Language of document : ECLI:EU:T:2010:96

Kawża T-9/07

Grupo Promer Mon Graphic, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari — Disinn Komunitajru preċedenti — Raġuni ta’ invalidità — Kunflitt — Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti — Kunċett ta’ kunflitt — Prodott inkwistjoni — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Utent informat — Artikoli 10 u 25(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Sommarju tas-sentenza

1.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Kunċett — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10 u 25(1)(d))

2.      Disinni Komunitarji — Applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Kundizzjonijiet — Indikazzjoni dwar il-prodotti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 36(2) u (6))

3.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Utent informat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10(1) u 25(1)(d))

4.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10 u 25(1)(d))

1.      L-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni Komunitarji għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju huwa f’kunflitt ma’ disinn preċedenti meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tal‑isemmi disinn Komunitarju, dan id-disinn ma jagħtix lill-utent informat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti invokat.

Din l-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu 25(1)(d) hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ disinn li jibbenefika minn preċedenza bħal dik deskritta f’din id-dispożizzjoni kontra kwalunkwe dannu għall-imsemmi disinn minħabba l-koeżistenza ta’ disinn Komunitarju sussegwenti li jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent informat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti jiċċaħħad mill-possibbiltà li jitlob l-invalidità ta’ tali disinn Komunitarju sussegwenti u mill-protezzjoni effettiva mogħtija mid-disinn tiegħu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 jew l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni.

(ara l-punti 52, 53)

2.      Disinn li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinni Komunitarji, id-dehra ta’ prodott, l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandha jkollha, skont l-Artikolu 36(2) tal‑imsemmi regolament, l-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom ikun maħsub li jiġi applikat. Madankollu, jekk l-indikazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn hija obbligatorja, din l-informazzjoni ma tikkawżax dannu, abbażi tal‑Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-firxa tal-protezzjoni tad‑disinn bħala tali.

Għaldaqstant, mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat il-prodott li fih id-disinn kkontestat ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑indikazzjoni li tirrigwardah fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal‑imsemmi disinn, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, dik li tirrigwarda d-disinn stess, sa fejn din tippreċiża n-natura tal‑prodott, id-destinazzjoni jew il-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-disinn innifsu jista’ jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott fi ħdan kategorija ta’ prodotti usa’ indikata waqt ir-reġistrazzjoni u konsegwentement, id‑determinazzjoni effettiva tal-utent informat u l-grad ta’ libertà tad‑disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

(ara l-punti 55, 56)

3.      L-utent informat, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id‑disinni Komunitarji, għandu viġilanza partikolari u jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, jew, jekk ikun il-każ, fid-data li fiha l-prijorità ntalbet.

(ara l-punt 62)

4.      Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir‑restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinni applikati fuq il-prodott ikkonċernat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni fuq l-utent informat, li għandu ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl‑iżvilupp tad-disinn ikkontestat. Għaldaqstant, sa fejn ix-xebh bejn id-disinni inkwistjoni jirrigwardaw karatteristiċi komuni, dan ix-xebh ikollu ftit importanza fuq l-impressjoni globali mogħtija mill-imsemmija disinni fuq l-utent informat. Barra minn hekk, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu suffiċjenti sabiex jagħtu impressjonai globali differenti lill-utent informat.

(ara l-punti 67, 72)