Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2019 – Sarantos et vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni

(Kawża T-547/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Archimandrite Sarantis Sarantos (Marousi, il-Greċja) u sitt rikorrenti oħra (rappreżentant: C. Papasotiriou, lawyer)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 (Referenzi 2018/0104/COD, Lex 1939/PE-CONS 70/19) dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu 1 ;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat imur kontra d-dinjità umana, l-ħajja privata u l-libertà personali, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali u l-kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ tali data.

It-tieni motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat imur kontra l-kuxjenza reliġjuża tar-rikorrenti, bi ksur, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv ibbażat fuq li billi jrendi obbligatorja l-identità elettronika mingħajr il-kunsens minn qabel taċ-ċittadini, ir-regolament ikkontestat jikser id-dritt tar-rikorrenti li joġġezzjonaw abbażi tal-imsemmija bażi ta’ kuxjenza reliġjuża, bi ksur tal-Artikolu 10(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li billi jmur kontra l-kuxjenza reliġjuża tar-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat fl-istess ħin jaffettwa wkoll b’mod ħażin id-dinjità umana tagħhom peress li l-kuxjenza reliġjuża hija espressjoni fundamentali tagħha, bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU 2019, L 188, p. 67).