Language of document : ECLI:EU:T:2015:215

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

21 ta’ April 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ skakkiera kannella u beige – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(1)(b) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑359/12,

Louis Vuitton Malletier, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn P. Roncaglia, G. Lazzeretti u N. Parrotta, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Nanu-Nana Handelsgesellschaft mbH für Geschenkartikel & Co. KG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Boddien u A. Nordemann, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-4 ta’ Mejju 2012 (Każ R 1855/2011‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Nanu-Nana Handelsgesellschaft mbH für Geschenkartikel & Co. KG u Louis Vuitton Malletier,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2013,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2013,

wara li rat id-digriet tal-14 ta’ Frar 2014 li jgħaqqad il-Kawżi T‑359/12 u T‑360/12 għall-finijiet tal-proċedura orali,

wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2014,

wara li rat id-digriet ta’ sospensjoni tal-proċedura tal-5 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-18 ta’ Settembru 1996, ir-rikorrenti, Louis Vuitton Malletier, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 18 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra b’mod partikolari kaxex tal‑ġilda jew kartun‑ġilda, enveloppi tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda; kaxxi, bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar għall-ħwejjeġ; bagolli, bagalji, kaxxetti għal oġġetti tal‑indafa personali msejħa ‘vanity cases’, barżakki, basktijiet tal-idejn, basktijiet għall-baħar, basktijiet għax-xiri, basktijiet ta’ fuq l-ispalla, valiġetti, kaxxetti għad-dokumenti, xugamani, kartieri, pokits, oġġetti tal-ġilda b’mod partikolari portafolli, portmoni mhux tal-metall prezzjuż, boroż, kaxex għaċ-ċwievet, kaxxa għall-kards, pokit għaċ-ċekkijiet; umbrelel u parasoli; bsaten u bsaten siġġu”.

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 19/1998, tas-16 ta’ Marzu 1998.

5        Fis-27 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrenti kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva msemmija iktar ’il fuq taħt in-numru 370445.

6        Fit-28 ta’ Settembru 2009, l-intervenjenti, Nanu-Nana Handelsgesellschaft mbH für Geschenkartikel &Co. KG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna l-prodotti kollha protetti permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, skont l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(b) sa (d), (e)(iii) u (f) tar-Regolament Nru 207/2009. Din it-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva u nieqsa minn natura distintiva, li hija kienet saret użanza fil-lingwa tal-mument jew fl-abitudnijiet leali u stabbiliti tal-kummerċ, li kienet tikkonsisti esklużivament fil-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti u li kienet tmur kontra l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità. Barra minn hekk, l-intervenjenti tallega li r-rikorrenti kienet aġixxiet in mala fide meta ressqet applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament, u l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 52(2) ta’ dan l-istess regolament, laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, l-ewwel nett, ikkonstatat li t-trade mark Komunitarja kienet tikkonsisti f’disinn ta’ skakkiera bi struttura ta’ medd u tgħama intiża sabiex tiġi applikata fil-wiċċ tal-prodotti kkonċernati. Sussegwentement, hija kkunsidrat li dan id-disinn kien wieħed mid-disinni l-iktar elementari użati bħala element ta’ dekorazzjoni, b’mod li l-pubbliku kkonċernat kien jarah sempliċement bħala dekorazzjoni u mhux bħala sinjal li jindika l-oriġni tal-prodotti kkonċernati u li, fi kwalunkwe każ, it-trade mark ikkontestata ma kinitx tiddistakka ruħha biżżejjed min-normi jew l-abitudnijiet tas-settur. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mill-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja ma jipprovawx li, fid-data tar-reġistrazzjoni jew wara r-reġistrazzjoni, it-trade mark Komunitarja kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnha ġewwa tal-inqas parti sostanzjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri id-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja.

8        Fit-9 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u għalhekk ċaħad l-appell.

10      Il-Bord tal-Appell irreleva, essenzjalment, qabel xejn, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ta’ skakkiera, kif irrappreżentat fit-trade mark ikkontestata, kien figura bażika u komuni komposta minn elementi sempliċi ħafna u li huwa magħruf li dan id-disinn huwa użat ħafna b’għan ta’ dekorazzjoni f’dak li jikkonċerna ħafna prodotti, fosthom dawk li jaqgħu taħt il-klassi 18. Il-Bord tal-Appell imbagħad ikkunsidra, fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata, fl-assenza ta’ elementi ta’ natura li jindividwalizzawha fil-konfront ta’ rappreżentazzjonijiet oħra ta’ skakkiera, ma kinitx tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ identifikazzjoni jew ta’ oriġni tat-trade mark. Barra minn hekk, fil-punti 43 u 47 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-istruttura ta’ medd u tgħama tat-trade mark ikkontestata ma tikkostitwixxix karatteristika sostanzjali tal-imsemmija trade mark u ma tagħtihiex karattru distintiv. Barra minn hekk, skont il-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, l-fatt li din l-istess struttura ta’ medd u tgħama kienet ġiet ikkopjata ma weriex li hija kienet taġixxi bħala indikazzjoni tal-oriġni kummerċjali għall-pubbliku relevanti. L-istess japplika, skont il-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kombinazzjoni speċifika tal-kuluri, jiġifieri l-kannella u l-beige. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkunsidra, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata kienet sempliċi ħafna u ma kienet tinkludi l-ebda element li jista’ jindividwalizzaha sabiex ma tidhirx bħala disinn ta’ skakkiera komuni u elementari. Hija żiedet, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li disinni bħat-trade mark ikkontestata kienu ġeneralment użati bħala disinni supplementari li kienu jeżistu ma’ ġenb it-trade mark tal-maison tal-produttur, b’mod li hija kkonkludiet, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm karattru distintiv tal-imsemmija trade mark. Il-Bord tal-Appell, qies ukoll, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti prodotti mill-proprjetarja tat-trade mark ikkontestata ma jurux li l-pubbliku relevanti kellu l-abitudni li jagħmel suppożizzjonijiet dwar l-oriġni kummerċjali tal-prodotti kkonċernati abbażi tad-disinni. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 73 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li, abbażi tal-provi pprovduti mir-rikorrenti, ma kienx ġie stabbilit li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnha fuq parti sostanzjali mit-territorju relevanti, jiġifieri d-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja, u dan la fid-data tal-applikazzjoni u lanqas wara r-reġistrazzjoni tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Matul is-seduta, l-intervenjenti, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, espressament irrinunzjat għall-argumenti supplementari li hija kienet diġà invokat fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha inizzjali u li kienet tenniet fir-risposta tagħha, li kienu bbażati fuq il-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet ukoll inkisbet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d), (e)(iii) u (f) tar-Regolament Nru 207/2009, u dan tniżżel fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni, tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009

15      Għandu jiġi rrelevat li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti, essenzjalment takkuża lill-Bord tal-Appell li ma waqafx wara li evalwa jekk it-trade mark ikkontestata kellhiex karattru distintiv minimu, iżda kompla sabiex iddetermina jekk l-imsemmija trade mark kellhiex karatterstiċi oħra li jistgħu jattiraw l-attenzjoni tal-konsumatur relevanti, u b’hekk eżiġa li din it-trade mark tkun laħqet livell ta’ karattru distintiv iktar għoli. Barra minn hekk, hija takkuża lill-Bord tal-Appell li ppreżenta b’mod ineżatt it-trade mark ikkontestata daqs li kieku kienet inkwistjoni talba ġenerali ta’ disinn ta’ skakkiera. Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni żbaljata, minn naħa, tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 18 u, min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni tal-pubbliku inkwistjoni. Permezz tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

 Fuq il-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark ikkontestata

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata fuq talba mressqa quddiem l-UASI, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament.

17      Skont il-ġurisprudenza, raġuni assoluta għal rifjut għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li hija bbażata fuqu. Fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) jikkoinċidi, evidentement, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P, Ġabra EU:C:2008:261, punti 55 u 56, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

18      Il‑karattru distintiv ta’ trade mark, fis‑sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it‑trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk li dan il-prodott jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra EU:C:2004:258, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Dan il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, għandu tagħhom (sentenzi Henkel vs UASI, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2004:258, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra, EU:C:2006:422, punt 25). Il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju, mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2007, Bang & Olufsen vs UASI (Forma ta’ lawdspiker), T‑460/05, Ġabra, EU:T:2007:304, punt 32].

20      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks [ara s-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Fraas vs UASI (Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar), T‑50/11, EU:T:2012:442, punt 40].

21      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta (ara s-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 40].

22      Fil-fatt, il-konsumatur medju, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandux l-abitudni li jassumi l-oriġini tal-prodotti billi jibbaża ruħhu fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 40].

23      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, iktar ma l-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun relatata mal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma ma jkollhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mid-drawwiet tas-settur u, għaldaqstant, hija kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-oriġini tagħha, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenzi Henkel vs UASI, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2004:258, punt 39, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 31; ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ April 2010, Schunk vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ parti b’forma ċilindrika ta’ ċokk ta’ torn), T‑7/09, EU:T:2010:153, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

24      Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess, hija valida wkoll meta t-trade mark ikkontestata tkun waħda figurattiva magħmula mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-imsemmi prodott. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-trade mark lanqas ma tkun tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 29; digriet tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C‑546/10 P, EU:C:2011:574, punt 59; sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn), T‑152/07, EU:T:2009:324, punt 70, u Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 42].

25      L-istess japplika fil-każ ta’ trade mark figurattiva magħmula minn parti mill-forma tal-prodott li hija tirrappreżenta, sa fejn il-pubbliku relevanti jipperċepiha immedjatament u mingħajr riflessjoni partikolari bħala rappreżentazzjoni ta’ dettall partikolarment interessanti jew attraenti tal-prodott inkwistjoni, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal-oriġni kummerċjali tiegħu (sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 43).

26      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti kontra l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrelevat li, f’dan il-każ, il-partijiet ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti li tirrappreżenta t-trade mark ikkontestata huma ta’ konsum kurrenti, b’mod li l-pubbliku relevanti huwa magħmul mill-konsumatur medju tal-Unjoni, li huwa mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, kif jirreleva, ġustament, il-Bord tal-Appell, mid-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma jirriżultax li dawn huma prodotti ta’ lussu jew prodotti tant sofistikati jew tant għoljin li l-pubbliku relevanti jkun suxxettibbli li jkun partikolarment attent fir-rigward tagħhom.

28      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, it-trade mark ikkontestata hija ppreżentata taħt forma ta’ disinn intiż jew sabiex jitqiegħed fuq parti mill-imsemmija prodotti, jew sabiex ikopri t-totalità tal-wiċċ tal-prodotti, li r-rikorrenti espressament ammettiet matul is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali.

29      B’hekk, fir-rigward tal-prodotti msemmija, jiġifieri prodotti tal-ġilda, imitazzjoni tal-ġilda, diversi basktijiet jew portafolli kif ukoll umbrellel u parasol li jistgħu jkunu jinkludu elementi ta’ drapp, id-disinn inkwistjoni jista’ jkopri wiċċ iktar jew inqas wiesa’, li jikkorrispondi, konsegwentement, għall-aspett esterjuri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 50).

30      Minn dan isegwi li kellu raġun il-Bord tal-Appell jikkunsidra, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element determinanti tat-trade mark ikkontestata kien il-fatt li kienet tikkoinċidi mal-aspett tal-prodott ikkonċernat.

31      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li tallega li l-Bord tal-Appell, żbaljatament, eżiġa li hija turi li t-trade mark ikkontestata kienet laħqet livell ta’ karattru distintiv iktar għoli, għall-kuntrarju, kellu raġun il-Bord tal-Appell jibbaża ruħu, sabiex jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, fuq il-prinċipji applikabbli għat-trade marks tridimensjonali. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 24 u 25 iktar ’il fuq jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza żviluppata dwar trade marks tridimensjonali, iċċitata fil-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq, ukoll għat-trade marks figurattivi magħmula mill-forma tal-prodott ikkonċernat jew il-forma ta’ parti tal-prodott ikkonċernat, peress li tali trade marks lanqas ma huma indipendenti mill-aspett tal-prodott li jirrappreżentaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 53).

32      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li teżisti prattika skont liema tali trade marks figurattivi huma użati fil-kummerċ ta’ prodotti kkonċernati mit-trade mark ikkontestata għall-identifikazzjoni kummerċjali, b’mod li l-pubbliku jidhra jipperċepixxi bħala trade marks ta’ sinjali differenti trade marks verbali, u b’mod partikolari disinni li jkopru l-wiċċ kollu ta’ diversi tipi ta’ oġġetti tal-ġilda. Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li huwa biżżejjed li t-trade mark inkwistjoni jkollha livell minimu ta’ karattru distintiv sabiex tikkonserva r-reġistrazzjoni mogħtija.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet, fid-digriet Wilfer vs UASI punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2011:574, punt 55), it-teżi li l-prodotti, li għalihom il-konsumatur ikun dara li forom ta’ ċerti elementi tal-prodott kollu jservu sabiex jindikaw l-oriġni tiegħu, huma esklużi mill-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat, għall-kuntrarju, li minn din il-ġurisprudenza kien jirriżulta li, jekk l-apparenza tal-prodotti f’settur partikolari, jew dik ta’ element ta’ dawn il-prodotti, kienet isservi sabiex jiġi indikat il-produttur tagħhom, kien biss għaliex l-apparenza ta’ numru suffiċjenti ta’ dawn il-prodotti jew ta’ elementi ta’ dawn il-prodotti kienu jvarjaw b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-abitudnijiet fl-imsemmi settur (digriet Wilfer vs UASI, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:2011:574, punt 56, u s-sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 58).

34      Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti li l-konsumatur huwa abitwat jirrikonoxxi disinn bħala indikazzjoni tal-oriġni kummerċjali tal-prodotti huwa irrelevanti, peress li l-fatt li tali sinjali huma rrikonoxxuti bħala trade mark mill-konsumaturi ma jfissirx neċessarjament li għandhom karattru distintiv intrinsiku. Fil-fatt, huwa possibbli għal trade mark li tikseb karattru distintiv permezz tal-użu tagħha fiż-żmien [sentenza tat-28 ta’ Settembru 2010, Rosenruist vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ but b’żewġ kurvi fuqu), T‑388/09, EU:T:2010:410, punt 33].

35      Fir-raba’ lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-disinn ikkontestat huwiex differenti b’mod sinjifikattiv, min-norma jew l-abitudnijiet tas-settur u, għalhekk, jippermettix lill-konsumatur jidentifika d-disinn korrispondenti għall-forma ta’ preżentazzjoni kkontestata li toriġina minn impriża partikolari u għalhekk li jiddistingwih mid-disinni li jkunu joriġinaw minn impriżi oħra.

36      F’dan il-każ, it-trade mark ikkontestata tikkonsisti, kif irreleva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, f’disinn regolari ta’ kaxxi li jalternaw żewġ kuluri, jiġifieri l-kannella u l-beige, li jikkopja l-kompożizzjoni ta’ skakkiera. Struttura ta’ medd u tgħama, li tikkostitwixxi, kif tirreleva r-rikorrenti, disinn fid-disinn, jinsab ukoll ġewwa l-kaxxi bħal metodu ta’ tinsiġ apparenti ta’ żewġ ħajtiet imrikkba fuq xulxin.

37      Minn naħa, id-disinn ta’ skakkiera huwa disinn figurattiv bażiku u komuni, peress li huwa magħmul minn sensiela regolari ta’ kaxxi tal-istess daqs li jiddifferenzjaw rwieħhom permezz ta’ alternanza ta’ kuluri differenti, f’dan il-każ il-kannella u l-beige. Dan id-disinn b’hekk ma jinkludi l-ebda varjazzjoni partikolari meta mqabbel mar-rappreżentazzjoni konvenzjonali ta’ skakkiera u jikkoinċidi mal-mudell tradizzjonali ta’ tali disinn. Anki meta applikat għal prodotti bħal dawk fil-klassi 18, id-disinn inkwistjoni ma huwiex differenti min-norma jew l-abitudnijiet tas-settur sa fejn tali prodotti huma ġeneralment miksija minn drapp ta’ diversi tipi, fejn id-disinn ta’ skakkiera, minħabba s-sempliċita kbira tiegħu, jista’ preċiżament jikkostitwixxi wieħed minn dawn il-motivi.

38      F’dan ir-rigward, kif ġustament irreleva l-Bord tal-Appell fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, id-disinn ta’ skakkiera huwa figura li dejjem eżistiet u li ntużat fis-settur tal-arti dekorattiva. Issa, din tal-aħħar, minkejja n-negazzjonijiet tar-rikorrenti, għandha rabta inkontestabbli mal-prodotti tal-klassi 18. F’dan ir-rigward u fi kwalunkwe każ, mill-elementi li jinsabu fil-fajl tal-UASI jirriżulta li tali disinn intuża fis-settur tad-dekorazzjoni inġenerali (b’mod partikolari l-ilbies u l-madum tal-art) u jidher ukoll fit-tappezzerija ta’ Bayeux.

39      Min-naħa l-oħra, id-disinn ta’ medd u tgħama li jinsab ġewwa kull waħda mill-kaxxi tal-iskakkiera jikkorrispondi għall-effett viżiv mixtieq ta’ trikkib ta’ żewġ drappijiet differenti, jkunu ta’ liema natura jkunu (suf, ħarir, ġilda, eċċ.), li huwa għalhekk abitwali f’dak li jikkonċerna l-prodotti bħal dawk li jaqgħu taħt il-klassi 18.

40      Applikati għall-prodotti tal-klassi 18 inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn perspettiva grafika, ir-rappreżentazzjoni ta’ skakkiera li talterna l-kuluri kannella u beige u l-impressjoni ta’ trikkib ta’ ħajt ma jinkludu l-ebda varjazzjoni li tidher meta mqabbla mar-rappreżentazzjoni konvenzjonali ta’ tali prodotti, b’mod li l-pubbliku kkunsidrat jipperċepixxi biss fil-verità disinn komuni u kurrenti.

41      Għandu jiġi rrelevat li t-tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ elementi li huma huma stess mhux distintivi ma jistax jimmodifika l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-assenza ta’ karattru distintiv ab initio tat-trade mark ikkontestata. It-tqegħid ħdejn xulxin ta’ skakkiera u ta’ disinn ta’ medd u tgħama ma jħalli jidher, fil-fatt, l-ebda element li huwa differenti min-norma jew mill-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat, b’mod li l-argument tar-rikorrenti li t-trade mark ikkontestata hija kumplessa, partikolari u oriġinali ma jistax jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2012:442, punt 70).

42      Ir-rikorrenti tiżbalja wkoll meta tallega li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat it-trade mark ikkontestata, minħabba li rreduċiha għal skakkiera minflok ma eżaminaha fid-dawl tal-partikolaritajiet tagħha (jiġifieri l-figura ta’ skakkiera, l-istruttura ta’ medd u tgħama u l-kuluri kannella u beige).

43      Fil-fatt, minbarra li l-Bord tal-Appell, kif tirreleva fil-fatt ir-rikorrenti, korrettament iddeskriva, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark ikkontestata bħala li hija magħmula minn skakkiera li talterna l-kuluri kannella u beige u li għandha struttura ta’ medd u tgħama, mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżamina suċċessivament, l-ewwel, fil-punti 37 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disinn ta’ skakkiera, imbagħad, fil-punti 43 sa 47 tal-imsemmija deċiżjoni, l-istruttura ta’ ta’ medd u tgħama u, fl-aħħar, fil-punti 49 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-analiżi tal-impressjoni globali ta’ dan it-tqegħid ħdejn xulxin tal-elementi, l-assenza ta’ kwalunkwe karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata.

44      Għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Appell eżamina d-disinn magħmul mill-istruttura ta’ medd u tgħama wara li sab assenza ta’ karattru distintiv tad-disinn ta’ skakkiera, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark magħmula minn diversi elementi (trade mark kumplessa), jaqbel li tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha. Madankollu, dan ma huwiex inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv tal-elementi li jikkomponu t-trade mark [sentenza tal-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T‑79/01 u T‑86/01, Ġabra, EU:T:2002:279, punt 22; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Pillola bajda bi ftit aħdar u aħdar ċar), T‑118/00, Ġabra, EU:T:2001:226, punt 59].

45      B’hekk, minn naħa, billi eżamina suċċessivament id-diversi elementi tat-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, billi eżamina fl-intier tagħha t-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell ma wettaqx ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurohypo vs UASI, punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2008:261, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Mill-analiżi li tippreċedi jirriżulta wkoll li r-rikorrenti tiżbalja meta tallega li l-Bord tal-Appell wettaq eżami separat tad-diversi elementi li jifformaw it-trade mark ikkontestata minflok ma eżaminaha fl-intier tagħha.

47      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li sinjali analogi għat-trade mark ikkontestata ġew irreġistrati bħala trade mark Komunitarja, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-bordijiet tal-appell huma mitluba jieħdu, bis-saħħa tar-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza relatata u mhux ma’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għaliha [sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra, EU:C:2005:547, punt 47, u s-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Air France vs UASI (Forma ta’ parallelogramm), T‑159/10, EU:T:2011:176, punt 37].

48      Għandu jingħad ukoll li, huwa tabilħaqq minnu li l-UASI huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punt 73).

49      Fid-dawl ta’ dawk iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda dwar reġistrazzjonijiet ta’ trade marks simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopo vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fid-dawl ta’ dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità.

51      Konsegwentement, il-persuna li topponi talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark irreġistrata ma tistax tinvoka favuriha illegalità possibbli mwettqa favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, ġara li t-trade mark Komunitarja kienet tmur kontra, fir-rigward tal-prodotti li għalihom kienet saret ir-reġistrazzjoni u tal-perċezzjoni fost l-oqsma interessati, wieħed mill-motivi ta’ rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tal-istess regolament.

53      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv tiġi miċħuda.

 Fuq l-allegat ksur mill-Bord tal-Appell tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

54      Skont ir-rikorrenti, sa fejn it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata, hija l-persuna li tikkontesta l-validità tar-reġistrazzjoni tagħha li għandha tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ validità ta’ din tal-aħħar.

55      Minn din il-premessa jirriżulta li, skont ir-rikorrenti, hija l-persuna li tikkontesta l-karattru distintiv ta’ trade mark irreġistrata li għandha turi li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta kkonkluda li t-trade mark ikkontestata kienet tista’ tiġi rreġistrata.

56      Ir-rikorrenti żżid li l-Bord tal-Appell ma jistax jimla l-lakuni ta’ min jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità billi jibbaża ruħu sempliċement fuq l-“esperjenza ġenerali” tiegħu sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

57      Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja hija ddikjarata meta t-trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament.

58      L-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreċiża li, matul l-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-UASI jistieden lill-partijiet, skont kemm–il darba jkun neċessarju, jippreżentaw, f’terminu li huwa jistabbilixxi, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki li jkun bagħtilhom jew dwar il-komunikazzjonijiet li jirriżultaw minn partijiet oħra. Skont il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, jekk mill-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jirriżulta li t-trade mark ma kellhiex tiġi rreġistrata għall-prodotti kollha jew parti minnhom jew għas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, l-invalidità tat-trade mark tiġi ddikjarata għall-prodotti jew servizzi kkonċernati.

59      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fl-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-eżaminaturi tal-UASI u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess regolament jew le. Minn dan isegwi li l-organi kompetenti tal-UASI jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux tqajmu minn min japplika għar-reġistrazzjoni. L-UASI għandu jeżamina ex officio l-fatti relevanti li jistgħu jwassluh japplika raġuni assoluta ta’ rifjut [sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 50; sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra, EU:T:2006:84, punt 16, u tat-12 ta’ April 2011, Fuller & Thaler Asset Management vs UASI (BEHAVIOURAL INDEXING), T‑310/09 u T‑383/09, EU:T:2011:157, punt 29].

60      Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi obbligat li jwettaq mill-ġdid l-eżami ex officio tal-fatti rilevanti, imwettaq mill-eżaminatur, li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 52 u 55 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li t-trade mark Komunitarja hija kkunsidrata valida sakemm tiġi ddikjarata invalida mill-UASI wara l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għalhekk, hija tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, li tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-istħarriġ magħmul mill-UASI fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal reġistrazzjoni [sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’sches Domänenamt vs UASI – Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:424, punt 27].

61      Din il-preżunzjoni ta’ validità tillimita l-obbligu tal-UASI, li jinsab fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja mwettaq mill-eżaminaturi, fuq appell, mill-Bordijiet tal-Appell waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li huwa preżunt li t-trade mark Komunitarja rreġistrata hija valida, hija l-persuna li ppreżentat it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tinvoka quddiem l-UASI l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha (sentenza CASTEL, punt 60 iktar ’il fuq, EU:T:2013:424, punt 28).

62      Madankollu, għalkemm din il-preżunzjoni ta’ validità tar-reġistrazzjoni tillimita l-obbligu tal-UASI li jeżamina l-fatti relevanti, hija ma tistax, għaldaqstant, twaqqfu, b’mod partikolari fid-dawl tal-elementi invokati mill-parti li tikkontesta l-validità tat-trade mark ikkontestata, milli jibbaża ruħu mhux biss fuq dawn l-argumenti kif ukoll fuq l-eventwali provi mressqa minn din il-parti mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, iżda wkoll, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, fuq il-fatti magħrufa rrelevati mill-UASI fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Welte-Wenu vs UASI – Il-Kummissjoni (EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES), T‑413/11, EU:T:2013:12, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata].

63      Għalhekk, peress li, bħal f’dan il-każ, l-intervenjenti kkontestat il-validità tat-trade mark ikkonċernata billi bbażat ruħha fuq elementi insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, huwa l-Bord tal-Appell li għandu, kif fil-fatt għamel, jeżamina dawn l-elementi kif ukoll jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ fatti magħrufa li l-eżaminatur, skont il-każ, ikun naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell indika, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni li l-figura ta’ skakkiera kienet figura bażika u komuni komposta minn elementi sempliċi ħafna kienet fatt notorjament magħruf (ara wkoll, f’dan is-sens, punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata) u kkunsidra wkoll li din il-konstatazzjoni kienet ikkorraborata mill-elementi invokati mill-intervenjenti li kienu dwar il-fatt li t-trade mark ikkontestata ma kinitx distintiva ab initio, fid-dawl ta’ elementi li juru li d-disinn ta’ skakkiera kien intuża fis-settur tal-arti dekorattiva.

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell imkien ma kiser ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

66      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, il-motiv kollu fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009

67      Ir-rikorrenti, essenzjalment tilmenta li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-ewwel parti, ħa inkunsiderazzjoni data żbaljata sabiex jiddetermina jekk it-trade mark ikkontestata kinitx kisbet karattru distintiv u, fil-kuntest tat-tieni parti, li eżiġa li l-provi dwar il-kisba ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata jitressqu għal kull wieħed mill-Istati Membri u mhux għal parti sostanzjali tal-Unjoni.

 Fuq l-iżball fir-rigward tad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk it-trade mark ikkontestata kinitx kisbet karattru distintiv

68      Skont ir-rikorrenti, meta sostna li d-dati rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 kienu rispettivament id-data tad-depożitu tat-trade mark ikkontestata (18 ta’ Settembru 1996) u d-data ta’ reġistrazzjoni tagħha (27 ta’ Awwissu 1998), il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni data żbaljata. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-mument fejn l-intervenjenti kienet ressqet it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jiġifieri t-28 ta’ Settembru 2009.

69      Għandu jiġi rrelevat li, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, hija tista’ madankollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni tagħha kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata.

70      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark li tkun intalbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha għandha tkun kisbet karattru distintiv bejn id-data tar-reġistrazzjoni tagħha u dik tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għandu jipproduċi l-provi xierqa u suffiċjenti sabiex jintwera li din kisbet tali karattru [digriet tat-2 ta’ Diċembru 2009, Powerserv Personalservice vs UASI, C‑553/08 P, Ġabra, EU:C:2009:745, punt 91; ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2011, Longevity Health Products vs UASI – Performing Science (5 HTP), T‑190/09, EU:T:2011:78, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata].

71      Ċertament, għalkemm, kif tirreleva r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li “d-dati relevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [kienu] rispettivament id-data ta’ depożitu tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata (18 ta’ Settembru 1996) u d-data ta’ reġistrazzjoni tagħha (27 ta’ Awwissu 1998)”, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-formulazzjoni, il-Bord tal-Appell irrefera biss għall-mument fejn għandu jippożizzjona ruħu, minn naħa, fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri d-data tad-depożitu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

72      Fil-fatt, dan huwa kkonfermat mill-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Bord tal-Appell, filwaqt li rrefera għad-dati tat-18 ta’ Settembru 1996 u 27 ta’ Awwissu 1998, ikkunsidra li kellu jiġi stabbilit “jew li t-trade mark Komunitarja kkontestata kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha fil-ħmistax -l Stat Membru tal-Unjoni fid-data tad-depożitu tagħha, jew li kienet kisbet tali karattru minħabba l-użu li kien sar minnha, wara r-reġistrazzjoni fil-ħmistax -il Stat Membru tal-Unjoni f’dak iż-żmien”.

73      Huwa għalhekk li, filwaqt li kkunsidra l-użu li kien sar mit-trade mark ikkontestata wara r-reġistrazzjoni tagħha, il-bord tal-appell neċessarjament ibbaża ruħu fuq il-provi li r-rikorrenti kienet invokat u li kienu posterjuri għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

74      Barra minn hekk, mill-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell, billi semma l-provi invokati mir-rikorrenti u billi kkunsidra s-snin 1996 u 2010 f’dak li jikkonċerna t-tabella ta’ ċifri relatati mal-prodotti tar-rikorrenti mibjugħa bejn dawn is-sentejn, ħa inkunsiderazzjoni l-provi kollha mingħajr ma ddikjara l-inammissibbiltà ta’ dawk li kienu jew wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jew anki wara t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark (28 ta’ Settembru 2009).

75      Minn dan isegwi li, minkejja l-formulazzjoni ambigwa tal-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata, kif fil-fatt irreleva l-UASI, mill-imsemmija deċiżjoni ma jirriżulta mkien li l-Bord tal-Appell wettaq żball fir-rigward tad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk it-trade mark ikkontestata kinitx kisbet karattru distintiv bl-użu jew li naqas jew irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha invokati mir-rikorrenti, tkun xi tkun fil-fatt id-data li ġew stabbiliti fiha, b’mod li r-rikorrenti ma tistax tqajjem l-ilment kontra l-Bord tal-Appell li ħa inkunsiderazzjoni data żbaljata għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk it-trade mark ikkontestata kinitx kisbet karattru distintiv.

76      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-allegat żball imwettaq f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-kisba ta’ karattru distintiv mit-trade mark ikkonċernata

77      Fir-rigward tal-allegat żball fir-rigward tal-portata tat-territorju li fuqu t-trade mark inkwistjoni kisbet karattru distintiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell żbalja meta ħtieġ li l-prova titressaq għal kull wieħed minn ħmistax-il Stat Membru li kienet magħmula minnhom l-Unjoni f’dak iż-żmien, meta kellu jeżiġi biss li titressaq prova li l-karattru distintiv li l-imsemmija trade mark kienet kisbet permezz tal-użu kien inkiseb fuq parti sostanzjali tal-Unjoni, anki jekk il-provi li kienu relatati ma jikkonċernawx kull wieħed mill-Istati Membri.

78      Issa, fid-dawl tal-fatt li, skont ir-rikorrenti, jista’ jiġi dedott mir-raġunament tal-Bord tal-Appell li din kienet qieset suffiċjenti d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti sabiex tipprova li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv mill-użu ġewwa tal-inqas ħdax–il Stat Membru, ir-rikorrenti tqis li dan in-numru kien iktar milli suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-“limitu tal-parti sostanzjali”. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija pproduċiet ukoll il-provi ta’ użu relevanti tat-trade mark ikkontestata fid-Danimarka, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Isvezja (Annessi 4 u 7 mehmuża man-nota tal-11 ta’ Novembru 2011 li tesponi l-motivi ta’ rikors tar-rikorrenti).

79      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tal-imsemmi regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din tal-aħħar, għal prodotti li għalihom tkun intalbet ir‑reġistrazzjoni, tkun kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

80      Bl-istess mod, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, hija tista’ madankollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni tagħha kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata.

81      Għandu wkoll jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 165(1) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-karattru distintiv miksub bl-użu għandha titressaq biss fl-Istati li kienu membri tal-Unjoni fid-data tad-depożitu tat-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, jiġifieri f’dan il-każ, fl-Unjoni komposta, fit-18 ta’ Settembru 1996, minn ħmistax–il Stat Membru.

82      Sinjal nieqes minn karattru distintiv intrinsiku li, minħabba l-użu li kien sar minnu qabel it-tressiq ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja, jikseb tali karattru għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati mit-talba għar-reġistrazzjoni jiġi aċċettat għar-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, meta ma tkunx trade mark “reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7”. L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għalhekk ma huwiex relevanti f’din l-ipoteżi. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża, pjuttost, għat-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet kuntrarja għar-raġunijiet ta’ rifjut msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, kellhom jiġu annullati, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009. L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu, preċiżament, l-għan li jżomm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk it-trade marks li, minħabba l-użu li jsir minnhom, laħqu, fil-frattemp, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tagħhom, kisbu karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi li għalihom ġew irreġistrati, minkejja l-fatt li din ir-reġistrazzjoni, fil-mument meta saret, kienet kuntrarja għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Powerserv Personalservice vs UASI – Manpower (MANPOWER), T‑405/05, Ġabra, EU:T:2008:442, punt 127].

83      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdiex dritt awtonomu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Huwa jinkludi eċċezzjoni għar-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament. Il-portata tiegħu għandha għalhekk tiġi interpretata skont dawn ir-raġunijiet ta’ rifjut [sentenzi Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2009:324, punt 121, u tas-17 ta’ Mejju 2011, Diagnostiko kai Therapeftiko Kentro Athinon “Ygeia” vs UASI (υγεία), T‑7/10, EU:T:2011:221, punt 39].

84      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark Komunitarja għandha “karattru unitarju”, li jimplika li “għandha jkollha l-istess effetti fil-Komunità kollha”. Mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja jirriżulta li, sabiex sinjal jiġi rreġistrat għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. B’hekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din ma jkollhiex karattru distintiv f’parti mill-Unjoni [sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Ford Motor vs UASI (OPTIONS), T‑91/99, Ġabra, EU:T:2000:95, punti 23 sa 25]. Il-parti tal-Unjoni kkunsidrata fl-imsemmi paragrafu 2 tista’ tkun magħmula, skont il-każ, minn Stat Membru wieħed biss [sentenzi Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 83, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen, C‑108/05, Ġabra, EU:C:2006:530, punt 28; ara wkoll punt 45 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali E. Sharpston taħt l-imsemmija sentenza; sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ ħelwa mgeżwra), T‑402/02, Ġabra, EU:T:2004:330, punti 85, 86, 88 u 89; tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs UASI (In-nisġa tal-wiċċ tal-ħġieġ), T‑141/06, EU:T:2007:273, punti 35, 38 u 40; Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2009:324, punt 134; tad-29 ta’ Settembru 2010, CNH Global vs UASI (Tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż għal trakter), T‑378/07, Ġabra, EU:T:2010:413, punt 49; tad-9 ta’ Diċembru 2010, Earle Beauty vs UASI (NATURALLY ACTIVE), T‑307/09, EU:T:2010:509, punt 49; υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 40; tas-6 ta’ Lulju 2011, Audi u Volkswagen vs UASI (TDI), T‑318/09, Ġabra, EU:T:2011:330, punt 46, u tal-1 ta’ Frar 2013, Ferrari vs UASI (PERLE’), T‑104/11, EU:T:2013:51, punt 38].

85      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li kisbu karattru distintiv permezz tal-użu, għandu jinqara fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-akkwist ta’ tali karattru distintiv permezz tal-użu fuq it-territorju kollu fejn it-trade mark ab initio kienet nieqsa minn tali karattru (sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2006:422, punt 83; sentenza Tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż għal trakter, punt 84 iktar ’il fuq, EU:T:2010:413, punt 30, u υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 41).

86      Barra minn hekk, mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja jirriżulta li, sabiex jiġi rreġistrat, sinjal għandu jkollu karattru distintiv, intrinsiku jew miksub mill-użu, fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, huwa paradossali li jiġi aċċettat, minn naħa, skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li Stat Membru jkun obbligat jirrifjuta r-reġistrazzjoni bħala trade mark nazzjonali sinjal li ma jkollux karattru distintiv fuq it-territorju tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess Stat Membru jkollu josserva trade mark Komunitarja dwar dan l-istess sinjal għas-sempliċi raġuni li din tkun kisbet karattru distintiv fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor [sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2011, Vuitton Malletier vs UASI – Friis Group International (Rappreżentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sokra), T‑237/10, EU:T:2011:741, punt 100].

87      Bara minn hekk, fil-każ ta’ trade marks mhux verbali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi preżunt li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv hija l-istess fl-Unjoni kollha, sakemm ma jkunux jeżistu indizji konkreti fis-sens kuntrarju. Peress li, f’dan il-każ, mill-fajl ma jirriżultax li dan huwa l-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-raġuni assoluta għal rifjut msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 teżisti, fir-rigward tat-trade mark mitluba, fl-Unjoni kollha. Għalhekk, huwa fl-Unjoni kollha li din it-trade mark għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-birra), T‑399/02, Ġabra, EU:T:2004:120, punt 47; Forma ta’ ħelwa mgeżwra, punt 84 iktar ’il fuq, EU:T:2004:330, punt 86; tal-10 ta’ Marzu 2009, Piccoli vs UASI (Forma ta’ arzella), T‑8/08, EU:T:2009:63, punti 37 sa 39, u tas-17 ta’ Diċembru 2010, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (Forma ta’ fenek taċ-ċikkulata), T‑395/08, EU:T:2010:550, punt 53].

88      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li tal-inqas frazzjoni sinjifikattiva tal-pubbliku relevanti tidentifika grazzi għat-trade mark il-prodotti jew servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari [sentenzi Forma ta’ flixkun tal-birra, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2004:120, punt 42; tal-15 ta’ Diċembru 2005, BIC vs UASI (Forma ta’ lajters biż-żnied), T‑262/04, Ġabra, EU:T:2005:463, punt 61, u υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 42]. Madankollu, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tali ċirkustanza tista’ tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta, dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti abbażi ta’ data ġenerali u astratta (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra, EU:C:1999:230, punt 52; sentenza υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 45).

89      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark kisbitx karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa globalment l-elementi li jistgħu juru li t-trade mark saret kapaċi tidentifika l-prodott ikkonċernat bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza Windsurfing Chiemsee, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:1999:230, punt 49; sentenzi Forma ta’ lajters biż-żnied, punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2005:463, punt 63, u υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 43).

90      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u kemm ilha tintuża din it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tas-setturi interessati li jidentifikaw il-prodott bħala li joriġina minn impriża determinata permezz tat-trade mark, id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra kif ukoll l-istħarriġ ta’ opinjoni (ara s-sentenza Forma ta’ flixkun tal-birra, punt 41 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata) (ara s-sentenza Forma ta’ lajters biż-żnied, punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2005:463, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza υγεία, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2011:221, punt 44).

91      Minn dak li jippreċedi, u b’mod partikolari mill-punt 84 iktar ’il fuq jirriżulta neċessarjament, li, meta t-trade mark ikkontestata tirriżulta nieqsa minn karattru distintiv fl-Unjoni kollha, il-prova tal-karattru distintiv miksub mill-imsemmija trade mark għandha titressaq f’kull wieħed mill-Istati Membri.

92      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, anki jekk huwa minnu, skont is-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2006:422), li l-akkwist, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandu jintwera għall-parti tal-Unjoni fejn din it-trade mark ma kellhiex ab initio tali karattru, ikun eċċessiv li jkun meħtieġ li l-prova ta’ tali kisba titressaq għal kull Stat Membru meħud individwalment (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, C‑98/11 P, Ġabra, EU:C:2012:307, punt 62).

93      Madankollu, għandu jiġi rrelevat li, billi fakkret, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, punt 92 iktar ’il fuq (EU:C:2012:307), il-ġurisprudenza li tali trade mark ma setgħetx tiġi approvata sakemm ma titressaqx prova li din kienet kisbet, permezz tal-użu li kien sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni fejn ma kellhiex ab initio tali karattru u li dan kellu jkun fl-Unjoni kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tbiegħditx mill-ġurisprudenza tagħha u, b’mod partikolari, mis-sentenza Storck vs UASI, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2006:422).

94      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk kellux raġun il-Bord tal-Appell meta kkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet prova tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksub permezz tal-użu.

95      F’dan ir-rigward, huwa neċessarju, qabel xejn, li jitfakkru l-elementi kollha li r-rikorrenti għaddiet lill-UASI u li ttieħdu inkunsiderazzjoni kemm mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll mill-Bord tal-Appell, elementi li huma elenkati fil-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata:

–        “dokument 1: dokument bit-titolu ‘Damier Canvas Trademark Portfolio’ [Portfolio ta’ trade marks ta’ kanvas fi skakkiera], li huwa lista ta’ trade marks tal-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja rreġistrata f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. It-trade mark inkwistjoni u trade marks simili jinsabu fuq il-lista. Il-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja tipprovdi l-indikazzjonijiet segwenti: pajjiż fejn it-trade mark hija rreġistrata, klassi internazzjonali tal-prodotti/servizzi, numru tal-applikazzjoni, data tal-applikazzjoni, numru tar-reġistrazzjoni, data tar-reġistrazzjoni u status (fi stennija/irreġistrata). F’ċerti każijiet, jiġu indikati d-data li jmiss prevista għat-tiġdid u osservazzjonijiet oħra (problemi, tiġdid għaddej);

–        dokument 2: ritratti mhux datati ta’ prodotti bid-disinn ta’ skakkiera;

–        dokument 3: artikoli stampati dwar trade marks famużi b’disinni (Lady Dior bid-disinn tal-kejn, Gucci b’disinn iffjorit, disinn Burberry);

–        dokument 4: tabella b’ċifri li jikkonċernaw il-prodotti tal-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja mibjugħin bejn l-1996 u l-2010, id-dħul mill-bejgħ f’euro u l-kwantità totali tal-prodotti mibjugħin għat-trade mark Komunitarja inkwistjoni, għall-pajjiżi li ġejjin: il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Isvezja, il-Portugall, Spanja, l-Irlanda, u r-Renju Unit;

–        dokument 5: kompilazzjoni ta’ artikoli u ta’ reklami minn diversi rivisti, bi prodotti bid-disinn ta’ skakkiera tal-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja. Ir-rivisti ġejjin mill-pajjiżi segwenti: Franza, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Awstrija, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvizzera, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, it-Turkija, in-Norveġja, l-Ungerija, u r-Rumanija. Id-dokument 5 jinkludi wkoll entrata f’Wikipedia dwar Louis Vuitton;

–        dokument 6: katalogi u brochures għall-prodotti Louis Vuitton;

–        dokument 7: lista ta’ ħwienet Louis Vuitton. F’dak li jikkkonċerna l-Istati Membri tal-Unjoni, huma elenkati l-ħwienet tal-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja fil-pajjiżi segwenti: Franza, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit;

–        dokument 8: ritratti ta’ prodotti b’disinni ta’ skakkiera li ma joriġinawx mill-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja, li huma ppreżentati bħala imitiazzjonijiet tal-prodotti tal-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja.”

96      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rikorrenti użat kwestjonarju li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fil-punti 18 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żiedet ukoll li kienet ipproduċiet provi ta’ użu relevanti tat-trade mark ikkontestata fid-Danimarka, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

97      Preliminarjament, qabel xejn, jaqbel li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-UASI, kif jirreleva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti qatt ma allegat li l-elementi msemmija iktar ’il fuq kienu ddestinati sabiex juru l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksub permezz tal-użu.

98      Għalhekk, fin-nota tagħha tat-22 ta’ Settembru 2010 quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’risposta għal argument tal-intervenjenti li kienet ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet tallega karattru distintiv miksub bl-użu, ir-rikorrenti ppreċiżat li “il-proprjetarju qatt ma [kien] allega li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu” u li “[kien] dejjem allega li l-ISKAKKIERA kienet intrinsikament distintiva, u ġibed l-attenzjoni biss fuq il-fatt li tali karattru distintiv kien amplifikat permezz ta’ użu intensiv matul kważi 15 -il sena”.

99      Bl-istess mod, fin-nota tagħha tal-11 ta’ Novembru 2011 quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti fakkret li d-dokumenti msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq kienu intiżi sabiex juru l-karattru distintiv “imsaħħaħ” tat-trade mark ikkontestata, iżda li ma kinux intiżi sabiex juru l-karattru distintiv miksub minn din tal-aħħar permezz tal-użu li kien sar minnha.

100    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari dak li tenniet matul is-seduta fir-risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-dokumenti li r-rikorrenti kienet għaddiet u li huma msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq kienu biżżejjed sabiex jintwera l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ġewwa tal-inqas ħdax–il Stat Membru.

101    Għandu jiġi rrelevat li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni llimitat ruħha għall-kunsiderazzjoni li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu ġewwa tal-inqas erba’ Stati Membri tal-Unjoni dak iż-żmien komposta minn ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, kien biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-prova pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx tistabbilixxi l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksuba permezz tal-użu fl-Unjoni.

102    Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li l-prova ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu għandha tingħata f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn it-trade mark ikkontestata ma kellhiex dan il-karattru ab initio, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni impliċitament, iżda neċessarjament, ikkunsidrat li ma kienx indispensabbli li tiġi vverifikata l-veridiċità u n-natura probatorja tad-dokumenti dwar il-ħdax-il Stat Membru l-ieħor.

103    Din il-konstatazzjoni ġiet ikkonfermata, mill-Bord tal-Appell, fil-punti 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata li ddikjara li japprova l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna lid-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja, “ma kien possibbli li ssir l-ebda deduzzjoni dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku relevanti, la skont il-lista tat-trade marks irreġistrati (dokument 1), la miċ-ċifri ta’ bejgħ u ta’ dħul mill-bejgħ ipprovduti, fl-assenza ta’ indikazzjoni ċara dwar it-trade mark u l-prodotti kkonċernati (dokument 4), u lanqas mis-sempliċi preżenza ta’ ħanut f’ċerti pajjiżi (dokument 7)”.

104    Għandu jiġi rrelevat li, fir-rigward tal-erba’ Stati Membri kkonċernati, jiġifieri d-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja, ir-rikorrenti, fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 90 iktar ’il fuq, ma inkludiet fil-fajl, l-ebda dokument li jinkludi informazzjoni dwar is-sehem tas-suq li għandha t-trade mark ikkontestata, l-intensità u l-kobor tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha kif ukoll il-proporzjon tal-ambjent soċjali interessat li jidentifika l-prodott li joriġina minn impriża partikolari grazzi għat-trade mark ikkontestata u ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni lill-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew assoċjazzjonijiet professjonali oħra.

105    Matul is-seduta, l-avukat tar-rikorrenti, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ikkonferma li ma kien ipprovda l-ebda wieħed mill-elementi msemmija fil-punt 104 iktar ’il fuq minħabba li r-rikorrenti ma kinitx taf il-ġurisprudenza u li fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi kienu intużaw biss l-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu.

106    Anki fl-ipoteżi li r-rikorrenti tallega li d-dokumenti suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell u msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq juru l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksuba permezz tal-użu fid-Danimarka, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Isvezja, għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

107    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, f’dak li jikkonċerna d-dokument, li tippreżenta r-rikorrenti, li jsemmi d-dħul mill-bejgħ mwettaq grazzi għall-bejgħ ta’ prodotti miksija bit-trade mark ikkontestata (dokument 4 msemmi fil-punt 95 iktar ’il fuq), li d-data ċifrata hija mogħtija fuq sempliċi karti stampati mingħajr ebda preċiżazzjoni jew ċertifikazzjoni oħra.

108    Fir-rigward tad-dokumenti inklużi fil-fajl tal-impriża stess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tevalwa l-valur probatorju tagħhom, għandha, l-ewwel nett, tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni li hemm fih. Għalhekk għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom ġie magħmul, lejn min huwa indirizzat, u jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, huwiex raġonevoli u affidabbli [sentenzi tas- 7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra, EU:T:2005:200, punt 42, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Dorma vs UASI – Puertas Doorsa (doorsa FÁBRICA DE PUERTAS AUTOMÁTICAS), T‑500/10, EU:T:2011:679, punt 49].

109    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument li jsemmi d-dħul mill-bejgħ mwettaq grazzi għall-bejgħ ta’ prodotti miksija bit-trade mark ikkontestata, li huwa stabbilit mir-rikorrenti stess, ma jistax, minħabba din il-provenjenza, għalhekk, waħdu, jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-ksib permezz tal-użu tal-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark. Id-data f’ċifri li tinsab fih għalhekk ma tikkostitwixxix indizji li għandhom jiġu kkorraborati minn elementi probatorji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forma ta’ lajters biż-żnied, punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2005:463, punt 79).

110    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dokument ieħor li jsostni l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument, b’mod partikolari dokumenti oħra ta’ kontijiet iċċertifikati minn uffiċċju ta’ awdituri, li jistgħu jikkorraboraw id-data ċifrata fih, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument, eżaminat abbażi tal-elementi kollha l-oħrajn ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi, ma jistax juri li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv permezz tal-użu.

111    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element oġġettiv ieħor, tkun qiegħda tingħata kredibbiltà, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, lil sempliċi dokument magħmul fuq karta sempliċi, liema element jista’ sussegwentement jintuża minn kwalunkwe impriża oħra sabiex tikkunsidra li l-livell ta’ prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu jista’ jsir permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, li l-ġurisprudenza dejjem irrifjutat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, EU:T:2008:338, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata].

112    It-tieni nett, il-preżenza ta’ ħwienet fid-diversi Stati Membri (dokument 7 imsemmi fil-punt 95 iktar ’il fuq) lanqas ma jagħti xi indikazzjoni fir-rigward tal-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata fuq il-pubbliku kkonċernat.

113    It-tielet nett, fir-rigward tal-estratti minn katalogi u brochures, reklami kif ukoll ritratti ta’ persuni famużi bi prodott miksi bit-trade mark ikkontestata jew mudelli differenti ta’ prodotti tar-rikorrenti miksija bit-trade mark ikkontestata, l-istess bħal ritratti ta’ prodotti li jirriproduċu d-disinn ta’ skakkiera tat-trade mark ikkontestata, li ddaħħlu fil-fajl (dokumenti 2, 5 u 6 msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq), dawn jirriżultaw insuffiċjenti, anki meta jiġu eżaminati abbażi tal-elementi l-oħra pprovduti mir-rikorrenti u elenkati fil-punt 95 iktar ’il fuq, sabiex juru li parti sinjfikattiva tal-pubbliku relevanti tidentifika grazzi għat-trade mark ikkontestata l-prodotti kkonċernati bħala li joriġinaw mir-rikorrenti.

114    Minn naħa, il-katalogi u l-brochures huma biss bil-Franċiż u bl-Ingliż, b’mod li, ħlief jekk ir-rikorrenti ma tipproduċix katalogu differenti, ma jistgħux jipprovaw il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tal-inqas għall-erba’ Stati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, minn ebda element ma jirriżulta li dawn il-katalogi huma mqassma lill-pubbliku relevanti u li ma huwiex għodda interna għar-rikorrenti għad-dispożizzjoni tal-impjegati tagħha fil-kuntest biss tal-bejgħ fil-ħwienet tal-artikli li jinsabu fih.

115    Min-naħa l-oħra, ir-ritratti ta’ diversi persuni famużi bil-prodotti miksijin bit-trade mark ikkontestata jew ta’ reklami ta’ prodotti miksija b’din l-istess trade mark jipprovaw biss li r-rikorrenti użat id-disinn ta’ skakkiera kannella u beige, iżda ma jurux li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti inkwistjoni jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż għal trakter, punt 84 iktar ’il fuq, EU:T:2010:413, punt 57).

116    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kwestjonarju dwar il-perċezzjoni tal-kuntest soċjali kkonċernat li r-rikorrenti pproduċiet fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi u li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni fil-punti 18 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kwestjonarju sar biss ma konsumaturi ta’ prodotti ta’ lussu tal-ġilda fil-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u fir-Renju Unit. Minbarra li dan il-kwestjonarju ma huwiex dwar il-konsumatur medju tal-Unjoni, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), iżda biss dwar il-konsumaturi ta’ prodotti ta’ lussu f’ħames Stati Membri tal-Unjoni, dan ma jinkludi mkien il-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata, iżda ta’ Louis Vuitton, bħala tali, b’mod li ma jagħti l-ebda indikazzjoni unikament dwar il-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata fuq dan il-pubbliku, anki limitat, li fi ħdanu sar dan il-kwestjonarju.

117    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma pprovatx li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet, fid-Danimarka, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Isvezja, karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnha.

118    Fil-fatt, b’mod partikolari mis-sentenza In-nisġa tal-wiċċ tal-ħġieġ, punt 84 iktar ’il fuq (EU:T:2007:273, punti 35, 38 u 40), jirriżulta li l-assenza ta’ prova f’dak li jikkonċerna d-Danimarka, il-Finlandja, l-Isvezja, il-Greċja u l-Irlanda kien biżżejjed sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ reġistrazzjoni.

119    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-inferenza mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 tal-ġurisprudenza dwar il-kisba tar-reputazzjoni, li għandha tintwera f’parti sostanzjali tal-Unjoni u mhux fl-Istat Membru kollu, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhiex titħallat ma’ dik intiża sabiex tippreċiża s-sens tal-espressjoni “għandha reputazzjoni” fi Stat Membru jew fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, kundizzjoni li trade mark irreġistrata għandha tissodisfa sabiex tibbenefika minn protezzjoni estiża għal prodotti jew servizzi mhux simili. F’dan il-każ, fil-fatt ma għandux jiġi eżaminat jekk sinjal jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja fl-Unjoni kollha. Pjuttost, għandu jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal meta trade mark eżistenti jkollha reputazzjoni jew fi Stat Membru jew fl-Unjoni u li l-użu tas-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark jew jikkawżalha dannu. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fuq il-livell territorjali, l-eżistenza ta’ reputazzjoni f’parti sostanzjali tal-Komunità hija biżżejjed sabiex jiġi pprojbit l-użu tal-imsemmi sinjal [sentenzi Tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż għal trakter, punt 84 iktar ’il fuq, EU:T:2010:413, punt 47, u tad-29 ta’ Jannar 2013, Germans Boada vs UASI (Apparat għall-qtugħ manwali taċ-ċeramika), T‑25/11, EU:T:2013:40, punt 70; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, Ġabra, EU:C:1999:408, punti 28 u 29, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C‑301/07, Ġabra, EU:C:2009:611, punti 27 u 30].

120    Għalhekk, hija r-rikorrenti li għandha tipprova l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fil-parti tal-Unjoni fejn it-trade mark ikkontestata kienet ab initio nieqsa minn kwalunkwe karattru distintiv, jiġifieri, f’dan il-każ, fl-Unjoni kollha. Issa, kif jirriżulta mill-punt 104 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma inkludiet fil-fajl l-ebda wieħed mill-elementi msemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 90 iktar ’il fuq u l-elementi prodotti minnha, kif jirriżultaw mill-punt 95 iktar ’il fuq, ma jurux li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fid-Danimarka, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

121    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

122    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Louis Vuitton Malletier hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.