Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2020 – Banco Cooperativo Español vs SRB

(Kawża T-499/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Banco Cooperativo Español, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: D. Sarmiento Ramírez-Escudero, J. Beltrán de Lubiano Sáez de Urabain u P. Biscari García, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, minħabba ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/79 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament 806/2014, interpretati fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

fi kwalunkwe każ, tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tagħti lok għal effetti retroattivi mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2016 u, għalhekk, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jagħti lok għal tali effetti;

fi kwalunkwe każ, tordna lil SRB jikkumpensa lill-Banco Cooperativo Español:

l-ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fir-rigward tas-somma mħallsa fl-2016 għall-perijodu bejn it-23 ta’ Ġunju 2016 u d-data ta’ ħlas minn SRB tas-somom dovuti, ikkalkolati abbażi tar-rata ta’ rifinanzjament applikabbli tal-BĊE (attwalment 0%), miżjuda bi 3.5 punti perċentwali;

sussidjarjament, fil-każ biss fejn il-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija sostantivament konformi mad-dritt iżda ma tipproduċix effetti retroattivi, l-ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fir-rigward tas-somma mħallsa fl-2016 għall-perijodu bejn it-23 ta’ Ġunju 2016 u d-19 ta’ Marzu 2020, data li fiha d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi l-effetti tagħha, ikkalkolati abbażi tar-rata ta’ rifinanzjament applikabbli tal-Bank Ċentrali Ewropew (attwalment 0%), miżjuda bi 3.5 punti perċentwali;

iktar sussidjarjament, l-ammont li jikkorrispondi għall-qligħ li kienet tikseb ir-rikorrenti li kieku akkwistat, waqt l-irkant tas-16 ta’ Ġunju 2016, bonds tal-Istat Spanjol għal 10 snin ta’ valur ekwivalenti għall-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016, ikkalkolat mit-23 ta’ Ġunju 2016 sad-data ta’ ħlas minn SRB tas-somom dovuti (jew, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija sostantivament konformi mad-dritt iżda ma tipproduċix effetti retroattivi, sad-19 ta’ Marzu 2020).

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tad-19 ta’ Marzu 2020 dwar il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2020/16) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Ir-rikorrenti tqis li SRB ried jattribwixxi effetti retroattivi lid-deċiżjoni kkontestata, billi jistabbilixxi d-data tal-effetti tagħha għall-15 ta’ April 2016, data li fiha ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante li jikkorrispondu għas-sena 2016.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (ĠU 2005, L 11, p. 44).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-artikolu inkwistjoni tar-Regolament ta’ Delega:

Jikser l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 sa fejn jistabbilixxi sistema ta’ kalkolu li timponi fuq entità li għandha profil ta’ riskju konservattiv kontribuzzjoni ex ante li tikkorrispondi għal entità li għandha profil ta’ riskju għoli ħafna.

Jikser l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn jirrestrinġi b’mod inġustifikat id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti.

Jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontabbiltà doppja li tirriżulta minn ċerti elementi tal-passiv tar-rikorrenti, u li jwassal b’hekk għal restrizzjoni mhux neċessarja u sproporzjonata manifestament inġustifikata.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament 806/2014, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-motivi li jiġġustifikaw l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 juru b’mod ċar in-neċessità li l-profil ta’ riskju tar-rikorrenti jiġi aġġustat għall-ispeċifiċità operazzjonali tan-network kooperattiv li hija tmexxi, kif meħtieġ mill-artikoli ċċitati iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-kontenut tagħha jirrifletti l-applikazzjoni stretta u letterali ta’ prinċipju li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-profil ta’ riskju tar-rikorrenti, tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u, b’mod partikolari, ir-Regolament 806/2014, li l-Artikolu 70 tiegħu, dwar kontribuzzjonijiet ex ante, jirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u għal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħha.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li jippermetti li jiġu attribwiti effetti retroattivi għal deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-ġurisprudenza sa fejn

L-għanijiet allegati minn SRB li jiġġustifikaw l-applikazzjoni retroattiva tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex għanijiet ta’ interessi ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ġenerali tan-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-atti tal-Unjoni,

Fi kwalunkwe każ, ir-retroattività la hija essenzjali u lanqas neċessarja sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet sa fejn jeżistru alternattivi inqas vinkolanti għall-partijiet li jippermettu t-twettiq tagħhom; u

L-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ġew miskura peress li l-aġir ta’ SRB imur kontra l-effetti stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-323/16.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ SRB skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE u 87(3) tar-Regolament 806/2014 minħabba arrikkiment indebitu.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li SRB huwa marbut jikkumpensa lil Banco Cooperativo Español abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba arrikkiment indebitu, għall-interessi li ddekorrew bejn il-mument tal-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 – ħlas li, mill-annullament tad-deċiżjoni tal-2016 fil-Kawża T-323/16, ma huwa bbażat fuq ebda deċiżjoni ta’ SRB – u l-mument ta’ ħlas definittiv jew, sussidjarjament, id-data tad-deċiżjoni kkontestata.

____________