Language of document : ECLI:EU:C:2017:12

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2017 (1)

Kawża C‑620/15

A-Rosa Flussschiff GmbH

vs

Union de recouvrement des cotisations de sigurtà sociale et d’allocations familiales (Urssaf) tal-Alsace, aventi kawża tal-Urssaf tal-Bas-Rhin,

Sozialversicherungsanstalt des Kantons Graubünden

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Sigurtà soċjali – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Artikolu 14(2)(a)(i) – Persuni li huma membri tal-persunal li jinnaviga ta’ impriża li topera transport internazzjonali għall-passiġġieri – Fergħa Svizzera– Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 12a(1a) – Ċertifikat E 101 – Effett vinkolanti”






I –    Introduzzjoni

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, diversi drabi, li ċ‑ċertifikat E 101 (2) maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti (3) ta’ Stat Membru, li jiċċertifika l-affiljazzjoni mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ ħaddiem li jiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jorbot kemm l-istituzzjoni kompetenti kif ukoll il-qrati tal-Istat Membru ospitanti, b’tali mod li l-ħaddiem ma jistax ikun suġġett għas-sistema tas‑sigurtà soċjali ta’ dan l-aħħar Stat Membru (4).

2.        F’din il-kawża, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza), f’seduta plenarja, essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għal sitwazzjonijiet fejn huwa kkonstatat mill‑istituzzjoni kompetenti jew mill-qrati tal-Istat Membru ospitanti li l‑kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 ma kinux manifestament issodisfatti (5).

3.        Il-kawża prinċipali hija bejn kumpannija Ġermaniża u l‑awtoritajiet tas-sigurtà soċjali Franċiżi fir-rigward tal-irkupru ta’ iktar minn EUR 2 miljuni, abbażi tal-applikazzjoni tal-liġi Franċiża dwar is-sigurtà soċjali, minħabba li din il-kumpannija naqset milli tħallas kontribuzzjonijiet lis-sistema Franċiża tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema impjegati li jaħdmu abbord bastimenti ta’ kruċieri fix-xmajjar Franċiżi. L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li peress li matul il-kuntratt tagħhom kollu, l-impjegati kkonċernati kienu assenjati fuq bastimenti li jinnavigaw esklużivament fi Franza, huma kienu suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Franċiża, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (6), li jistabbilixxi r-regola ġenerali li l-persuna li teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal‑leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat.

4.        Minn naħa tagħha, il-kumpannija tinvoka l-applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Svizzera għall-impjegati kkonċernati, abbażi ta’ ċertifikati E 101, li jiċċertifikaw l-affiljazzjoni tagħhom mas‑sistema ta’ sigurtà soċjali Svizzera. Dawn iċ-ċertifikati nħarġu mill‑istituzzjoni kompetenti Svizzera abbażi tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tal‑imsemmi regolament, li jipprovdi l-eċċezzjoni li persuna impjegata minn fergħa li hija membru tal-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir ta’ impriża li topera trasport internazzjonali għall-passiġġieri hija suġġetta għal leġiżlazzjoni tal-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab din il-fergħa.

5.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-attività tal‑impjegati inkwistjoni ma jaqgħux manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71. Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik, dwar jekk f’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-istituzzjoni kompetenti jew il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jistgħux jevalwaw, u jekk ikun il-każ, jikkontestaw, b’mod eċċezzjonali, il-validità ta’ ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

6.        It-talba tqajjem il-kwistjoni delikata tal-ibbilanċjar, fil-qasam tas‑sigurtà soċjali, minn naħa, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, u min-naħa l-oħra, tan-neċessità li tkun żgurata applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71. Din il-kwistjoni kibret fl‑importanza f’dawn l-aħħar snin minħabba l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri (7).

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma huwiex iġġustifikat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tingħata direzzjoni oħra, b’mod li tirrikonoxxi eċċezzjoni għall-effett vinkolanti taċ‑ċertifikat E 101.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 1408/71

8.        L-Artikolu 13(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, li jinsab fit-Titolu II, intitolat “Determinazzjoni tal‑leġislazzjoni applikabbli”, jipprovdi:

“1.      […] persuni li għalihom jgħodd dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Dik il-leġislazzjoni għandha tiġi stabbilita skond id-dispożizzjonijiet ta dan it-Titolu.

2.      Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:

a.      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l‑intrapriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha jkun jinsab fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor”

9.        L-Artikolu 14(2)(a)(i) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, għajr għall-baħħara, ingaġġati f’impjieg bi ħlas” u li jinsab taħt l-istess Titolu, jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2)(a) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ‑ċirkostanzi segwenti:

[…]

2.      Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni stabbilita kif segwit:

b.      persuna li tkun membru ta’ persunal ta’ l-ivvjaġġar jew tat‑titjir ta’ impriża li, għal kiri jew kumpens jew fuq l‑akkont tagħha stess, tħaddem servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew ta’ merkanzija bil‑ferrovija, bl-art, bl-ajru jew b’passaġġi interni fuq l-ilma u jkollha l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha tkun soġġetta għal‑leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

i.      fejn l-intrapriża imsemmija jkollha fergħa jew rappreżentanza permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih hija jkollha l-uffiċċju jew il-post tan-negozju rreġistrat tagħha, persuna impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti bħal din għandha tkun soġġetta għal‑leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab din il-fergħa jew rappreżentanza permanenti”

10.      L-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ir‑relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir‑Regolament” jipprovdi:

“Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal‑persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l‑istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni”.

11.      Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit bir‑Regolament Nru 883/2004 (8), b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 (9). Il-fatti rilevanti tal-kawża prinċipali jibqgħu għalhekk irregolati, ratione temporis, mir-Regolament Nru 1408/71 (10).

B –    Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72

12.      L-Artikolu 12a(1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 (11), li jinsab fit-Titolu III, intitolat “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli” jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14(2) […] tar‑Regolament, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

[…]

Meta, skond l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament, persuna li tkun fost il‑persunal li jivvjaġġa, inkluż bl-ajru, ta’ impriża tat-trasport internazzjonali tkun suġġetta għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-impriża jew il-fergħa jew l-istabbiliment permanenti li jimpjegaha, jew fejn hija tirrisjedi u hi prevalentement impjegata, l-istituzzjoni indikata mill‑awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha toħroġ lill‑persuna kkonċernata ċertifikat li jgħid li hi suġġetta għal-liġi tiegħu”.

13.      Ir-Regolament Nru 574/72 tħassar u ġie ssostitwit bir‑Regolament Nru 987/2009 (12), b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 (13). L-ewwel regolament jibqa’ għalhekk applikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali (14).

C –    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l‑Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni

14.      L-Artikolu 8(b) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l‑oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE‑Svizzera” (15), intitolat “Il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali”, jipprovdi:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

c.      tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli”.

15.      L-Anness II tal-Ftehim KE‑Svizzera, intitolat “Koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali”, jistabbilixxi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.      Il-partijiet kontraenti jaqbdlu, fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Komunità li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.      It-terminu ‘Stat(i) Membr(i)’ li jinsab fl-atti li għalihom issir referenza fit-Taqsima A ta’ dan l-anness, huwa kkunsidrat li jirreferi, barra mill-Istati koperti mill-atti tal-Komunità inkwistjoni, għall-Isvizzera”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.      It-Taqsima A tal-imsemmi anness jagħmel riferiment b’mod partikolari għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72.

17.      Skont l-Artikolu 90(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 u l‑Artikolu 96(1)(c) tar-Regolament Nru 987/2009, ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 jibqgħu fis-seħħ u l-effetti ġuridiċi tagħhom huma ppreżervati għall-finijiet, fost oħrajn, tal-Ftehim KE‑Svizzera, sakemm dan il-ftehim ma ġiex emendat permezz tar‑Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009.

18.      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim KE‑Svizzera (16), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, it‑Taqsima A tal-Anness II tal-Ftehim ġiet aġġornata u issa tirreferi għar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009. Peress li l‑fatti rilevanti tal-kawża prinċipali, ġraw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, dawn jibqgħu rregolati, ratione temporis, mir‑Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 (17).

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Il-kumpannija A‑Rosa Flussschiff GmbH (iktar ’il quddiem “A‑Rosa”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li s-sede tagħha huwa stabbilit fil-Ġermanja, torganizza kruċieri fuq diversi xmajjar fl‑Ewropa. A‑Rosa għandha fergħa stabbilita fl-Isvizzera li l-attività tagħha tikkonsisti fl-immaniġġjar tal-aspetti kollha ta’ operazzjoni, dawk ġuridiċi u ta’ tmexxija tal-vapuri li jinnavigaw fl-Ewropa kif ukoll ir‑riżorsi umani fir-rigward tal-persunal użat fuq dawn il-vapuri. Il‑kumpannija la għandha sussidjarja u lanqas fergħa fi Franza.

20.      A‑Rosa tmexxi b’mod partikolari żewġ vapuri tal-kruċiera fi Franza fir-Rhône u fis-Saône, li abbord tagħhom jaħdmu impjegati staġjonali ċittadini ta’ Stati Membri li ma jinkludux lil Franza u li għandhom funzjonijiet ta’ lukanda. Iż-żewġ vapuri jinnavigaw esklużivament f’ibħra interni Franċiżi.

21.      Fis-7 ta’ Ġunju 2007, A‑Rosa kienet suġġetta għal spezzjoni mhux mistennija fuq dawn iż-żewġ vapuri, u sussegwentement l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali Franċiżi rrilevaw xi irregolaritajiet fl-assigurazzjoni soċjali ta’ xi 90 impjegat li jokkupaw funzjonijiet ta’ lukanda abbord iż‑żewġ vapuri. L-impjegati kkonċernati kienu ngaġġati u impjegati mill‑fergħa Svizzera tal-kumpannija, permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol suġġetti għad-dritt Svizzeru.

22.      Waqt dawn l-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, A‑Rosa pproduċiet l‑ewwel lott ta’ ċertifikati E 101, għas-sena 2007, maħruġa fis-6 ta’ Settembru 2007 mis-Sozialversicherungsanstalt des Kantons Graubünden (Istituzzjoni ta’ assigurazzjoni soċjali tad-distrett awtonomu ta’ Grisons, l-Isvizzera, iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni Svizzera”), li jiċċertifikaw l‑affiljazzjoni tal-impjegati kkonċernati mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Svizzera, skont l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

23.      Fit-22 ta’ Ottubru 2007, l-Unjoni għall-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ allowance tal-familja (iktar ’il quddiem l-“Urssaf”) tal-Bas Rhin innotifikat lil A‑Rosa bi rkupru ta’ EUR 2 024 123, interessi moratorji inklużi, għax naqset milli tħallas kontribuzzjonijiet lis-sistema Franċiża ta’ sigurtà soċjali għall-impjegati kkonċernati għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2005 u t-30 ta’ Settembru 2007.

24.      Fis-7 ta’ Lulju 2008, A‑Rosa kkontestat l-irkupru quddiem it-tribunal des affaires de sécurité sociale du Bas‑Rhin (qorti għall-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Bas Rhin, Franza) li ċaħad ir-rikors permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Frar 2011. Din it-qorti kkunsidrat b’mod partikolari, minn naħa, li l-attività tal-kumpannija fi Franza kienet abitwali, stabbli u kontinwa u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l‑persuna li timpjega pproduċiet ċertifikati E 101 ma jistax jiġġustifika annullament tal-irkupru kontenzjuż.

25.      Fl-10 ta’ Marzu 2011, A‑Rosa appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Colmar (France) [qorti tal-appell ta’ Colmar (Franza)]. L-Urssaf tal-Alsace aventi kawża tal-Urssaf tal-Bas Rhin, talbet lil din il-qorti, b’mod partikolari, li tikkonferma s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2011 tat-tribunal des affaires de sécurité sociale du Bas‑Rhin (France) [qorti għall‑kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Bas Rhin (Franza)].

26.      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011, intitolata “Talba għall‑irtirar tal-formuli E 101 maħruġa lil persuni impjegati mill‑kumpannija [A‑Rosa] fi Franza”, l-Urssaf tal-Bas Rhin ippreżentat talba għall-irtirar taċ-ċertifikati E 101 lill-istituzzjoni Svizzera, billi rrilevat b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“Ladarba l-attività tal-vapuri hija eżerċitata b’mod permanenti u esklużivament fi Franza, l-impjegati ngaġġati speċifikatament sabiex joperaw abbord il-vapur kellhom ikunu suġġetti għal dikjarazzjonijiet perijodiċi quddiem l-organi ta’ protezzjoni soċjali Franciżi.

[…]

Peress li n-navigazzjoni hija biss fuq ilmijiet territorjali Franċiżi, jirriżulta li l-[Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71] li jipprevedi t‑trasport internazzjonali għall-passiġġieri ma huwiex applikabbli għas‑sitwazzjoni tal-impjegati ta’ din il-kumpannija.

Konsegwentement, il-formuli E 101 maħruġa għal dawn l-impjegati ma kellhomx ikunu bbażati fuq l-[Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71]”.

27.      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Awwissu 2011, indirizzata lill-Urssaf tal-Bas Rhin, l-istituzzjoni Svizzera rrilevat b’mod partikolari dan li ġej (18):

“L-impriża [A‑Rosa] toffri vjaġġi abbord vapuri ta’ kruciera fuq id‑Donau, ir-Rhône/Saône u fuq ir-Rhein. Barra minn hekk, il‑kumpannija teżerċita attivitajiet kummerċjali notevoli fl-Isvizzera. Is‑sussidjarja Svizzera f’Chur hija responsabbli mill-operazzjonijiet kollha li jirrigwardaw t-tmexxija ta’ vapuri ta’ kruċiera. Ir-reklutaġġ tal‑persunal isir ukoll bl-intervent tas-sussidjarja Svizzera f’Chur.

Il-vjaġġi fuq id-Donau u r-Rhein jaqsmu b’mod partikolari diversi pajjiżi Ewropej. [A‑Rosa] targumenta wkoll li l-persunal li jinnaviga huwa impjegat ukoll fi rwoli oħra fuq vapuri u itinerarji differenti. L-impjegati ta’ [A‑Rosa] jissodisfaw fil-prinċipju l-kundizzjonijiet imsemmija fl‑[Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71].

Aħna ġbidna l-attenzjoni tal-impriża [A‑Rosa] dwar il-fatt li skont id-dispożizzjonijiet tal-[Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71], il-leġiżlazzjonijiet speċjali dwar l-impjegati japplikaw biss jekk dawn tal‑aħħar jaħdmu għal impriża ta’ trasport internazzjonali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar. Meta l-persuni jeżerċitaw effettivament l‑attività tagħhom abbord vapuri fuq territorju Franċiż biss, id‑dispożizzjonijiet legali Franċiżi huma applikabbli minħabba l‑prinċipju tal-post tal-attività ([l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71]).

Aħna obbligajna issa lill-impriża [A‑Rosa] […] tnaqqas il‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali [b’konformità] mad-dritt tal-pajjiżi rispettivi għall-persuni li effettivament jaħdmu biss fi Stat [tal-Unjoni Ewropea] wieħed.

Fid-dawl tal-fatti kollha u peress li hu mistenni li l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali tnaqqsu u tħallsu fl-Isvizzera fl-2007 għall‑persuni li jagħtu lok għall-ilment minn naħa tagħkom, aħna nitolbukom tirrinunzjaw għal korrezzjoni retroattiva tal-issuġġettar tal‑assigurazzjoni għad-dispożizzjonijiet legali Franċiżi”.

28.      Matul il-proċedura quddiem il-cour d’appel de Colmar (qorti tal-appell ta’ Colmar), A‑Rosa pproduċiet it-tieni lott ta’ ċertifikati E 101, għas-snin 2005 u 2006, maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti Svizzera fl-14 ta’ Mejju 2012, skont l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

29.      B’sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, il-qorti tal-appell ċaħdet essenzjalment l-appell ta’ A‑Rosa. Din il-qorti kkunsidrat b’mod partikolari li ċ-ċertifikati E 101 prodotti mill-kumpannija ma jeħilsuhiex mill-obbligi tagħha fir-rigward tas-sistema Franċiża ta’ sigurtà soċjali li għaliha l-impjegati kkonċernati għandhom ikunu suġġetti skont l‑Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Fir-rigward tal‑eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14(2)(a)(i) ta’ dan ir-regolament, l‑imsemmija qorti għamlet il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“[…] [M]inn naħa, […] l-uniċi dikjarazzjonijiet E 101 ipprovduti ma jirrigwardawx l-impjiegi effettivament okkupati abbord il-vapuri Luna u Stella, u l-isem ta’ dawn il-vapuri lanqas ma huwa indikat.

Min-naħa l-oħra u barra minn hekk, il-kumpannija appellanti ma tirrapportax li impjegat il-persunal inkwistjoni barra minn funzjonijiet ta’ lukanda fuq il-vapuri tagħha Luna u Stella. Kif tippreċiża hija stess, hija tuża dawn iż-żewġ vapuri ta’ kruciera biss fuq ir-Rhône u s-Saône mix-xahar ta’ April sax-xahar ta’ Novembru, u żżommhom fl-irmiġġ ta’ Lyon fil‑perijodu tax-xitwa.

Minn dan isegwi li, anki jekk il-klijentela tista’ tkun ġejja minn pajjiż barrani u kkuntrattat mal-kumpannija appellanti barra mit-territorju Franċiż, it‑trasport ta’ persuni fuq l-ilma, li għalih kien assenjat il-persunal inkwistjoni, kien operat biss ġewwa il-fruntieri nazzjonali u ma għandux natura internazzjonali.

Huwa minnu li l-kumpannija appellanti ngħatat ċertifikati E 101 skont l‑[Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71], iżda għandu jiġi osservat li hija qadet attenta li ma tispjegax il-postijiet tat-twettiq tal-provvista ta’ xogħol u lanqas il-vapuri li ser jintużaw. B’hekk hija rriżervat il-possibbiltà li timpjega l-persunal ingaġġat fi trasport internazzjonali, b’mod partikolari fuq il-vapuri li, barra minn hekk, hija tiddikjara li topera fuq ir‑Rhein u fuq id-Donau, u ma hemmx lok li titqiegħed f’dubju l-validità taċ-ċertifikati E 101 li ġew prodotti fid-dibattiti.

Iżda, ladarba l-persunal inkwistjoni kien fl-aħħar mill-aħħar impjegat għall-kruċieri fi Franza biss, il-kumpannija appellanti ma tistax tibbenefika mis-sistema derogatorja prevista fil-qasam ta’ transport internazzjonali tal-persuni”.

30.      Mis-sentenza tal-cour d’appel de Colmar (qorti tal-appell ta’ Colmar) tat-12 ta’ Settembru 2013 jirriżulta li l-Urssaf tal-Alsace sejħet fil-kawża lill‑istituzzjoni Svizzera iżda din ma dehritx u lanqas ma kienet irrappreżentata.

31.      Fil-21 ta’ Ottubru 2013, A‑Rosa appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) li, fis-seduta plenarja tagħha, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-effett marbut maċ-ċertifikat E 101 maħruġ, skont l-Artikoli 11(1) u 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 […], mill-istituzzjoni indikata mill‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali tibqa’ tapplika għas-sitwazzjoni tal-ħaddiem impjegat, huwa impost, minn naħa, fuq l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet tal-Istat ospitanti, u min-naħa l-oħra, fuq il-qrati tal-istess Stat Membru, meta jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem impjegat ma jaqgħux manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regoli derogatorji tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71?”

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A‑Rosa, l‑Urssaf tal-Alsace, il-Gvern Belġjan u Ċek, L-Irlanda, il-Gvern Franċiż u Ċiprijott, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li nżammet fil-5 ta’ Ottubru 2016, A‑Rosa, l-Urssaf tal-Alsace, il-Gvern Belġjan, l-Irlanda u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet introduttivi

33.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, tippreċiża jekk l-effett vinkolanti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja normalment torbot ma’ ċertifikat E 101 (19) jorbotx lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru ospitanti, meta dawn jikkonstataw li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-impjegat ma jaqgħux manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71.

34.      Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li din il-problema tqum fil-preżent f’numru ta’ kawżi minħabba n-natura internazzjonali tal-attività tal-impriżi u tal-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ ottimizzazzjoni fiskali u soċjali, b’mod li tikkontesta l‑prinċipji ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ipprovduti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li din it-talba taqa’ fl-estensjoni ta’ żewġ sentenzi, mogħtija fil-11 ta’ Marzu 2014 mill-Awla Kriminali tal-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza), li jikkontestaw, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, l-effett vinkolanti ta’ ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (20).

35.      Għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni nħarġu mill-istituzzjoni Svizzera skont l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-eċċezzjoni dwar il-persuni membri tal-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir ta’ impriża li topera trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għal-merkanzija (21). Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 tqum biss, f’dan il-każ, fir‑rigward ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-effett vinkolanti taċ‑ċertifikat E 101 ma jistax imur lil hinn mill-kontenut stess ta’ dan iċ‑ċertifikat. Jiena nikkunsidra, għalhekk, li d-domanda preliminari tipprevedi, fir-realtà, din id-dispożizzjoni u mhux eċċezzjonijiet oħra previsti mill-imsemmi artikolu (22).

36.      Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni f’dan is-sens li dan il-każ jirrigwarda, kif donnhom jallegaw l-Urssaf tal-Alsace u l-Gvern Franċiż (23), każ ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt min-naħa ta’ A‑Rosa jew tal-ħaddiema kkonċernati. Għalhekk, fl‑analiżi segwenti, jiena ser nitlaq mill-premessa li d-domanda preliminari ma hijiex intiża sabiex tikseb spjegazzjonijiet dwar l‑applikabbiltà tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 f’każ ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi (24).

37.      Mill-banda l-oħra, jiena nikkunsidra li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk istituzzjoni kompetenti jew il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jistgħux jiskartaw ċertifikat E 101, għall-finijiet li jissuġġettaw il-ħaddiem għas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn din l-istituzzjoni jew dawn il-qrati jikkonstataw li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-impjegat ma jaqgħux manifestament fil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha nħareġ iċ-ċertifikat E 101, f’dan il-każ l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar‑Regolament Nru 1408/71, filwaqt li, minkejja din il-konstatazzjoni, l‑istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat ma rtiratx jew annullat l-imsemmi ċertifikat (25).

38.      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, kien hemm djalogu bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-istituzzjoni Svizzera li ħarġet iċ‑ċertifikati E 101 dwar l-irtirar tagħhom. F’dan il-kuntest, l-istituzzjoni Svizzera rrikonoxxiet quddiem l-awtoritajiet Franċiżi li l-imsemmi Artikolu 14(2)(a) ma jistax ikun applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati, jekk dawn tal-aħħar jeżerċitaw effettivament l-attività tagħhom abbord vapuri fit-territorju Franċiż biss (26).

39.      Madankollu l-istituzzjoni Svizzera ma għamlet ebda evalwazzjoni konkreta dwar jekk u sa fejn il-ħaddiema kkonċernati jaqgħu f’dan l‑eżempju, għall-finijiet li tiddetermina, għal kull wieħed minn dawn iċ‑ċertifikati, jekk kienx hemm lok li tirtirahom jew tannullahom. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jirrinunzjaw għal korrezzjoni retroattiva tal-issuġġettar tal-assigurazzjoni għad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż, li kienet irrifjutata b’mod impliċitu mill-awtoritajiet Franċiżi. Fil-fatt, l-irkupru nnotifikat lil A‑Rosa jippreżumi preċiżament tali korrezzjoni b’mod retroattiv (27). Fil-qosor, id‑djalogu bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-istituzzjoni Svizzera ma ppermettietx li jissolvew il-problemi mqajma f’dan il-każ u b’mod partikolari l-kwistjoni tal-irtirar taċ-ċertifikati E 101 u l-korrezzjonijiet li għandhom isiru f’dan ir-rigward.

40.      Il-kwistjoni ta’ prinċipju fiċ-ċentru ta’ din il-kawża hija dik li fl‑aħħar mill-aħħar tiġi ddeterminata l-awtorità nazzjonali kompetenti, f’tali sitwazzjoni, sabiex tiddetermina l-validità taċ-ċertifikat E 101 u għalhekk, sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali applikabbli għas-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat, skont id‑dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. L‑istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat E 101 dejjem għandha l-aħħar kelma dwar is-saħħa vinkolanti taċ-ċertifikat? Jew f’tali sitwazzjoni, għandha tingħata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew, tal-inqas lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru, il-possibbiltà li jiskartaw iċ-ċertifikat E 101, meta l-istituzzjoni li ħarġitu ma tipproċedix hija stess għall-irtirar jew l-annullament taċ-ċertifikat?

B –    Ir-risposti proposti

41.      A‑Rosa, il-Gvern Ċek, l-Irlanda u l-Gvern Ċiprijott kif ukoll il‑Kummissjoni jipproponu li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-effett vinkolanti ta’ ċertifikat E 101 jorbot ukoll f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn istituzzjoni kompetenti jew il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jkunu kkonstataw li l‑kundizzjonijiet tal-attività ta’ impjegat ma taqax manifestament fil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar‑Regolament Nru 1408/71. Skont dawn il-partijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mibdija mis-sentenza FTS (28), jirriżulta li hija biss l‑istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat E 101, f’dan il-każ l-istituzzjoni Svizzera, li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-annullament jew in‑nuqqas ta’ applikazzjoni taċ-ċertifikat E 101, bl-irtirar tiegħu, jekk hija tikkonstata li hija ħarġet iċ-ċertifikat bi żball.

42.      Mill-banda l-oħra, l-Urssaf tal-Alsace u l-Gvern Franċiż jipproponu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi bi bdil fid‑direzzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, billi tirrikonoxxi lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru ospitanti l-possibbiltà li j iċ-ċertifikat E 101, f’każ ta’ inapplikabbiltà manifesta tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha nħareġ iċ-ċertifikat. Dawn il-partijiet jinvokaw, fl-ewwel lok, id-dgħjufija li jippreżentaw il-proċeduri ta’ djalogu u konċiljazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1408/71 sabiex jiżguraw lill-Istat Membru ospitanti rimedju effettiv, fl-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Istat li joħroġ iċ-ċertifikat E 101 jew f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil miegħu. Fit-tieni lok, dawn il-partijiet jibbażaw ruħhom fuq l-importanza rrikonoxxuta mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntesti oħra, lill‑prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u d-dumping soċjali (29).

43.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Belġjan jikkunsidra li, fis-sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari, bdil fid-direzzjoni tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja, sabiex istituzzjoni kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jiskartaw iċ-ċertifikat E 101, peress sempliċement għandu jiġi kkonstatat, prima facie, li ċ-ċertifikat inħareġ għal attività differenti minn dik imwettqa mill-ħaddiem koperta mill-imsemmi ċertifikat.

C –    Fuq ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101

44.      Qabel nindirizza l-kwistjoni ta’ bdil fid-direzzjoni tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti ta’ ċertifikat E 101, jiena naħseb li huwa utli li nfakkar il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet stabbiliti mid‑dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-kunsiderazzjoni sottostanti għal din il-ġurisprudenza.

45.      Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-Regolament Nru 1408/71 huwa ntiż biss sabiex jelabora sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li jirrispetta l‑karatteristiċi proprji tagħhom (30), ir-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament jorbtu b’mod imperattiv lill-Istati Membri (31). Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li minnhom jifforma parti l-Artikolu 14(2)(a)(i), jistabbilixxu, skont il-kliem stess tal‑Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (32).

46.      Dan il-prinċipju ġenerali ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru1408/71, li jipprovdi li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament huma suġġetti biss għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed (33).

47.      Iċ-ċertifikat E 101 għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal‑imsemmi prinċipju, billi jevita, f’każijiet preċiżi, l-emerġenza ta’ kunflitti ta’ kompetenza li jirriżultaw minn evalwazzjoni diverġenti tal‑leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli (34). F’dan ir-rigward, iċ‑ċertifikat E 101 jikkontribwixxi sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal‑ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni (35), u għalhekk, jiffaċilita l‑moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, li jikkostitwixxi l-għan li jrid jintlaħaq mir-Regolament Nru 1408/71 (36).

48.      Fir-rigward tal-effett legali taċ-ċertifikat E 101, hija ġurisprudenza stabbilita li sakemm dan iċ-ċertifikat ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tikkunsidra l-fatt li l-ħaddiem huwa diġà suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat fejn l-impriża li timpjegah hija stabbilita. Din l-istituzzjoni ma tistax, konsegwentement, tissuġġetta lill-ħaddiema inkwistjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħha (37). Il-Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ċ-ċertifikat E 101 jorbot ukoll il-qrati tal‑Istat Membru ospitanti, li għalhekk ma jistgħux jivverifikaw il-validità ta’ ċertifikat E 101 għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom jinħareġ tali ċertifikat (38).

49.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxu għalhekk mhux biss sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet, iżda jistabbilixxu b’mod parallel sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri (39), fis-sens li l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat E 101 hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-validità tiegħu u sabiex tiddetermina, jew fuq inizjattiva tagħha stess, jew b’risposta għal talba magħmula minn istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jekk fid-dawl tal-informazzjoni miġbura dwar is‑sitwazzjoni reali tal-ħaddiem, hemmx lok li l-imsemmi ċertifikat jiġi irtirat jew annullat, li jkollu l-effett li dan iċ-ċertifikat ma jorbotx iktar lill‑istituzzjonijiet kompetenti u lill-qrati ta’ Stati Membri oħra (40).

50.      L-insistenza min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura esklużiva tal-kompetenza tal-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat, dwar l-evalwazzjoni tal-validità ta’ ċertifikat E 101 (41), hija dovuta mhux għall-approċċ formalistiku, iżda hija bbażata, fl-opinjoni tiegħi, fuq in-neċessità li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni, stabbilit fl‑Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ kompetenza parallela favur l-Istat Membru ospitanti timplika b’mod inevitabbli r-riskju ta’ konfront ta’ deċiżjonijiet kuntrarji dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli f’każ preċiż u għalhekk, ir-riskju ta’ assigurazzjoni doppja ta’ sigurtà soċjali, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha, fosthom l-issuġġettar ta’ ħaddiem għal kontribuzzjoni doppja (42). Barra minn hekk, il-ħaddiem ma għandu ebda rimedju sabiex jipprekludi tali kwistjoni (43).

51.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji xejn ma huwa negliġibbli, fid-dawl tal-kumplessità tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u tal-interessi nazzjonali opposti li jipprevalixxu fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Kif juri tajjeb dan il-każ, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is‑sigurtà soċjali applikabbli tista’ tkun is-suġġett ta’ opinjonijiet diverġenti, anki fil-każ fejn l-istituzzjoni kompetenti jew il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jikkunsidraw li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem ma taqax manifestament taħt id-dispożizzjoni li abbażi tagħha jkun inħareġ iċ‑ċertifikat E 101 (44).

52.      Anki jekk jiġi preżunt li l-kontribuzzjonijiet diġà mħallsa jistgħu jintalbu lura, l-issuġġettar eventwali ta’ ħaddiem għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti tista’ toħloq inċertezza legali għall‑ħaddiem. Issa, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa applikabbli b’mod partikolarment rigoruż fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi piżijiet finanzjarji, sabiex jiġi permess lill‑persuni kkonċernati jkunu jafu bi preċiżjoni l-estent tal-obbligi li hija timponi fuqhom (45). Barra minn hekk, tali talba timplika neċessarjament kumplikazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji, li jmur kontra l-għan ġenerali tar-Regolament Nru 1408/71 li jiffaċilita l-moviment liberu tal‑ħaddiema ġewwa l-Unjoni (46).

53.      L-osservazzjonijiet preċedenti japplikaw, fl-opinjoni tiegħi, kemm għall-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll għall‑qrati ta’ dak l-Istat Membru. Fil-fatt, il-konsegwenzi għall-ħaddiem ikkonċernat ma humiex inqas gravi fil-każ fejn iċ-ċertifikat E 101 ikun wara proċedura ġudizzjarja (47).

54.      Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-qrati tal-Istat Membru ospitanti jannullaw ċertifikat E 101 li ġej minn Stat Membru ieħor jidhirli li hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ġenerali li d-deċiżjonijiet ta’ awtorità ta’ Stat Membru huma mistħarrġa mill-qrati ta’ dak l-Istat (48). Fil‑fatt, sa fejn iċ-ċertifikat E 101 jiċċertifika l-affiljazzjoni tal-ħaddiem mas‑sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat, dan iċ-ċertifikat għandu jkun ikkunsidrat bħala att ta’ dan l-Istat Membru (49).

55.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ‑ċertifikat E 101 hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali marbuta mal-prinċipji u mal-għanijiet sottostanti għar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk ma jistax jiġi previst bdil fid‑direzzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, sakemm ma jintweriex li tali bdil fid-direzzjoni huwa verament neċessarju sabiex jiżgura l‑applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli.

56.      Dan japplika iktar u iktar, billi fir-reviżjoni tal-qafas regolatorju dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, il-leġiżlatur Ewropew għażel li jikkodifika l-interpretazzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, filwaqt li żamm il-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità taċ‑ċertifikat E 101 (50).

57.      Imbagħad għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta l-Gvern Belġjan (51), ir-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-possibbiltà li l-istituzzjoni kompetenti jew il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jannullaw ċertifikat E 101 maħruġ minn istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi mingħajr dubju bdil fid-direzzjoni tal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, tali eċċezzjoni tal-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 timplika deroga mit-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri, kif stabbilit minn din il-ġurisprudenza.

58.      Fl-analiżi segwenti ser neżamina ż-żewġ argumenti prinċipali invokati mill-Urssaf tal-Alsace u mill-Gvern Franċiż insostenn tal‑proposti tagħhom intiżi sabiex tiġi stabbilita eċċezzjoni għall-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, jiġifieri, minn naħa, l-allegati nuqqasijiet tal-proċeduri ta’ djologu u ta’ konċiljazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1408/71 għall-finijiet li l-Istat Membru ospitanti jingħata rimedju effettiv sabiex jikseb l-irtirar ta’ ċertifikat E 101 (Taqsima D), u min-naħa l-oħra, l-importanza mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntesti oħra, lill-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u ta’ dumping soċjali (Taqsima E) (52).

D –    Fuq il-proċeduri ta’ djalogu u konċiljazzjoni stabbiliti mir‑Regolament Nru 1408/71

59.      Minkejja li ma huwiex permess li istituzzjoni kompetenti jew qrati tal-Istat Membru ospitanti jiskartaw iċ-ċertifikat E 101, ir-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, mill-banda l-oħra, proċedura li għandha tkun segwita sabiex jinkiseb l-irtirar jew l-annullament ta’ dan iċ-ċertifikat mill-istituzzjoni li tkun ħarġitu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn huwa kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ma humiex manifestament issodisfatti.

60.      Din il-proċedura hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, li jorbot kemm lill-Istat Membru ospitanti kif ukoll l-Istat li ħareġ iċ-ċertifikat E 101.

61.      Minn naħa, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lill‑istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, kif jirriżulta mill‑Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, li tibda proċedura ta’ djalogu mal-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat E 101, meta din tikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikat ma humiex issodisfatti (53). Fl-opinjoni tiegħi l-istess japplika meta bħal f’dan il-każ, l‑istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tikkunsidra li ċ‑ċertifikat ma huwiex komplut (54). F’dak il-każ, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni jimplika għalhekk li l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat għandu jkollha l-possibbiltà li tipproċedi bil-korrezzjoni taċ-ċertifikat jew, jekk ikun il‑każ, għall-irtirar tiegħu.

62.      Il-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat lanqas ma jista’ jkollu effett fuq l‑obbligu tal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li tibda djalogu mal-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, meta hija tikkunsidra li hemm lok għall-irtirar taċ-ċertifikat E 101 (55). Infakkar li minkejja li preferibbilment iċ-ċertifikat E 101 jinħareġ qabel il-bidu tal-perijodu li huwa jkopri, huwa jista’ jinħareġ ukoll matul dan il-perijodu, jew saħansitra wara l‑iskadenza tiegħu (56). Din il-konklużjoni tirriżulta mill-fatt li ċ-ċertifikat waħdu la joħloq dritt u lanqas relazzjoni legali, iżda huwa intiż sempliċement sabiex jiċċertifika l-affiljazzjoni tal-ħaddiem, matul il‑perijodu previst, mas-sistema ta’ sigurtà soċjali li taħtha taqa’ l‑istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat.

63.      Mill-banda l-oħra, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lill‑istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat E 101 tagħmel evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id‑determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u għalhekk tiżgura l-eżattezza tal-fatti msemmija fiċ‑ċertifikat E 101 (57). F’dan il-kuntest, hija din l-istituzzjoni li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101, u jekk ikun il-każ, tirtirah, meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti turi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tal-imsemmi ċertifikat u, għalhekk, tal-fatti li jinsabu fih, b’mod partikolari għaliex dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 (58).

64.      Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni f’terminu raġonevoli bejn l‑istituzzjonijiet ikkonċernati, l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi l-possibbiltà li tiġi adita l-Kummissjoni Amministrattiva għas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”) (59). Skont l-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 1408/71, din il-kummissjoni hija responsabbli, b’mod partikolari, milli tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (60).

65.      Fil-każ fejn il-Kummissjoni Amministrattiva ma tasalx sabiex tirrikonċilja l-perspettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni applikabbli f’każ partikolari, jibqa’ l-possibbiltà li l-Istat Membru ospitanti, mingħajr preġudizzju għar-rimedji possibbli ta’ natura ġudizzjarja li jeżistu fl-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat (61), jibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 259 TFUE kontra dan l-aħħar Stat Membru (62). Irrid inżid li tali proċedura tista’ tkun mibdija mill-intermedjarju tal-Kummissjoni (63). F’dan il-każ, il-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat li ħareġ iċ-ċertifikati E 101 huwa madankollu eskluż peress li l-Konfiderazzjoni Svizzera ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra, il-Ftehim KE‑Svizzera jipprovdi l-possibbiltà li jersqu quddiem il‑Kumitat Konġunt, stabbilit skont dan il-ftehim, li preżentement huwa responsabbli milli jiddeċiedi dwar x’miżuri għandhom jittieħdu, f’każ ta’ diffikultajiet serji ta’ natura ekonomika u soċjali (64).

66.      Madankollu, sabiex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kuntrarji mill-istituzzjonijiet kompetenti jew mill-qrati tad-diversi Stat Membri, dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli f’każ partikolari, li jikkomprometti b’mod kunsiderevoli ċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkonċernati, u għalhekk, jippreġudika l-moviment liberu tagħhom ġewwa l-Unjoni, il‑proċeduri ta’ djalogu u ta’ rikonċiljazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1408/71 jeskludu kull azzjoni unilaterali min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti u tal-qrati tal-Istat Membru ospitanti.

67.      L-Urssaf tal-Alsace u l-Gvern Franċiż isostnu madankollu li tali azzjonijiet unilaterali huma neċessarji f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minkejja l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 ma humiex manifestament issodisfatti, l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat ma pproċedietx għall-irtirar taċ-ċertifikat.

68.      Madankollu, dan l-argument ma jistax ikun invokat b’mod utli f’din il-kawża sabiex jiġġustifika eċċezzjoni għall-effett vinkolanti taċ‑ċertifikat E 101.

69.      Fil-fatt, nikkunsidra li ma ntweriex li l-proċeduri stabbiliti mir‑Regolament Nru 1408/71 ma jistgħux jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti minn dan ir-regolament, anki f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dawn il‑proċeduri huma effettivament segwiti sa tmiemhom mill‑istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi ma għamlux użu mir-rimedji li huma għandhom skont ir-Regolament Nru 1408/71.

70.      L-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li l-awtoritajiet Franċiżi bdew djalogu mal-istituzzjoni Svizzera li ħarġet iċ-ċertifikati, billi talbitha tirtira ċ‑ċertifikati E 101 inkwistjoni, dawn l-awtoritajiet madankollu abbandunaw dan id-djologu, kif ikkonferma l-Gvern Franċiż waqt is‑seduta, wara r-risposta ta’ din l-istituzzjoni tat-18 ta’ Awwissu 2011.

71.      Issa, permezz ta’ din ir-risposta, l-istituzzjoni Svizzera kienet, minn naħa, jidhirli li approvat, il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, billi rrikonoxxiet li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati, jekk dawn il-ħaddiema effettivament jeżerċitaw l-attività tagħhom biss abbord vapuri fit‑territorju Franċiż. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni madankollu ma pproċedietx għall-irtirar jew għall-annullament taċ-ċertifikati E 101 ikkontestati, u lanqas għamlet evalwazzjoni konkreta għal kull wieħed minn dawn iċ-ċertifikati, dwar jekk fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi, hemmx lok li tirtirahom jew tannullahom (65). Barra minn hekk, l-istituzzjoni Svizzera kienet talbet lill‑awtoritajiet Franċiżi jirrinunzjaw għal korrezzjoni b’mod retroattiv, li għaliha dawn l-awtoritajiet ma kkontestawx (66).

72.      Jirriżulta li ċertu numru ta’ problemi baqgħu mhux solvuti wara d‑djalogu bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-istituzzjoni Svizzera. Madankollu ma huwiex eskluż li seta’ jintlaħaq ftehim bejniethom, kieku tkompla d-djalogu.

73.      Barra minn hekk, ninnota li d-djalogu mal-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat nbeda mill-awtoritajiet Franċiżi iktar minn tlett snin u nofs wara n‑notifika tal-irkupru lil A‑Rosa għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lis-sistema Franċiża. Effettivament dawn l-awtoritajiet issuġġettaw lill-ħaddiema kkonċernati għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Franċiża b’mod unilaterali, mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu diġà suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Svizzera (67).

74.      It-tieni nett, il-possibbiltà li jersqu quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva, prevista mill-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, sabiex jiġu rrikonċiljati l-perspettivi tal-awtoritajiet Franċiżi u l-istituzzjoni Svizzera, ma kinitx użata f’dan il-każ. Minkejja l-assenza ta’ natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet mogħtija minn din il‑kummissjoni (68), ma jistax ikun eskluż li setgħet tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

75.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatti ta’ dan il-każ ma jistgħux iservu bħala turija tal-allegati nuqqasijiet tal-proċeduri stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71, għaliex dawn il-proċeduri effettivament inqabżu f’dan il-każ. Barra minn hekk, ma nara ebda bażi li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod iktar ġenerali, li dawn il-proċeduri huma globalment mhux adattati sabiex jiżguraw l‑applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

76.      Xejn ma jeskludi li titjib tal-proċeduri implementati fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1408/71 jista’ jkun opportun sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir‑regolament (69). Din il-problema taqa’ madankollu essenzjalment fil‑kompetenza tal-leġiżlatur Ewropew. F’dan ir-rigward, jiena nikkonstata li diġà saru (70) ċerti tibdiliet u li dan huwa s-suġġett ta’ diskussjonijiet leġiżlattivi attwali fuq livell Ewropew (71).

77.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena nikkunsidra li l‑argumenti invokati mill-Urssaf tal-Alsace u mill-Gvern Franċiż dwar l‑allegati nuqqasijiet tal-proċeduri stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71 ma jistgħux ikunu invokati b’mod utli sabiex jiġġustifikaw eċċezzjoni għall-effett vinkolanti ta’ ċertifikat E 101.

E –    Il-ġurisprudenza dwar il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u d‑dumping soċjali

78.      L-Urssaf tal-Alsace u l-Gvern Franċiż jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, fost ir-raġunijiet importanti ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hemm b’mod partikolari l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali min‑naħa ta’ impriżi li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati tagħhom inqas mill‑paga minima, peress li dan l-għan jintegra għan ta’ protezzjoni tal‑ħaddiema permezz tal-ġlieda kontra d-dumping soċjali (72).

79.      Dawn il-partijiet isostnu li, b’analoġija, l-għan tal-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali u ta’ dumping soċjali, jiġġustifika li, b’mod eċċezzjonali, l-effett marbut ma’ ċertifikat E 101 la jorbot lill‑istituzzjoni kompetenti u lanqas lill-qrati tal-Istat Membru. F’dan ir‑rigward, l-Urssaf tal-Alsace rrilevat li ċerti istituzzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali “ma jilgħabux il-logħba”, billi ma jagħmlux l-iċken stħarriġ qabel joħorġu ċ-ċertifikati E 101 mitluba minn persuna li timpjega. Bl-istess mod, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li ċerti istituzzjonijiet jew awtoritajiet tal-Istat li joħroġ iċ-ċertifikati E 101 jista’ jkollhom it-tentazzjoni li joħorġu ċertifikati E 101 li ma għandhomx joħorġu u b’hekk jipprattikaw forma ta’ kompetizzjoni żleali fil-konfront ta’ Stati Membri oħra.

80.      Għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza invokata tirrigwarda l‑kwistjoni dwar jekk, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam (73), l‑għanijiet, bħal dak tal-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali u tad‑dumping soċjali, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall‑moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni.

81.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma humiex l-atti ta’ ċerti atturi ekonomiċi li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu, iżda pjuttost l-ommissjoni min-naħa ta’ Stati Membri oħra li jimplementaw kontrolli suffiċjenti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar‑Regolament Nru 1408/71.

82.      Jirriżulta li l-problema invokata mill-Urssaf tal-Alsace u mill‑Gvern Franċiż dwar il-kompetizzjoni żleali u d-dumping soċjali tista’ effettivament tkun solvuta b’sempliċi osservanza mill-Istati Membri tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, kif esponejt hawn fuq, il-proċeduri ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni implementati fil-kuntest ta’ dan ir-regolament huma intiżi preċiżament sabiex jiżguraw tali osservanza min-naħa tal-Istati Membri (74).

83.      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, jiena nikkunsidra li l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u tad-dumping soċjali ma jistgħux ikunu invokati b’mod utli, f’din il-kawża, sabiex jiġġustifikaw eċċezzjoni tal-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101.

84.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif tiddikjara l‑Kummissjoni, l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jorbtu lill‑Istati Membri, irrispettivament min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni possibbli minn Stati Membri oħra tal-obbligi imposti fuqhom (75). Għalhekk Stat Membru ma jista’ fl-ebda każ ikun awtorizzat li jieħu b’mod unilaterali miżuri korrettivi jew ta’ difiża sabiex jevita nuqqas ta’ osservanza possibbli, minn Stat Membru ieħor, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (76). Jekk isir mod ieħor, is-sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet implementati mir-Regolament Nru 1408/71 titqiegħed f’perikolu.

85.      Bħala konklużjoni, għandu jitfakkar li l-analiżi magħmula f’dawn il-konklużjonijiet ma tirrigwardax il-każ ta’ abbuż jew ta’ frodi min-naħa tal-ħaddiem jew tal-persuna li timpjegah, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali (77). Ma jistax jiġi eskluż li fil-futur jista’ jkun neċessarju, li jsiru preċiżjonijiet dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 għas-sitwazzjonijiet li fihom jiġi kkonstatat tali abbuż jew tali frodi.

V –    Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza):

Sakemm ma jkunx irtirat jew ddikjarat invalidu mill-istituzzjoni li toħorġu, iċ-ċertifikat E 101, maħruġ skont l-Artikolu 12a(1a) tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, li jiċċertifika l-affiljazzjoni ta’ impjegat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru, skont l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom, u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru ospitanti, anki jekk jiġi kkonstatat minnhom li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-impjegat ma taqax manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iċ-ċertifikat E 101, intitolat “ċertifikat dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli”, huwa tip ta’ formola standard redatta mill-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti, imsemmija mit-Titolu IV tar-Regolament Nru 1408/71. Ara d‑Deċiżjoni Nru 202 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tas-17 ta’ Marzu 2005, fuq il-formoli mudell neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 101, E 102, E 103, E 104, E 106, E 107, E 108, E 109, E 112, E 115, E 116, E 117, E 118, E 120, E 121, E 123, E 124, E 125, E 126, E 127) (2006/203/KE) (ĠU 2006, L 77, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, iċ-ċertifikat E 101 sar, skont ir-regolamenti l-ġodda (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72 u Nru 987/2009 (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), id-dokument portabbli A1.


3      Ara, għal dak li jikkonċerna t-terminu “istituzzjoni kompetenti” l-Artikolu 1(o) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 222), bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308) u bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 631/2004, tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10).(iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75), tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169), kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69).


5      Din it-tema hija wkoll is-suġġett ta’ kawżi oħra, li għadhom pendenti quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, il-Kawża C‑474/16, Belu Dienstleistung u Nikless. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Kawżi C‑359/16, Altun et u C‑356/15, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju.


6      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


7      Fl-2012 u l-2013, in-numru totali ta’ ċertifikati A1 maħruġa (id-dokument il-ġdid li jissostitwixxi ċ-ċertifikat E 101) kien jammonta għal 1.53 miljuni u 1.74 miljuni rispettivament. B’mod iktar partikolari, in-numru ta’ ċertifikati A1 maħruġa lil persuni li jeżerċitaw attività f’żewġ Stati Membri jew iktar, żdiedu b’mod sinjifikattiv, jiġifieri minn 168 279 fl-2010 għal 370 124 fl-2013, li jikkostitwixxi żieda ta’ 120 % għal dan il-perijodu. Ara J. Pacolet, u F. De Wispelaere, Posting of workers – Report on A1 portable documents issued in 2012 and 2013, ippubblikat mill‑Kummissjoni f’Diċembru 2014, p. 8.


8      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2. Għandu jissemma li r-regoli speċifiċi applikabbli għal persuni li jaħdmu fis-settur tat-trasport internazzjonali ma ġewx riprodotti f’dan ir‑regolament. Dawn il-persuni huma koperti mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament li jirrigwarda l-persuni li jaħdmu f’żewġ Stati Membri jew iktar. Ara l-gwida prattika tal-Kummissjoni, ta’ Diċembru 2013, dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Isvizzera, p. 24 u 31.


9      Ara l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 97 tar‑Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1).


10      Ara wkoll il-punti 13, 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Regolament tal-Kunsill, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 83), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).


12      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


13      Ara l-Artikolu 96(1) tar-Regolament Nru 987/2009.


14      Ara wkoll il-punti 11, 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 u approvat għan-nom tal‑Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2002/309/CE, Euratom, tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89).


16      Deċiżjoni Nru 1/2012, tal-31 ta’ Marzu 2012, li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 103, p. 51).


17      Ara wkoll, l-Anness II, Sezzjoni A, punti 3 u 4, tal-Ftehim KE-Svizzera, fil-verżjoni tiegħu emendata, li għadha tirreferi għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72, “meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat”.


18      Traduzzjoni tal-verżjoni oriġinali, fil-lingwa Ġermaniża, tal-imsemmija ittra ġiet ipprovduta mill-Gvern Franċiż.


19      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75), tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169) kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69).


20      Sentenzi Nru 1078 (FR:CCASS:2014:CR01078) u Nru 1079 (FR:CCAS:2014:CR01079) tal-11 ta’ Marzu 2014. Permezz ta’ dawn is‑sentenzi, l-Awla Kriminali tal-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni) ikkundannat għal xogħol moħbi żewġ kumpanniji ta’ transport bl-ajru, Brittanika u Spanjola, rispettivament, minkejja li dawn il-kumpanniji kienu ppreżentaw ċertifikati E 101 li jiddikjaraw l-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra. Din il-qorti kkunsidrat li ma hemmx lok li titressaq domanda preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja.


21      Ara l-punti 22 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      B’mod iktar partikolari, jiena nikkunsidra li din il-kawża ma tirrigwardax l‑eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il‑persuni li jiġu kkollokati fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.


23      Waqt is-seduta, l-Urssaf tal-Alsace argumentat li, f’dan il-każ, il-frodi kienet ikkonstatat mill-qrati Franċiżi kollha. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Franċiż, jiddikjara, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li huwa probabbli li l-kumpannija A‑Rosa ħbiet il-fatt li l-impjegati kkonċernati jaħdmu biss fi Stat Membru wieħed, fl-applikazzjoni għaċ-ċertifikati li hija ppreżentat wara l-istħarriġ tal-Urssaf, bil-għan li teskludi lill-impjegati ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni mil-leġiżlazzjoni Franċiża. Skont dan il-Gvern, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża kienet evalwat li l-frodi marbuta mal‑ħaddiema kkollokati mhux iddikjarati jfisser telf għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Franċiża ta’ dħul soċjali ta’ EUR 380 miljun.


24      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali hija l-unika kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. Ara b’mod partikolari, is‑sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27).


25      Irrid nenfażizza li, f’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-partijiet intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew perspettivi diverġenti dwar jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati taqax jew le taħt l-Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 1408/71. A‑Rosa targumenta li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema taqa’ kemm taħt il-paragrafu 1 kif ukoll taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 14, billi tallega li l‑impjegati kkonċernati kienu ngaġġati sabiex jaħdmu fuq il-vapuri ta’ kroċiera kollha tal-kumpannija tkun xi tkun il-lokalizzazzjoni ġeografika. Mill-banda l-oħra, l-Urssaf tal-Alsace hija tal-opinjoni li ebda wieħed minn dawn il-paragrafi ma huwa applikabbli f’dan il-każ, opinjoni li magħha taqbel l-Irlanda. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi tal-qrati Franċiżi għal dak li jirrigwarda l‑inapplikabbiltà manifesta tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Mill‑banda l-oħra, hija tikkunsidra li huwa żbaljat li l-qorti tar-rinviju bbażat id‑domanda preliminari tagħha fuq il-premessa li tipprovdi li l-impjegati ma jaqgħux manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu. Fl‑aħħar nett, il-Gvern Ċiprijott isostni li, ladarba l-istituzzjoni kompetenti ħarġet iċ‑ċertifikati E101, għandu jiġi preżunt li dawn inħarġu skont il-leġiżlazzjoni u jirriflettu ċ-ċirkustanzi effettivi.


26      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      L-irkupru nnotifikat lil A‑Rosa fit-22 ta’ Ottubru 2007 jirrigwarda b’hekk il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2005 u t-30 ta’ Settembru 2007. Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75).


29      Dawn il-partijiet jinvokaw ukoll it-tielet argument dwar in-neċessità tal-ġlieda kontra l-abbuż tad-dritt u l-frodi. Peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, f’dan il‑każ, hemm każ ta’ abbuż jew ta’ frodi, jiena nikkunsidra li ma hemmx lok li dan l‑argument jiġi ttrattat f’din il-kawża. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 36 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


30      Ara r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Derouin (C‑103/06, EU:C:2008:185, punt 20).


31      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 52).


32      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara dwar il-prinċipju ta’ uniċità tal‑leġiżlazzjoni, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad (C‑269/15, EU:C:2016:802, punti 35 u 36) kif ukoll it-tmien premessa tal-imsemmi regolament.


34      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 60).


35      Mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 jirriżulta li dan l-artikolu ġie inserit “[b]il-għan ta’ ċertezza legali”. Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 647/2005 li jemenda r-Regolament Nru 574/72 [COM(2003) 468 finali, punt 2]. Ara wkoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Bouman (C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 27).


36      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 20). Ara wkoll it-tieni premessa tal-imsemmi regolament kif ukoll is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Allard (C‑249/04, EU:C:2005:329, punt 31).


37      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 55), tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 42) kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 26). Ara, barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Tsomakas Athanasios m.fl. v Staten v/Rikstrygdeverket (E-3/04, EFTA Court Report 2004, p. 95, punt 31), li tassimila għaċ-ċertifikati E 101 dikjarazzjonijiet uffiċjali ekwivalenti (“equivalent official statements”). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx b’mod espliċitu dwar in-natura vinkolanti ta’ ċertifikat E 101 maħruġ abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l‑ġurisprudenza tagħha fil-qasam tirrigwarda is-sitwazzjonijiet li fihom iċ‑ċertifikati E 101 nħarġu skont dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72 fir-rigward ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, mingħajr ma għamlet ebda distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet hemm previsti. Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Bouman (C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 26) kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 43).


38      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punti 30 sa 32).


39      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża FTS (C‑202/97, EU:C:1999:33, punt 60).


40      Il-qrati superjuri tal-Istati Membri rrikonoxxew ferm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2003 tal-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju), fil-Kawża S.02.0039.N u s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2006 tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), fil‑Kawża 1 StR 44/06.


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punti 53 sa 55); tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punti 40 sa 42) u tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punti 24 sa 26 u 30 sa 32). Ara wkoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Bouman (C‑114/13, EU:C:2015:81, punti 26 u 27), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punti 40 u 41).


42      Dan ir-riskju fil-fatt immaterjalizza f’dan il-każ, fejn l-awtoritajiet Franċiżi ssuġġettaw lill-ħaddiema kkonċernati għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Franċiża, minkejja l-fatt li dan kien diġà suġġett għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Svizzera. Ara, f’dan ir‑rigward, il-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Minkejja li l-ħaddiem jista’ ċertament juża r-rimedji ta’ natura amministrattiva u ġudizzjarji li jeżistu fl-Istati Membri kkonċernati, xejn ma jipprekludi li huwa jispiċċa, fl-aħħar mill-aħħar, b’żewġ deċiżjonijiet definittivi kuntrarji.


44      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1987, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (348/85, EU:C:1987:552, punt 19).


46      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 61), kif ukoll il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża FTS (C‑202/97, EU:C:1999:33, punt 53).


47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Bouman (C‑114/13, EU:C:2014:123, punt 30), il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju min‑naħa tal-Istat ospitanti huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ ċertezza legali.


48      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża FTS (C‑202/97, EU:C:1999:33, punt 60). Din l-istess kunsiderazzjoni tista’ tispjega l‑esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), b’mod partikolari, fl-oqsma fiskali u amministrattivi kif ukoll tar-responsabbiltà tal-Istat għall-atti jew ommissjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (acta jure imperii). Ara l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.


49      F’dan il-kuntest, iċ-ċertifikat E 101 jesprimi l-evalwazzjoni legali tal-istituzzjoni kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat ta’sitwazzjoni fattwali, jiġifieri l-evalwazzjoni li tipprovdi li s‑sitwazzjoni tal-ħaddiem previst miċ-ċertifikat taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mir-regoli derogatorji previsti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 59).


50      Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l‑pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu. Ara wkoll il-premessa 12 tar-Regolament Nru 987/2009, li tirreferi, b’mod partikolari, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għad-deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni Amministrattiva. Infakkar li l-qafas regolatorju l-ġdid ma huwiex applikabbli, ratione temporis, għal dan il-każ.


51      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara wkoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li jipprovdi li, f’każ ta’ dubju dwar il-validità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad‑dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah. Infakkar li r-Regolament Nru 987/2009 ma japplikax, ratione temporis, f’dan il-każ. Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Kemm l-Urssaf tal-Alsace kif ukoll il-Gvern Franċiż enfasizzaw il-fatt li ċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni ma jsemmux l-isem tal-vapuri li fuqhom jaħdmu l-ħaddiema kkonċernati u lanqas il-postijiet ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tagħhom.


55      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju enfasizzat il-fatt li, f’dan il-każ, iċ‑ċertifikati E 101 inħarġu mill-istituzzjoni Svizzera f’żewġ lottijiet u, sa ċertu punt, b’mod retroattiv.


56      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 53). Ara wkoll, il-punt 6 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-Kummissjoni Amministrattiva, op. cit. Ara wkoll, il-punt 1 tad-Deċiżjoni Nru 126 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tas-17 ta’ Ottubru 1985, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 14(1)(a), 14a(1)(a) u 14b(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU 1986, C 141, p. 4), minn fejn jirriżulta li l‑istituzzjoni msemmija fl-Artikoli 11 u 11a tar-Regolament Nru 574/72 għandha toħroġ dikjarazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli (formola E101), anki jekk il‑ħruġ ta’ din id-dikjarazzjoni tintalab wara l-bidu tal-attività eżerċitata fit-territorju tal-Istat li ma huwiex l-Istat kompetenti.


57      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 51). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l‑applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 tiddependi biss fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jkun jinsab il‑ħaddiem ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 52). Fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punti 45 u 46), minn fejn jirriżulta, b’mod partikolari, li l‑istituzzjoni kompetenti għandha tibbaża l-konstatazzjonijiet tagħha fuq is‑sitwazzjoni reali tal-impjegat u, jekk ikun il-każ, tirrifjuta l-ħruġ taċ-ċertifikat E 101.


58      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 56). Ara wkoll il-punt 7(a) u (c) tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 14(1), 14a(1) u 14b(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 (2001/891/KE) (ĠU 2001, L 329, p. 73). Minkejja li din id-deċiżjoni ma hijiex direttament applikabbli għal dan il-każ peress li ċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni nħarġu skont l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, dispożizzjoni li ma hijiex prevista minn din id-deċiżjoni, l-imsemmija Deċiżjoni Nru 181 tirrifletti, fil‑parti l-kbira, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika għas‑sitwazzjonijiet kollha fejn ċertifikat E 101 jinħareġ skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72. Ara f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il‑paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara wkoll, il-punt 9 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-Kummissjoni Amministrattiva, op. cit., u s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 57), tat‑30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 44) u tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 28). Ara wkoll, l‑Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 987/2009 li jipprovdi terminu ta’ tliet xhur sabiex jersqu quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva. Infakkar li r-Regolament Nru 987/2009 ma japplikax, ratione temporis, f’dan il-każ. Ara l-punt 13 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


60      Skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 1408/71, id-deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni Amministrattiva dwar il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar‑Regolament jistgħu jittieħdu biss b’unanimità.


61      Ara wkoll, l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 1408/71, minn fejn jirriżulta li l‑kompetenza tal-Kummissjoni Amministrattiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet, istituzzjonijiet u persuni kkonċernati li jirrikorru għall-proċeduri u għall-qrati previsti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, minn dan ir-regolament u mit-Trattat.


62      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 58), tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 45) u tas‑26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 29).


63      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni indika li sa fejn jaf hu, ebda Stat Membru qatt ma talab lill-Kummissjoni tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ieħor minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru ma osservawx l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-eżattezza tal-fatti msemmija fiċ-ċertifikati E 101. Din il-konstatazzjoni hija iktar importanti, fir-rigward tal‑interessi nazzjonali li donnhom huma inkwistjoni, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-Urssaf tal-Alsace u mill-Gvern Franċiż.


64      Ara l-Artikolu 14 u, b’mod partikolari, il-paragrafu 2 tiegħu, tal-Ftehim KE‑Svizzera.


65      Ara l-punti 27, 38 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 59), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-eċċezzjoni tikkonċerna l-persuni li jwettqu xogħol ta’ natura essenzjalment itineranti li jsir f’kundizzjonijiet tali li t-twettiq tiegħu ma jistax jintrabat ma’ post partikolari.


66      Ninnota li r-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar il‑korrezzjonijiet li għandhom isiru f’każ tal-irtirar jew ta’ annullament ta’ ċertifikat E 101. Ara f’dan ir-rigward, il-gwida prattika tal-Kummissjoni, op. cit., p. 36 sa 37, minn fejn jirriżulta li “[j]ekk l-informazzjoni pprovduta waqt il-proċess inizjali għad‑determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx intenzjonalment żbaljata, il-bidliet li jirriżultaw minn eżami mill-ġdid jieħdu effett biss sa mid-data tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


67      Ara l-punti 21 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Amministrattiva ma tistax tagħti atti ta’ natura normattiva u deċiżjoni ta’ din il-kummissjoni ma għandhiex natura li tobbliga lill-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jsegwu ċerti metodi jew jadottaw ċerti interpretazzjonijiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni. Ara f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1981, Romano (98/80, EU:C:1981:104, punt 20) u tat‑8 ta’ Lulju 1992, Knoch (C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 52).


69      Qabelxejn, l-assenza ta’ natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet mogħtija mill‑Kummissjoni Amministrattiva jidhirli li tippreżenta ċerta dgħjufija tas-sistema attwali, fatt li jeskludi, barra minn hekk, a priori li l-fondatezza tad-deċiżjonijiet ta’ din il-kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni.


70      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012, li jipprovdi li l-Kummissjoni Amministrattiva għandha taġixxi b’maġġoranza kwalifikata kif iddefinit fit-Trattati, minbarra meta tkun qed tadotta l-istatuti tagħha, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru A1 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tat-12 ta’ Ġunju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2010, C 106, p. 1), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010. Ara wkoll id‑Deċiżjoni Nru H5 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tat-18 ta’ Marzu 2010, dwar il‑kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji fil-qafas tar‑Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 (ĠU 2010, C 149, p. 5).


71      Ara f’dan ir-rigward, il-punt 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-14 ta’ Settembru 2016, dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea [2005/2255(INI)] [P8_TA-PROV(2016)0346], fejn hemm enfasizzat, b’mod partikolari, li l‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, permezz ta’ konsultazzjoni ma’ dawk tal-Istat li jibgħat, għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw l-affidabbiltà tal‑formola A1 f’każ ta’ dubji serji dwar ir-realtà tat-trasferiment. Ara wkoll, ir‑rapport f’dan ir-rigward tal-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali Kummissjoni tax-xogħol u tal-kwistjonijiet soċjali tal‑Parlament, tat-18 ta’ Awwissu 2016 (A8-0255/2016).


72      Sar riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 38); tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et (C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 47 u 48 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata); tat-3 ta’ April 2008, Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata);, tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 45) u tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408, punt 69). Barra minn hekk sar ukoll riferiment għas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Dafeki (C‑336/94, EU:C:1997:579), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li fil-proċeduri intiżi għad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji soċjali ta’ ħaddiem migrant, l-istituzzjonijiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-qrati nazzjonali ta Stat Membru għandhom josservaw iċ-ċertifikati u l-atti analogi dwar l-istat tal-persuni li joħorġu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, tal-inqas fejn l-eżattezza tagħhom ma tkunx imminata b’indizji konkreti li jirrigwardaw il-każ individwali inkwistjoni.


73      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1997, Dafeki (C‑336/94, EU:C:1997:579, punt 16), tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et (C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 25) u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, (C‑577/10, EU:C:2012:814, punti 43 u 44).


74      Ara l-punti 59 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1976, Il-Kummissjoni vs L-Italja (52/75, EU:C:1976:29, punt 11), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-Trattat ma ħoloqx biss obbligi reċiproċi bejn id-diversi suġġetti li japplika għalihom, iżda stabbilixxa ordinament legali ġdid li jirregola s-setgħat, drittijiet u obbligi tal-imsemmija suġġetti, kif ukoll il-proċeduri neċessarji sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat kull ksur.


76      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 20).


77      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati ma jistgħux, bi frodi jew b’abbuż, jieħdu vantaġġ mir-regoli tal-Unjoni. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).