Language of document : ECLI:EU:T:2015:215

Kawża T‑359/12

Louis Vuitton Malletier

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ skakkiera kannella u beige – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(1)(b) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ April 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade marks tridimensjonali li huma kkostitwiti mill-forma tal-prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ skakkiera kannella u beige

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(d) u 52)

4.      Trade mark Komunitarja – Deċiżjonjiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità

5.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-motivi assoluti għal rifjut – Eżami limitat għall-motivi invokati

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1), 52, 55, 57(1) u 76(1))

6.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) sa (d) u (3), 52(2) u 165(1) u (4))

7.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark nieqsa minn karattru distintiv fl-Unjoni kollha

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 1(1) u 7(3))

1.      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks.

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta.

Fil-fatt, il-konsumatur medju, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandux l-abitudni li jassumi l-oriġini tal-prodotti billi jibbaża ruħhu fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva.

Barra minn hekk, iktar ma l-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun relatata mal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma ma jkollhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mid-drawwiet tas-settur u, għaldaqstant, hija kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-oriġini tagħha, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament

(ara l-punti 20-23)

2.      Il-ġurisprudenza dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess hija valida wkoll meta t-trade mark ikkontestata tkun waħda figurattiva magħmula mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-imsemmi prodott. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-trade mark lanqas ma tkun tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta.

L-istess japplika fil-każ ta’ trade mark figurattiva magħmula minn parti mill-forma tal-prodott li hija tirrappreżenta, sa fejn il-pubbliku relevanti jipperċepiha immedjatament u mingħajr riflessjoni partikolari bħala rappreżentazzjoni ta’ dettall partikolarment interessanti jew attraenti tal-prodott inkwistjoni, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal-oriġni kummerċjali tiegħu.

(ara l-punti 24, 25)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35-45, 104, 120)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-51)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58-62)

6.      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din, għal prodotti li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, tkun kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

Bl-istess mod, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b), hija tista’ madankollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni tagħha kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 165(1) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-karattru distintiv miksub bl-użu għandha titressaq biss fl-Istati li kienu membri tal-Unjoni fid-data tad-depożitu tat-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata.

Sinjal nieqes minn karattru distintiv intrinsiku li, minħabba l-użu li kien sar minnu qabel it-tressiq ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja, jikseb tali karattru għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati mit-talba għar-reġistrazzjoni jiġi aċċettat għar-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, meta ma tkunx trade mark “reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7”. L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għalhekk ma huwiex relevanti f’din l-ipoteżi. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża, pjuttost, għat-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet kuntrarja għar-raġunijiet ta’ rifjut msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, kellhom jiġu annullati, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009. L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu, preċiżament, l-għan li jżomm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk it-trade marks li, minħabba l-użu li jsir minnhom, laħqu, fil-frattemp, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tagħhom, kisbu karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi li għalihom ġew irreġistrati, minkejja l-fatt li din ir-reġistrazzjoni, fil-mument meta saret, kienet kuntrarja għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009.

(ara l-punti 79-82)

7.      Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, din għandha “karattru unitarju”, li jimplika li “għandha jkollha l-istess effetti fil-Komunità kollha”. Mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja jirriżulta li, sabiex sinjal jiġi rreġistrat għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. B’hekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din ma jkollhiex karattru distintiv f’parti mill-Unjoni.

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li kisbu karattru distintiv permezz tal-użu, għandu jinqara fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-akkwist ta’ tali karattru distintiv permezz tal-użu fuq it-territorju kollu fejn it-trade mark ab initio kienet nieqsa minn tali karattru.

Minn dak li jippreċedi jirriżulta neċessarjament li, meta t-trade mark ikkontestata tirriżulta nieqsa minn karattru distintiv fl-Unjoni kollha, il-prova tal-karattru distintiv miksub mill-imsemmija trade mark għandha titressaq f’kull wieħed mill-Istati Membri.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, anki jekk huwa minnu li l-akkwist, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandu jintwera għall-parti tal-Unjoni fejn din it-trade mark ma kellhiex ab initio tali karattru, ikun eċċessiv li jkun meħtieġ li l-prova ta’ tali kisba titressaq għal kull Stat Membru meħud individwalment.

Madankollu, għandu jiġi rrelevat li, billi fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li tali trade mark ma setgħetx tiġi approvata sakemm ma tkunx tressqet prova li din kienet kisbet, permezz tal-użu li kien sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni fejn ma kellhiex ab initio tali karattru u li dan kellu jkun fl-Unjoni kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tbiegħditx mill-ġurisprudenza tagħha.

(ara l-punti 84, 85, 91-93)