Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-23 ta’ Novembru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija) – EVN Business Service GmbH, Elektra EOOD, Penon EOOD

(Kawża C-480/22, EVN Business Service et1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 57(3) – Entità kontraenti li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede ta’ korp ċentrali ta’ xiri li jaġixxi f’ismu u għan-nom tiegħu – Aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni – Regoli proċedurali applikabbli u ġurisdizzjoni tal-korpi ta’ reviżjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EVN Business Service GmbH, Elektra EOOD, Penon EOOD

Dispożittiv

L-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

attività ta’ xiri ċċentralizzata, fil-kuntest tal-għoti konġunt ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti ta’ diversi Stati Membri, issir minn korp ċentrali ta’ xiri “li jinsab fi Stat Membru ieħor” meta l-entità kontraenti jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri, indipendentement, jekk ikun il-każ, mill-post tas-sede ta’ entità terza li għandha l-kontroll ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-entitajiet.

L-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, moqri fid-dawl tal-premessi 78 u 82 ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati ta’ korp ċentrali ta’ xiri għandhom jiġu pprovduti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab dan il-korp ċentrali ta’ xiri, testendi għall-proċeduri ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, relatati ma’ dawn l-attivitajiet, sa fejn l-imsemmi korp ċentrali ta’ xiri huwa responsabbli għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

____________

1     ĠU C 368, 26.09.2022.