Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2023 minn Luossavaara-Kiirunavaara AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-26 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-244/21, Luossavaara-Kiirunavaara vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-621/23 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Luossavaara-Kiirunavaara AB (rappreżentanti: A. Bryngelsson, F. Sjövall u A. Johansson, advokater)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tannulla l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2021/355 1 tal-25 ta’ Frar 2021 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-terminu “sostituti” fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 93 sa 99 billi ssostitwiet l-evalwazzjoni ta’ sostitwibbiltà tal-Kummissjoni ma’ dik tagħha stess.
It-tielet aggravju: sa fejn huwa neċessarju għall-ewwel aggravju tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi.
Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ssodisfat id-dmir tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-aspetti rilevanti kollha tal-każ ineżami.
Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
____________
1 ĠU 2021, L 68, p. 221.
1 Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).