Language of document : ECLI:EU:T:2008:419

Kawża T-411/06

Sogelma – Societá generale lavori manutenzioni appalti Srl

vs

Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR)

“Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Sejħa għal offerti tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni – Deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti u li tiġi ppubblikata waħda ġdida – Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Ħtieġa ta’ lment amministrattiv minn qabel – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Mandat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Talba għad-danni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti adottati mill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni bis-saħħa ta’ delega ta’ kompetenzi mill-Kummissjoni

(Artikolu 230 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2666/2000, Artikolu 1, u Nru 2667/2000, Artikoli 1, 2 u 3)

3.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi

(Regolament tal-Kunsill Nru 2667/2000, Artikoli 1, 2, 13(2) u 13a(3))

4.      Rikors għal annullament – Termini – Punt ta’ tluq

(Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

5.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

7.      Proċedura – Miżuri istruttorji – Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti

1.      Il-Komunità Ewropea hija Komunità tad-dritt u t-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Is-sistema tat-Trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma maħsuba li joħolqu effetti legali. Minn dan jirriżulta prinċipju ġenerali li l-atti kollha ta’ korp Komunitarju intiżi biex joħolqu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

B’hekk, ma jistax ikun aċċettabbli li atti intiżi biex joħolqu effetti legali fil-konfront ta’ terzi adottati minn aġenziji stabbiliti abbażi tad-dritt sekondarju bħall-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

(ara l-punti 36, 37)

2.      L-annullament ta’ sejħa għal offerti huwa att li, bħala regola, jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt huwa att li jikkawża preġudizzju lill-offerenti u jibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom, peress li jfisser li ma jistgħux jingħataw il-kuntratt li għalih kienu tefgħu offerta.

Fil-kuntest tar-Regolament Nru 2667/2000, dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), kif emendat, skont l-Artikoli 1 u 2 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tiddelega lill-EAR l-implementazzjoni tal-assistenza Komunitarja prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2666/2000, dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, favur is-Serbja u l-Montenegro. Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2667/2000, l-EAR tista’ tiġi inkarigata mill-Kummissjoni sabiex twettaq il-ħidmiet kollha meħtieġa għall-implementazzjoni tal-programmi għar-rikostruzzjoni tas-Serbja u l-Montenegro, u b’mod partikolari l-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u l-għoti tal-kuntratti.

Id-deċiżjonijiet li setgħet ħadet il-Kummissjoni ma jistgħux jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ att li jista’ jiġi kkontestat sempliċement għaliex il-Kummissjoni ddelegat xi kompetenzi lill-EAR, għax inkella tinħoloq lakuna ġuridika. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EAR fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt u intiżi li joħolqu effetti legali fil-konfront ta’ terzi jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti Komunitarja.

(ara l-punti 38-40, 43)

3.      Bħala regola, ir-rikorsi għandhom isiru kontra l-awtur tal-att ikkontestat, jiġifieri l-istituzzjoni jew il-korp Komunitarju li minnu toħroġ id-deċiżjoni.

L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni hija korp Komunitarju b’personalità ġuridika u nħolqot bis-saħħa ta’ regolament bil-għan li jimplementa l-assistenza Komunitarja, b’mod partikolari favur is-Serbja u l-Montenegro. Għal dan il-għan, l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 2667/2000, dwar l-EAR, kif emendat, jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni sabiex tiddelega lill-EAR l-implementazzjoni ta’ din l-assistenza u b’mod partikolari l-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti. L-EAR għalhekk hija kompetenti, wara li ġiet inkarigata tagħmel hekk mill-Kummissjoni, sabiex timplementa hija stess il-programmi ta’ assistenza Komunitarja.

Peress li, bis-saħħa tas-setgħat iddelegati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 2667/2000, hija l-EAR li addottat id-deċiżjoni kkontestata li tiġi annullata s-sejħa għal offerti, u peress li l-Kummissjoni ma pparteċipatx fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni, l-EAR hija l-awtur tal-att ikkontestat. Konsegwentement, ir-rikorrenti tista’ tipproċedi kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13a(3) tal-imsemmi Regolament jirriżulta li hija l-EAR li għandha tiddefendi lilha nnifisha fil-qrati fil-kawżi relattivi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u f’dawk relattivi għad-deċiżjonijiet li hija tkun ħadet b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet l-oħra meħuda mill-EAR m’għandhomx ukoll jiġu difiżi minnha fil-qrati.

(ara l-punti 49-53)

4.      Jekk id-data ta’ notifika ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza, ir-rikorrent ikollu l-benefiċċju tad-dubju li jirriżulta u r-rikors tiegħu jiġi kkunsidrat bħala li ġie ppreżentat qabel ma jkun skada t-terminu jekk, fid-dawl tal-fatti, ma jkunx jidher li jista’ jiġi eskluż għal kollox li l-ittra li tinnotifika d-deċiżjoni tkun waslet tard biżżejjed sabiex it-terminu għall-preżentata tar-rikors ikun ġie osservat. Bl-istess mod, il-benefiċċju tad-dubju huwa favur ir-rikorrent jekk il-kwistjoni ma tkunx tirrigwarda d-determinazzjoni tad-data tan-notifika, iżda tad-data li fiha r-rikorrent ikun sar jaf bl-att. Hija l-parti li teċċepixxi t-tardività ta’ rikors li għandha l-oneru li tipprova d-data li fiha seħħ l-avveniment li minnu beda jiddekorri t-terminu.

Meta tintbagħat posta elettronika m’hemmx garanzija li effettivament din tasal għand id-destinatarju tagħha. Effettivament, posta elettronika tista’ ma tasallux minħabba raġunijiet tekniċi. Anki jekk, min jibgħatha ma rċeviex messaġġ li l-posta elettronika “ma waslitx”, dan mhux bilfors ifisser li l-posta elettronika waslet għand id-destinatarju tagħha. Barra minn hekk, anki fil-każ fejn posta elettronika effettivament tasal għand id-destinatarju tagħha, jista’ jkun li ma jkunx rċeviha fid-data meta ntbagħtet. Jekk min jibgħat posta elettroniku ma jirċievi l-ebda konferma tal-wasla u ma jieħu ebda azzjoni ulterjuri, normalment ma jkunx f’pożizzjoni li jipprova li din il-posta elettronika kienet waslet u, jekk ikun hemm bżonn, meta waslet.

(ara l-punti 75-78)

5.      Jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 230 KE, biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jimmodifikaw b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħhom. Bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti ma tikkawża preġudizzju lil ħadd, peress li hija tagħti biss lill-persuni interessati l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura u li jitfgħu offerta.

(ara l-punti 85, 86)

6.      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, huma meħtieġa numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni mitlubin.

Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għall-kumpens tad-danni jiġi miċħud.

F’dan ir-rigward, u fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) li tirrigwarda l-annullament ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt għal xogħlijiet, is-sempliċi fatt li perijodu ta’ iktar minn sitt xhur kien għadda bejn meta ntbagħtet l-aħħar talba għal kjarifika lill-offerenti u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti ma jistax ifisser li kien hemm aġir illegali min-naħa tal-EAR. Barra minn hekk, ma jista’ jkun hemm l-ebda rabta kawżali bejn iż-żmien li l-EAR ħadet biex tieħu u tikkomunika d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u l-ispejjeż magħmula minn offerent għall-preparazzjoni tal-offerta tiegħu.

(ara l-punti 146, 147, 149, 150)

7.      Sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utili għat-tmexxija tajba tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li tkun għamlet it-talba għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tagħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-inqas informazzjoni minima li turi l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-proċeduri.

Talba għall-produzzjoni tad-dokumenti kollha relattivi għal proċedura għall-għoti ta’ kuntratt tikkorrispondi għal talba għall-produzzjoni tal-fajl intern. Eżami mill-qorti Komunitarja tal-fajl intern ta’ korp Komunitarju sabiex tivverifika jekk id-deċiżjoni tiegħu kinitx influwenzata minn kunsiderazzjonijiet oħra li kienu differenti minn dawk imsemmija fil-motivazzjoni tikkostitwixxi miżura istruttorja eċċezzjonali. Din tippresupponi li ċ-ċirkustanzi tad-deċiżjoni inkwistjoni jagħtu lok għal dubji serji dwar ir-raġunijiet veri, u b’mod partikolari għal suspetti li dawn ir-raġunijiet ma kellhomx x’jaqsmu mal-għanijiet tad-dritt Komunitarju, u, għalhekk, kienu jammontaw għal abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 152, 157)