komunità. Fil-fatt, huma ddikjaraw illi ma ridux jinvokaw, fil-kuntest tar-rikors preżenti, ir-responsabbiltà tal-Komunità għal aġir leċitu tal-korpi tagħha.

33      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illeċitu tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat ta’ istituzzjoni Komunitarja, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat, huma kollha sodisfatti f’din il-kawża.

34      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma huma sodisfatti. B’mod partikolari, huma jqisu li r-rikorsi jitilqu minn premessa żbaljata peress illi huma jgħawġu s-sens u l-portata tas-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

35      Il-Qorti Ġenerali tfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illeċitu tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, hija suġġetta għall-fatt li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-illegalità tal-aġir allegat tal-istituzzjonijiet Komunitarji, ir-realtà ta’ dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembur 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833, punt 26, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika illi meta wieħed minnhom ma jiġix sodisfatt, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa mingħajr ma hemm bżonn li l-kundizzjonijiet l-oħra għall-imsemmija responsabbiltà jiġu eżaminati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni C‑122/01 P, Ġabra p. I‑4261, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punti 14 u 63).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat l-ewwel jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet Komunitarji u d-dannu allegat mir-rikorrenti hijiex sodisfatta.

 Dwar ir-rabta kawżali bejn il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jivvizzja r-regolament ikkontestat u d-dannu allegat

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni li ġew annullati bis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, iżda li l-effetti tagħhom inżammu sakemm jiġi adottat regolament ġdid, kienu s-sors tad-dannu li huma allegatament sofrew.

39      Dan id-dannu jikkonsisti, l-ewwel nett u prinċipalment, f’telf ta’ qligħ (lucrum cessans) li jirriżulta minn tnaqqis sinjifikattiv fil-kwantitajiet ta’ qoton imkabbar, prodott u, għaldaqstant, maħluġ matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007 meta mqabbel mal-medja tal-kwantitajiet ta’ qamħ imkabbar, prodott u maħluġ matul t-tliet snin ta’ bejgħ kummerċjali preċedenti (2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006) irregolati bir-Regolament Nru 1051/2001. Fil-fatt, peress illi r-regolament inkwistjoni, li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna separata mill-produzzjoni b’ammont ta’ 65 % fil-forma ta’ għajnuna għal kull ettaru u li tingħata direttament lill-bidwi, u din, indipendentament mill-kwantità ta’ qoton prodott, issostitwixxa l-iskema applikabbli sa dak iż-żmien li kienet ibbażata fuq għajnuna marbuta totalment mal-produzzjoni u mogħtija permezz tal-intermedjarju tal-impriżi tal-ħalġ, dan wassal għal tnaqqis sostanzjali fiż-żona kkultivata, fil-prodottività għal kull ettaru u fil-produzzjoni tal-qoton b’60 %. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru illi fi Spanja, il-produzzjoni tal-qoton u l-attività tal-ħalġ huma attivitajiet ekonomiċi strettament relatati. It-tieni nett, ir-rikorrenti kienu sofrew dannu finanzjarju (damnum emergens) li jikkorrispondi għall-ispejjeż legali u ekonomiċi sostnuti wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

40      Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti redatti minn uffiċċju ta’ esperti f’Marzu 2007 u li huma mehmuża mar-rikorsi tagħhom, jiġifieri r-rapport fuq l-effett tar-riforma fuq l-iskema ta’ għajnuna fil-qasam tal-qoton fuq il-produzzjoni Spanjola (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-2007”) u l-perizja tad-danni li kull wieħed minnhom sofra (iktar ’il quddiem il-“perizja”), jistabbilixxu b’mod konkret mhux biss ir-realtà tad-dannu, imma wkoll ir-rabta kawżali bejn l-applikazzjoni fi Spanja tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dannu li huma sofrew matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007, perijodu li matulu l-imsemmija dispożizzjonijiet ġew applikati. L-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-applikazzjoni tagħhom matul din is-sena ta’ bejgħ kummerċjali fis-settur tal-qoton wassal sabiex ikun hemm tnaqqis konsiderevoli fiż-żona għat-tkabbir tal-qoton mill-bdiewa u fil-produttività għal kull ettaru, u għalhekk, tnaqqis sinjifikattiv fil-produzzjoni u, b’konsegwenza, fil-provvista ta’ qoton għall-industrija tal-ħalġ. Fil-fehma tar-rikorrenti, kieku ma ġewx adottati dawn id-dispożizzjonijiet jew kieku ġew adottati dispożizzjonijiet oħra iktar xierqa fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mill-Protokoll Nru 4 u l-premessa 5 tar-regolament ikkontestat, id-dannu sofrut ma kienx iseħħ jew kien ikun, tal-inqas, ħafna iżgħar.

41      Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li r-rapporti differenti li r-Renju ta’ Spanja għemeż mar-rikors tiegħu fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, urew biċ-ċar il-konsegwenzi negattivi ħafna li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom fuq iż-żamma tal-kultivazzjoni tal-qoton fi Spanja peress illi l-profittabbiltà minnha ma baqgħetx żgurata. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn ir-rapporti jistabbilixxu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari l-perċentwali stabbiliti mill-Kunsill bħala għajnuna separata u għajnuna mhux separata, ma jistgħux jiżguraw il-profittabbiltà mill-produzzjoni fiż-żoni kkonċernati, u jwasslu għall-abbandun ta’ parti sinjifikattiva ta’ żona għat-tkabbir tal-qoton u, għaldaqstant, tal-produzzjoni, kif ukoll għas-sostituzzjoni tagħha b’kultivazzjonijiet oħra, u jikkawżaw b’dan il-mod tnaqqis sinjifikattiv fil-kwantità ta’ qoton li jista’ jiġi ttrasformat mill-industriji tal-ħalġ. Bl-istess mod, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew opponew il-perċentwali ta’ għajnuna stabbilita mil-leġiżlatur Ewropew u kienu enfasizzaw in-natura mhux xierqa tal-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet imsemmija.

42      Ir-rikorrenti jsostnu li l-previżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u n-natura assoluta tar-rabta kawżali bejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni u d-dannu li huma sofrew ġie kkonfermat bil-fatti. F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-2007 juri li t-tnaqqis fil-volum tal-qoton prodott fi Spanja, wara l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, ikkawża dannu sostanzjali għall-industrija tal-ħalġ li l-volum ta’ bejgħ tagħha naqas b’mod sinjifikattiv minħabba nuqqas ta’ materja prima. L-effett ta’ dan it-tnaqqis huwa aggravat iktar bil-fatt illi din l-industrija tista’ tiġi pprovduta b’materja prima, jiġifieri b’qoton mhux ipproċessat, biss permezz ta’ produzzjoni lokali. Barra minn hekk, it-tnaqqis sinjifikattiv fil-bejgħ ma jistax jiġi assoċjat ma’ raġunijiet oħra ġeneralment meqjusa bħala determinanti fil-produzzjoni agrikola.

43      Ir-rikorrenti jippreċiżaw illi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007 kellu effett negattiv mhux biss fuq il-kwantitajiet ta’ qoton li huma jiħilġu, iżda wkoll fuq il-prezz għall-bejgħ għall-fibru tal-qoton. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-volum tal-fibru prodott, b’konsegwenza tal-emenda leġiżlattiva, jista’ jkollu effetti ħżiena fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi tal-ħalġ matul is-snin ta’ bejgħ kummerċjali fil-futur, peress illi d-dħul fis-suq minn kompetituri ġodda minn terzi pajjiżi ġie ffaċilitat.

44      Mir-rapport tal-2007 jirriżulta li l-effetti tal-iskema l-ġdida huma anki agħar għas-sena kummerċjali 2007/2008 peress li huwa possibbli li r-rikorrenti ma jkunux f’pożizzjoni li finanzjarjament jsostnu sena oħra ta’ bejgħ kummerċjali taħt l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton u li jkollhom jagħlqu jew ifallu.

45      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għall-argument tal-istituzzjonijiet konvenuti, ir-rapport tal-2007 u l-perizji ma humiex ibbażati fuq sempliċi preżunzjonijiet, iżda huma mfassla fuq data reali, ikkonfermata minn studju dwar l-impatt magħmul mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-2007 u mnissel mill-istat finanzjarju tal-impriżi tal-ħalġ li juri l-eżistenza ta’ dannu effettiv ikkawżat mill-bidla fil-leġiżlazzjoni. Dan id-dannu ġie evalwat permezz ta’ paragun bejn ir-riżultati reali miksuba taħt iż-żewġ skemi; approċċ li, fil-fehma tal-esperti, huwa korrett. Il-kritiki ġenerali ħafna tal-istituzzjonijiet konvenuti dwar ir-rilevanza u l-konklużjonijiet tal-imsemmija rapporti juru li huma ma eżaminawhomx bir-reqqa.

46      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu illi, essenzjalment, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità mwettqa mill-Kunsill meta adottat ir-regolament inkwistjoni u d-dannu allegat ma hijiex sodisfatta f’din il-kawża. Huma jenfasizzaw b’mod partikolari illi r-rikorrenti qed jillimitaw ruħhom billi jsostnu li t-telf li huma allegatament sofrew kien ir-riżultat tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Issa, l-indikazzjonijiet li huma jipprovdu ma jippermettux illi r-rikorrenti jitqiesu li ssodisfaw l-oneru tal-prova imposta fuqhom. F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet li tnisslu mir-rapport tal-2007 u mill-perizji, li huma bbażati fuq evalwazzjoni tal-volum tal-qoton li kienet tkun prodotta fin-nuqqas tar-riforma tal-iskema ta’ għajnuna introdotta bir-regolament ikkontestat, huma bla rilevanza. Ir-rikorrenti kien messhom ibbażaw ruħhom fuq id-differenza bejn, minn naħa, l-effetti tar-regolament ikkontestat, u minn naħa l-oħra, l-effetti ta’ regolament dwar ir-riforma fl-iskema ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton li ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi, bħal dik li l-Kunsill bi ħsiebu jadotta f’termini xierqa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta illi, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu allegat, id-dannu allegat għandu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ilmentat peress illi dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 55, u tad-19 ta’ Lulju 2007, FG Marine vs Il-Kummissjoni, T-360/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50). Ir-rikorrenti għandha tipproduċi l-provi ta’ din ir-rabta kawżali (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ April 2002, EVO vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑220/96, Ġabra p. II‑2265, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Sabiex jiġi stabbilit id-dannu imputabbli għal azzjoni żbaljata ta’ istituzzjoni Komunitarja, hemm lok li jitqiesu l-effetti tan-nuqqas li jiġġenera r-responsabbiltà u mhux dawk tal-att li fih tali nuqqas, sakemm l-istituzzjoni setgħet jew kellha tadotta att tal-istess effett mingħajr ma tikser id-dispożizzjoni legali. Fi kliem ieħor, l-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li, fin-nuqqas ta’ aġir illegali, l-istituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew tkun adottat att kuntrarju, li wkoll jista’ jikkostitwixxi aġir illegali tagħha, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata lit-terzi kkonċernati minħabba azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li kieku kien igawdi minnha f’każ ta’ aġir rispettuż tad-dispożizzjoni legali min-naħa tal-istituzzjoni.

49      B’hekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir allegat lill-Komunità u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Société des Aciéries du Temple vs Haute Autorité, 36/62, Ġabra p. 583, 603, u Finsider et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 50), hemm lok li jinstab jekk l-illegalità msemmija f’din il-kawża hijiex direttament is-sors tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, sentenza Finsider et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

50      Fir-rigward tal-aġir illegali inkwistjoni f’din il-kawża, kif huma kkonfermaw matul is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti identifikaw il-fatt li jiġġenera d-dannu li allegatament sofrew esklużivament fl-illegalità mwettqa mill-Kunsill meta adotta r-regolament ikkontestat, jiġifieri il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet illi d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu annullati sa fejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità kien ġie miksur.

52      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet kkonstatat li l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma kinitx ippreċeduta minn studju tal-Kummissjoni li jevalwa l-effetti soċjo-ekonomiċi probabbli tar-riforma proposta fis-settur tal-qoton, filwaqt li tali studji kienu ġew imwettqa fil-kuntest tar-riforma tal-iskemi ta’ għajnuna f’ċerti setturi oħra, bħal dak tat-tabakk (punt 103 tas-sentenza). Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar fuq liema bażijiet l-ammont tal-għajnuna speċifika għall-qoton kien ġie stabbilit u, għaldaqstant, jekk, fuq dawn il-bażijiet, il-leġiżlatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jasal għall-konklużjoni li 35 % mit-total tal-għajnuna eżistenti fl-iskema ta’ għajnuna preċedenti huwa ammont suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq li tiġi żgurata l-profittabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta’ din il-kultivazzjoni.

53      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintħalqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (punt 97 tas-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja qiset li l-istituzzjonijiet kellhom, tal-inqas, ikunu jistgħu jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni li fuqha ġew iġġustifikati l-miżuri kkontestati ta’ dan l-att u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (punt 123 tas-sentenza). Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, ċertu nfiq għas-salarji ma kienx ġie kkunsidrat fil-kuntest tal-istudju komparattiv tal-profittabbiltà previdibbli tal-kultivazzjoni tal-qoton taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna, analiżi li kienet serviet bħala bażi għall-iffissar tal-ammont tal-għajnuna speċifika għall-qoton, u, it-tieni nett, l-effetti potenzjali tar-riforma fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi tal-ħalġ ma kinux ġew eżaminati, minkejja li din kienet data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-profittabbiltà tal-kultivazzjoni tal-qoton (ara l-punti 124 sa 132 tas-sentenza).

54      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Kunsill, l-awtur ta’ dan ir-regolament ikkontestat, ma kienx stabbilixxa li l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għall-qoton stabbilita b’dan ir-regolament kienet ġiet adottata permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li implika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fosthom l-infiq għas-salarji kollha relatati mal-kultivazzjoni tal-qoton u mal-vijabbiltà tal-impriżi tal-ħalġ, li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien neċessarju għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni (punt 133 tas-sentenza). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li d-data ppreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji ma tippermettilhiex tivverifika jekk il-leġiżlatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu li huwa għandu fil-qasam, jasal għall-konklużjoni li l-iffissar tal-ammont tal-għajnuna speċifika għall-qoton għal 35 % tat-total tal-għajnuna eżistenti fl-iskema ta’ għajnuna preċedenti huwiex biżżejjed sabiex jiġi ggarantit l-għan stabbilit fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 864/2003, li huwa li tiġi żgurata l-profittabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta’ din il-kultivazzjoni, għan li jirrifletti dak previst fil-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 4 (punt 134 tas-sentenza). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien ġie miksur (punt 135 tas-sentenza).

55      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx il-provi jew l-indizji ta’ natura li juru li kien hemm rabta ta’ kawża u effett bejn l-illegalità mwettqa meta r-regolament ikkontestat ġie adottat u d-diversi kapijiet ta’ danni allegati.

–       Fuq ir-rabta kawżali bejn il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jivvizzja r-regolament ikkontestat u d-dannu li jirriżulta mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-qoton u fit-tnaqqis sussegwenti fid-dħul previst mill-impriżi tal-ħalġ għas-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007.

56      Mill-argument żviluppat mir-rikorrenti, kemm fir-rikors tagħhom u kemm fir-replika tagħhom, kif ukoll fir-rapporti u l-perizja li huma ppreżentaw insostenn tat-talba tagħhom, jirriżulta li l-eżami tagħhom jikkonsisti fil-fatt li juri li teżisti rabta bejn it-tnaqqis fil-volum ta’ bejgħ ta’ qoton osservat matul is-sena ta’ bejgħ kummerċjali 2006/2007 u l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u mhux bejn l-imsemmi tnaqqis u l-illegalità mwettqa mill-Kunsill meta adotta l-imsemmi regolament.

57      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-għan tiegħu, ir-rapport tal-2007 huwa intiż sabiex juri “l-effetti tar-riforma tal-iskema ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton fuq il-produzzjoni Spanjola”. L-iżviluppi esposti f’dan ir-rapport, kif jirriżulta b’mod ċar minn kliem is-sezzjonijiet differenti tiegħu, jiffokaw kemm fuq “l-effetti tar-riforma fuq l-inċentivi li jiġi kkultivat il-qoton”, kif ukoll fuq “il-kwantifikazzjoni tal-effetti tar-riforma fuq il-produzzjoni Spanjola”. Għandu jiġi osservat ukoll li din l-evalwazzjoni tirrigwarda prinċipalment l-effetti globali tal-bidla minn skema ta’ għajnuna esklużivament marbuta mal-produzzjoni tal-qoton għal skema ta’ għajnuna separata sa 65 % tal-imsemmija produzzjoni.

58      Fir-rigward tal-perizji, din hija intiża sabiex tevalwa, fl-ewwel parti tagħha, l-impatt tar-riforma fuq is-settur globali tal-ħalġ, u fit-tieni parti tagħha, l-ammont ta’ dannu sofrut minn kull wieħed mir-rikorrenti b’referenza għat-tliet snin ta’ bejgħ kummerċjali preċedenti, li matulhom kienet tapplika l-iskema preċedenti ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw illi d-dannu subit minnhom ġie kkalkulat fil-perizji “skont id-differenza li teżisti bejn ir-riżultati kkalkolati għas-sena ta’ bejgħ kummerċjali [2006/2007] billi tqis ir-regolament attwali tal-għajnuna għall-qoton (kalkolu fit-tmiem is-sena ta’ bejgħ kummerċjali) u r-riżultat li kien ikollhom l-impriżi abbażi tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti (xenarju alternattiv)”.

59      Għandu jiġi kkonstatat illi dawn il-provi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li d-dannu allegat huwa marbut direttament mal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mwettaq mill-Kunsill meta adotta r-regolament ikkontestat. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ aġir illegali, l-istituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew tkun adottat att kuntrarju, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata lit-terzi kkonċernati minħabba azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li kieku kien igawdi minnha f’każ ta’ aġir rispettuż tad-dispożizzjoni legali min-naħa tal-istituzzjoni.

60      F’din il-kawża, mis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li ma humiex id-dispożizzjonijiet ikkontestati fihom infushom, iżda n-nuqqas li jitqiesu l-provi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari permezz tat-twettiq ta’ studju dwar l-impatt tar-riforma qabel ma huma ġew adottati, li ġie kkritikat mill-perspettiva ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan jirriżulta li kull tnaqqis tad-dħul dovut sempliċiment għar-riforma ma jirrappreżentax rabta kawżali mal-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex din l-illegalità ma tqiegħedx inkwistjoni l-għażla li ssir it-tali riforma. B’hekk, ir-rikorrenti għandhom jipproduċu l-provi sabiex juru li r-rati ta’ għajnuna mhux separata u l-għajnuna separata stabbilita mir-riforma tal-2004, jiġifieri rati ta’ 35 % u 65 % rispettivament, u li huma s-sors ta-dannu allegati minnhom, kienu jkunu differenti li kieku l-istituzzjonijiet Komunitarji eżaminaw id-data rilevanti kollha skont din is-sentenza (l-impatt fuq il-produzzjoni tal-qoton, l-ispejjeż tas-salarji marbuta mal-kultivazzjoni tal-qoton u l-effetti tal-iskema l-ġdida fuq is-settur tal-ħalġ).

61      Issa, ir-rikorrenti ma ppruvawx li, fin-nuqqas tal-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ir-regolament inkwistjoni ma kienx jiġi adottat jew li neċessarjament kien ikollu kontenut differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi r-regolament inkwistjoni u b’mod partikolari l-Kapitolu 10, li huwa jintroduci fir-Regolament Nru 1782/2003, jagħmel parti, kif jirriżulta b’mod ċar mill-motivi tiegħu, fil-kuntest tal-proċess tar-riforma fil-politika agrikola komuni mibdi bir-Regolament Nru 1782/2003 u li l-għan tiegħu huwa li jissostitwixxi l-politika ta’ prezzijiet issussidjati u fil-produzzjoni f’politika ta’ għajnuna diretta fid-dħul tal-bdiewa u li wieħed mill-elementi prinċipali hija s-separazzjoni tal-għajnuna diretta lill-produtturi u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ ħlas wieħed (ara l-premessa 1). Peress li l-bidla għal skema ta’ għajnuna progressivament separata mill-produzzjoni kienet fil-qofol tar-riforma tal-politika agrikola komuni, ir-rikorrenti ma jistgħux, fil-kuntest tar-rikorsi preżenti, jirreferu għall-iskema ta’ għajnuna tal-produzzjoni li teżisti minn qabel l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni.

62      Għandu jiġi enfasizzat ukoll illi, meta dan ir-rikors ġie ppreżentat, il-Kunsill kien għadu ma adottax ir-regolament il-ġdid u li għalhekk, f’dan l-istadju, kien impossibbli li tittieħed deċiżjoni fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riforma ta’ għajnuna fis-settur tal-qoton li kienu sejrin jiġu adottati wara, u skont, is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom jipproduċu provi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit b’ċertezza li r-regolament li għad irid jiġi adottat jistabbilixxi, fid-dawl tal-obbligu li jitqiesu l-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha proprji għas-sitwazzjoni speċifika fis-settur tal-qoton u li tinkludi l-provi kollha meħtieġa għal evalwazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni, skema ta’ għajnuna lill-produtturi tal-qoton li huma differenti minn dawk stabbiliti bir-regolament ikkontestat.

63      Fi kliem ieħor, huma għandhom juru illi, billi tiġi adottata skema ġdida li tosserva mhux biss id-dispożizzjoni legali permezz tat-twettiq ta’ studju dwar l-impatt tar-riforma, iżda wkoll tal-għanijiet li jenfasizzaw ir-riforma tal-politika agrikola komuni, il-Kunsill kellu inevitabbilment jistabbilixxi skema u rata ta’ separazzjoni tal-għajnuna lill-produtturi li hija differenti minn dik prevista mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

64      Issa, mhux biss ir-rikorrenti ma pproduċewx tali provi, iżda mill-istudju dwar l-impatt, imwettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni matul is-sena 2007 skont is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li, fost it-tliet għażliet strateġiċi stabbiliti, jiġifieri “l-għajnuna għall-produzzjoni” (imsejħa “ix-xenarju qabel ir-riforma”), “is-separazzjoni totali” u “s-separazzjoni kważi totali” (imsejħa “x-xenarju 2004”), hija din tal-aħħar li toffri l-aħjar mezzi sabiex l-għanijiet differenti tar-riforma jintlaħqu, peress li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Protokol Nru 4 u ssegwi l-istess triq tar-riforma tal-politika agrikola komuni.

65      Bl-istess spirtu, il-proposta l-ġdida għar-regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2007, tipprovdi li l-istudji magħmula jaslu għall-konklużjoni li l-perċentwali ta’ 35 % ta’ għajnuna mhux separata u ta’ 65 % ta’ għajnuna separata għall-produzzjoni għandhom jinżammu.

66      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat illi r-regolament il-ġdid adottat wara s-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton (ĠU L 178, p. 1), iżomm l-istess perċentwali ta’ għajnuna mhux separata u separata (ara l-premessi 9 u 10).

67      Il-fatt evokat mir-rikorrenti matul is-seduta li r-Regolament Nru 637/2008 jinkludi dispożizzjonijiet li jidhru li huma iktar favorevoli għall-impriżi tal-ħalġ minn dawk previsti mir-regolament ikkontestat ma hijiex ta’ natura li tipprova li teżisti rabta kawżali biżżejjed diretta bejn l-illegalità mwettqa u d-danni allegati, peress li ma ġiex stabbilit li d-dispożizzjonijiet ġodda f’dan ir-regolament, li huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà fis-settur tal-qoton fil-kuntest ġuridiku u kummerċjali ġdid, huma neċessarjament ir-riżultat tal-istudji differenti dwar l-impatt magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni skont is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, la mill-konklużjonijiet stabbiliti minn dawn l-istudji (ara l-punt 5 tas-sommarju tal-istudju tal-impatt, iċċitata iktar ’il fuq) u lanqas mill-motivi tar-Regolament Nru 637/2008 (ara l-premessi 16 sa 24) ma jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ġew introdotti wara li tqisu l-provi u l-fatti kollha rilevanti kif stabbilit mis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

–       Fuq ir-rabta kawżali bejn il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jivvizzja r-regolament ikkontestat u l-ispejjeż legali u ekonomiċi

68      Fir-rigward tad-dannu li jikkonsisti fl-“ispejjeż għas-servizzi legali u ekonomiċi” u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż ta’ donazzjoni bħala tpaċija ta’ dejn u għal kunsinna ta’ assi tanġibbli, għandu jitqies ukoll li r-rikorrenti naqsu milli jindikaw b’liema miżuri dawn l-ispejjeż sostnuti “wara l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni”, jiġifieri li ġew effettivament esposti, jippreżentaw rabta diretta mal-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

69      Fil-fatt, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li l-ispejjeż inkwistjoni kienu fir-realtà l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura preżenti. Issa, dawn l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri tal-verifika ġudizzjarja quddiem il-qorti Komunitarja għandhom jitqiesu bħala koperti permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fuq l-ispejjeż, skont regoli proċedurali speċifiċi applikabbli għal dawn it-tip ta’ spejjeż, fid-deċiżjonijiet li jġibu fi tmiem l-istanza u f’għeluq il-proċeduri speċjali previsti f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-ammont tal-ispejjeż. Dawn il-proċeduri jittrattaw esklużivament talba għall-istess ammonti, jew ta’ ammonti sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ azzjoni li tpoġġi fid-dubju r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, inkluż minn partijiet li, billi tilfu, kellhom ibatu l-ispejjeż.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jistabbilixxu li d-dannu li huma sofrew kien marbut, minħabba relazzjoni bejn il-kawża u l-effett, mal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jivvizzja r-regolament ikkontestat.

71      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità humiex sodisfatti f’din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk, in solidum, sostnuti mill-Kunsill u l-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Il-Kawżi T-252/07, T-271/07 u T-272/07 huma maqgħuda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Sungro, SA, Eurosemillas, SA, u Surcotton, SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll, in solidum, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Jannar 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.