Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2013 – La Ferla vs Il-Kummissjoni u ECHA

(Kawża T-392/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Leone La Ferla SpA (Melilli, l-Italja) (rappreżentanti: G. Passalacqua, J. Occhipinti u G. Calcerano, avukati)

Konvenuti: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati fl-intier tagħhom jew sal-punt li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xieraq konformi mal-interessi tar-rikorrenti;

konsegwentement, tikkundanna lill-ECHA għall-ħlas lura tal-ammonti irċevuti indebitament mingħand ir-rikorrenti, miżjuda bl-interessi legali u bil-kumpens għall-inflazzjoni monetarja b’effett mid-data minn meta l-ħlasijiet minn Leone La Ferla Spa ġew ikkreditati lill-ECHA sal-eżekuzzjoni effettiva;

kumulattivament jew alternattivament, tikkundanna lill-ECHA għall-ħlas tad-danni subiti minn Leone La Ferla Spa, li jekwivalu għall-imsemmija ammonti miġbura indebitament mingħand ir-rikorrenti, miżjuda bl-interessi legali u bil-kumpens għall-inflazzjoni monetarja b’effett mid-data minn meta l-ħlasijiet minn Leone La Ferla Spa ġew ikkreditati lill-ECHA sal-eżekuzzjoni effettiva;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F’din il-kawża, ir-rikorrenti jopponu d-deċiżjoni li permezz tagħha l-ECHA – peress li kkonstatat li hija ma kinitx uriet li kienet impriża żgħira jew ta’ daqs medju (IŻM) – ordnatilha li tħallas it-tariffi tar-reġistrazzjoni bir-rati previsti għall-impriżi l-kbar u li tħallas l-imposta amministrattiva marbuta magħha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-ECHA b’mod illegali marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha limitati għat-tmexxija tal-proċedura ta’ verifika tad-dritt tal-impriża rikorrenti għal tariffa mnaqqsa irriżervata għall-IŻM, billi ssostitwixxiet lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni marbuta ma’ dan id-dritt u billi applikat b’mod arbitrarju, sabiex tistabblixxi jekk ir-rikorrenti kinitx legalment IŻM, kriterji materjali minbarra dawk previsti mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 340/2008 1 .

Fil-fatt, is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet dwar id-dritt għat-tariffa mnaqqsa irriżervata għall-IŻM tippreżumi evalwazzjoni dwar l-applikabbiltà għad-daqs tal-impriża rreġistrata, tal-kriterji tar-rakkomandazzjoni 2003/361/KE dwar il-finanzjamenti Komunitarji tal-IŻM, li hija evalwazzjoni li ma għandhiex issir mis-segretarjat tal-ECHA iżda biss mill-Kummissjoni, peress li la r-Regolament REACH u lanqas ir-regolamenti ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni ma pprovdew għal kunċett ad hoc.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-istabbiliment tan-natura legali tal-IŻM, ir-Regolament Nru 340/2008 jirriżerva espressament l-applikazzjoni tas-sottokriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, dwar impriżi marbuta ma’ impriżi oħra permezz ta’ azzjonijiet, għall-impriżi li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. A contrario sensu, isegwi li dawn il-kriterji ma jistgħux jiġu applikati sabiex jiġi evalwat id-daqs ta’ impriża stabbilita fl-Unjoni Ewropea bil-għan li jiġi ddeterminat jekk din l-impriża għandhiex dritt għat-tariffa mnaqqsa.

Fit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-ECHA f’dan il-każ applikat b’mod illegali is-sotto-kriterji inkwistjoni, billi ma ħaditx kont tal-fatt li Leone La Ferla S.p.a. hija impriża tal-familja peress li kapital kollu tagħha jappartjeni lit-tliet aħwa La Ferla. Għal din ir-raġuni, ma kellha tingħata l-ebda importanza, anki b’applikazzjoni tas-sottokriterji inkwistjoni, lill-assoċjazzjonijiet u lir-rabtiet ma’ impriżi oħra, peress li ebda waħda mill-impriżi l-oħra assoċjati mar-rikorrenti ma kienet topera fuq l-istess suq u lanqas fuq swieq ġirien (Artikolu 3(3) tal-Anness I tar-Rakkomandazzjoni 361/2003/KE).

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li kien b’mod illegali li l-att ikkontestat ġie ffirmat mid-direttur eżekuttiv tal-ECHA, peress li r-Regolament REACH ma jattribwixxix lid-direttur eżekuttiv tal-ECHA kompetenza sabiex jadotta deċiżjonijiet relatati mad-daqs tal-impriżi li jirrikjedu reġistrazzjoni.

Fir-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tad-deċiżjonijiet ECHA MB/D/29/2010 u MB/D/21/2012/D, li permezz tagħhom l-aġenzija stabbilixxiet l-ammont tal-“imposta amministrattiva” billi aġġustatu b’mod artibtrarju f’diversi elementi ekonomiċi differenti meta fir-realtà, din tiġi imposta biss fl-ogħla ammont. Dawn id-deċiżjonijiet huma illegali – fatt li jwassal għall-illegalità tal-miżuri ta’ applikazzjoni – peress li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-imposti u tat-tariffi previsti mir-Regolament REACH (l-ECHA tista’ biss tipprovdi klassifikazzjoni ta’ servizzi “oħrajn” li jaqgħu proprju taħt is-sistema REACH) u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-“imposta amministrattiva” titħallas lill-baġit tal-ECHA. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija “imposta” tikkostitwixxi sanzjoni amministrattiva, maħsuba sabiex tiddisswadi l-aġir inadatt jew iż-żamma ta’ informazzjoni min-naħa tal-impriżi, din l-imposta għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri skont ir-Regolament REACH.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 107, p. 6).