Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-16 ta’ Frar 2024 – Coillte Cuideachta Ghníomhaíochta Ainmnithe vs Commissioner for Environmental Information

(Kawża C-129/24, Coillte Cuideachta Ghníomhaíochta Ainmnithe)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Coillte Cuideachta Ghníomhaíochta Ainmnithe

Konvenut: Commissioner for Environmental Information

Domandi preliminari

Il-kelma “talba” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE 1 , moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 2 tirreferi biss għal talba li hija valida b’referenza għad-direttiva u b’referenza għad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-direttiva ta’ dan l-Istat Membru kkonċernat?

Il-kelma “applikant” fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl inter alia tal-Artikolu 4(1)(b) u/jew tal-Artikolu 6(1) u/jew (2) u/jew tal-Artikoli 2(5) u 4(1) u 3(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 tfisser persuna fiżika jew ġuridika identifikata bl-isem propju tagħha u/jew b’indirizz postali attwali, għall-kuntrarju ta’ persuna anonima jew persuna psewdonima u/jew persuna li tressaq talba, li d-dettalji personali tagħha huma identifikati biss permezz ta’ indirizz tal-posta elettronika?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija Le, l-Artikolu 3(1) u/jew (5)(ċ) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 għandhom l-effett li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li persuna li tressaq talba tipprovdi l-isem reali tagħha u/jew l-indirizz postali attwali tagħha sabiex tagħmel talba?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija Le, u r-risposta għat-tielet domanda, b’mod ġenerali, hija Iva, id-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 għandha l-effett li, fejn awtorità pubblika tifforma l-fehma raġonevoli li hemm prima facie mistoqsija dwar l-awtentiċità tal-informazzjoni li tikkonċerna l-identità tagħha kif pprovduta mill-persuna li tagħmel it-talba, l-awtorità pubblika tkun prekluża milli tfittex konferma tal-isem reali tal-persuna li tagħmel it-talba u/jew tal-indirizz postali attwali tagħha, għall-iskop ta’ verifika tal-identità tal-persuna li tagħmel it-talba, u mhux għall-iskop li jiġi determinat l-interess tal-persuna li tagħmel it-talba, anki jekk l-għoti tal-isem reali u/jew tal-indirizz postali attwali tal-persuna li tagħmel it-talba jista’ indirettament joħloq il-potenzjal ta’ inferenza jew spekulazzjoni minn naħa tal-awtorità pubblika jew mod ieħor dwar l-interess, jekk ikun hemm, tal-persuna li tagħmel it-talba li ssir referenza għalija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija Le, u r-risposta għat-tielet domanda hija, b’mod ġenerali, Iva, l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(3)(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 għandu l-effett li l-awtorità pubblika tkun prekluża milli tfittex konferma tal-isem reali tal-persuna li tagħmel it-talba u/jew tal-indirizz postali attwali tagħha, għall-iskopijiet li jiġi ddeterminat jekk talba speċifika hijiex manifestament irraġonevoli b’referenza għall-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmula mill-istess persuna li tagħmel it-talba, u mhux għall-iskop li jiġi ddeterminat l-interess tal-persuna li tagħmel it-talba, anke jekk l-għoti ta’ isem reali u/jew ta’ indirizz postali attwali tal-persuna li tagħmel it-talba jista’ indirettament joħloq il-potenzjal ta’ inferenza jew spekulazzjoni minn naħa tal-awtorità pubblika jew mod ieħor dwar l-interess, jekk ikun hemm, tal-persuna li tagħmel it-talba li ssir referenza għalija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

1 ĠU 2006, L 164M, p. 17.