Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2011 - Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill
(Kawża T-643/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd (Suzhou, iċ-Ċina) u Crown Gabelstapler GmbH & Co. KG (Roding, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Neuhaus, H. Freund u B. Ecker, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011
2, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti;
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn il-konvenut espliċitament injora partijiet mis-sottomissjonijiet tar-rikorrenti.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 11(2), 3(2), (6) u (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 sa fejn il-konvenut ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu ta' dannu u ta' kawżalità fuq diversi żbalji ta' fatt. Il-konvenut ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq fatti li jmorru kontra dawk stabbiliti fir-regolament ikkontestat:
L-ewwel nett, fir-rigward tal-iżvilupp relattiv tal-produzzjoni tal-indikaturi ta' dannu u tal-volum tal-bejgħ kontra l-konsum tal-Unjoni;
It-tieni nett, fir-rigward tal-iżvilupp tal-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni; u
It-tielet nett, fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 11(2), 3(2), (6) u (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 jew tal-Artikolu 296(2) TFEU sa fejn il-konvenut ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu ta' dannu u ta' kawżalità fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni jew sa fejn naqas milli jippovdi raġunijiet suffiċjenti. Il-konvenut wettaq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni:
L-ewwel nett, meta evalwa l-indikaturi tad-dannu fl-astratt minflok fir-rigward tal-iżvilupp tad-domanda; u
It-tieni nett, meta impliċitament ibbaża fuq l-azzjonijiet tas-suq bħala l-indikatur essenzjali ta' rabta kawżali minkejja l-fatt li l-azzjonijiet tas-suq ma juru l-ebda xejra ċara u li żviluppaw kuntrarjament għall-fatturi l-oħra ta' dannu li l-Kunsill irrefera għalihom bħala importanti.
Fi kwalunkwe każ, il-konvenut wettaq żball proċedurali billi r-regolament ikkontestat ma fihx spjegazzjonijiet dwar l-impatt ovvju tat-tnaqqis fid-domanda minħabba fid-dannu allegatament subit mill-industrija tal-Unjoni.
____________1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, tal-10 ta' Ottubru 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 268, p. 1).2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).