Language of document : ECLI:EU:C:2024:347

Kawża C301/22

Peter Sweetman

vs

An Bord Pleanála
u
Ireland and the Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ItTieni Awla) tal25 ta’ April 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Artikolu 5 u Anness II – Karatterizzazzjoni tat-tipi ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ – Artikolu 8 u Anness V – Klassifikazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ – Artikolu 11 – Programm ta’ miżuri – Proġett ta’ estrazzjoni ta’ ilma minn lag b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km²”

1.        Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ referenza karatteristiċi tat-tipi ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ – Portata – Lagi ta’ daqs żgħir – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1) u l-Anness II)

(ara l-punti 26 sa 31, u 41, u d-dispożittiv 1)

2.        Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Obbligu li jiġu stabbiliti programmi ta’ monitoraġġ tal-istat tal-ilma tal-wiċċ – Portata – Lagi ta’ daqs żgħir – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 8 u Annessi II u IV)

(ara l-punti 32 sa 41, u d-dispożittiv 1)

3.        Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji sabiex jittejjeb l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u sabiex jiġi pprevenut id-deterjorament tagħhom – Talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa lag ta’ daqs żgħir – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jevalwaw l-effetti ta’ tali proġett fuq korpi oħra tal-ilma tal-wiċċ – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(1)(a))

(ara l-punti 45, 48 sa 61, u 69, u d-dispożittiv 2)

4.        Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji sabiex jittejjeb l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u sabiex jiġi pprevenut id-deterjorament tagħhom – Talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa lag ta’ daqs żgħir – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw il-kompatibbiltà tal-proġett mal-programm ta’ miżuri mħejji għad-distrett idrografiku kkonċernat – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikoli 4(1)(a) u 11)

(ara l-punti 62 sa 69, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-obbligi ambjentali imposti fuq l-Istati Membri skont id-Direttiva 2000/60 (1) fir-rigward tal-lagi ta’ daqs żgħar li jinsabu fit-territorji tagħhom.

F’Lulju 2018, l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda) awtorizzat proġett ta’ żvilupp intiż sabiex jippermetti l-estrazzjoni tal-ilma ħelu minn lag ta’ 0.083 km², li jinsab fil-Kontea ta’ Galway (l-Irlanda).

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2021, il-High Court (il-Qorti Għolja) annullat din id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, minħabba li l-Environmental Protection Agency (l-Aġenzija Irlandiża għall-Protezzjoni tal-Ambjent, iktar ’il quddiem l-“EPA”) kienet naqset milli tipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-lag inkwistjoni, kif meħtieġ mid-Direttiva 2000/60.

Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, parti fil-proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) talbet l-opinjoni tal-EPA. Din ikkunsidrat, bħala tweġiba, li l-lag inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi korp tal-ilma li jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/60.

Peress li qieset li din il-pożizzjoni setgħet taffettwa l-eżitu tal-kawża, il-High Court (il-Qorti Għolja) tiddeċiedi li tiftaħ mill-ġdid din il-kawża u staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2000/60 f’dak li jirrigwarda l-karatterizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-istat ta’ lagi ta’ daqs żgħir, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa lag ta’ daqs żgħir li la kien is-suġġett ta’ karatterizzazzjoni u lanqas ta’ klassifikazzjoni tal-istat tiegħu skont din id-direttiva.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-obbligu tal-Istati Membri li jikkaratterizzaw il-lagi u li jikklassifikaw l-istat ekoloġiku tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex tiżgura l-preservazzjoni jew it-tisħiħ ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, id-Direttiva 2000/60 tipprevedi sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċess kumpless u li jinkludi diversi stadji rregolati fid-dettall, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri neċessarji, skont il-karatteristiċi speċifiċi u l-karatteristiċi tal-korpi tal-ilma identifikati fit-territorji tagħhom.

Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-obbligu tal-Istati Membri li jikkaratterizzaw il-lagi li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60 jeżiġi li ssir analiżi tal-karatteristiċi ta’ kull distrett idrografiku, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness II tal-istess direttiva. Issa, mill-formulazzjoni ta’ dan l-anness jirriżulta b’mod ċar li l-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ referenza karatteristiċi tat-tipi ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ previsti minnu ma jirrigwardax il-lagi li s-superfiċji tagħhom hija inqas minn 0.5 km².

Peress li l-Istati Membri ma humiex obbligati jikklassifikaw, skont l-Artikolu 5 u l-Anness II tad-Direttiva 2000/60, lagi li s-superfiċji tagħhom hija inqas minn 0.5 km², minn dan jirriżulta loġikament li huma lanqas ma għandhom l-obbligu li jikklassifikaw l-istat ekoloġiku ta’ tali lagi, konformement mal-Artikolu 8 u mal-Anness V ta’ din id-direttiva. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta b’mod partikolari minn qari flimkien tal-Annessi II u V tad-Direttiva 2000/60.

Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma jipprekludux lill-Istati Membri li jqisuh xieraq milli jissuġġettaw ċerti tipi ta’ lagi b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km² għall-obbligi ta’ karatterizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2000/60.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali waqt l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa lag ta’ daqs żgħir li la kien is-suġġett ta’ karatterizzazzjoni u lanqas ta’ klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, lanqas ma jkopru l-lagi li s-superfiċji tagħhom hija inqas minn 0.5 km² u li ma ġewx miġbura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni skont din id-direttiva bis-saħħa tal-possibbiltà prevista għal dan l-għan fl-Anness II tagħha.

Fil-fatt, ikun inkompatibbli mal-istruttura tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari man-natura kumplessa tal-proċess li din tistabbilixxi, li n-natura vinkolanti tal-għanijiet ambjentali speċifikati fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tikkonċerna wkoll korpi tal-ilma tal-wiċċ li ma kinux u ma kellhomx obbligatorjament ikunu s-suġġett ta’ karatterizzazzjoni jew ta’ klassifikazzjoni, peress li l-iskop ta’ dawn tal-aħħar huwa madankollu li jippermetti l-kisba tad-data neċessarja għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet.

Madankollu, peress li l-lag inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konness maż-żona speċjali ta’ konservazzjoni tal-bajja u tal-gżejjer ta’ Kilkieran permezz ta’ konnessjoni intermareali diretta, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 u bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha l-obbligu li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta l-effetti tiegħu fuq lag ta’ żona ta’ inqas minn 0.5 km² jistgħu jikkawżaw deterjorament tal-istat ta’ korp ieħor ta’ ilma tal-wiċċ li kien jew li kellu jkun is-suġġett ta’ karatterizzazzjoni skont id-Direttiva 2000/60, jew li jikkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ korp ieħor ta’ ilma tal-wiċċ bħal dan.

Barra minn hekk, hija wkoll l-awtorità kompetenti li għandha tivverifika jekk it-twettiq tal-proġett inkwistjoni huwiex kompatibbli mal-miżuri implimentati taħt il-programm imfassal, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, għad-distrett idrografiku kkonċernat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-portata ta’ programm ta’ miżuri ma hijiex limitata biss għat-“tipi” ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ ikkaratterizzati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60.

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 11(3)(ċ) tad-Direttiva 2000/60, il-“miżuri bażiċi”, li għandhom ikunu inklużi f’kull programm ta’ miżuri u li jikkostitwixxu r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu osservati, għandhom jinkludu miżuri li jippromwovu użu effiċjenti u sostenibbli tal-“ilma” b’mod li jiġi evitat li jiġi kompromess it-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

Issa, fid-dawl tal-fatt li l-kwalità ta’ element tal-ilma tal-wiċċ ta’ daqs żgħir tista’ taffettwa l-kwalità ta’ element ikbar ieħor, protezzjoni tal-ilmijiet li jaqgħu taħt il-korpi tal-ilma tal-wiċċ li, bħal-lag inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinux u ma kellhomx obbligatorjament jiġu kkaratterizzati skont id-Direttiva 2000/60 tista’ tirriżulta neċessarja f’dan il-kuntest. Għall-istess raġuni, jista’ jkun neċessarju li jiġu applikati għall-imsemmija korpi tal-ilma tal-wiċċ ta’ daqs żgħir miżuri ta’ kontroll tal-estrazzjoni tal-ilma, kif imsemmija fl-Artikolu 11(3)(e) tad-Direttiva 2000/60 u fil-punt (viii) tal-Parti B tal-Anness VI tagħha.


1      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).