Language of document : ECLI:EU:C:2017:1000

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 45(2) u (3) – Kundizzjonijiet għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku – Dikjarazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ sentenzi definittivi ta’ kundanna tal-ex amministraturi tal-kumpannija offerenti – Aġir kriminali ta’ ex amministratur – Kundanna kriminali – Dissoċjazzjoni sħiħa u effettiva bejn l-impriża offerenti u dan l-amministratur – Prova – Evalwazzjoni mill-awtorità kontraenti tar-rekwiżiti relatati ma’ dan l-obbligu”

Fil-Kawża C-178/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani SpA,

Guerrato SpA

vs

Provincia autonoma di Bolzano,

Agenzia per i procedimenti e la vigilanza in materia di contratti pubblici di lavori servizi e forniture (ACP),

Autorità nazionale anticorruzione (ANAC),

fil-preżenza ta’:

Società Italiana per Condotte d’Acqua SpA,

Inso Sistemi per le Infrastrutture Sociali SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani SpA u Guerrato SpA, minn A. Sandulli u L. Antonini, avvocati,

–        għall-Provincia autonoma di Bolzano u għall-Agenzia per i procedimenti e la vigilanza in materia di contratti pubblici di lavori servizi e forniture (ACP), minn C. Guccione, avvocato, R. von Guggenberg, Rechtsanwältin, L. Fadanelli, A. Roilo u S. Bikircher, avvocati,

–        għas-Società Italiana per Condotte d’acqua SPA, minn A. Guarino u C. Martelli, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Pluchino u minn P. Grasso, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti (ċ) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) u tal-Artikolu 45(3)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif ukoll ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani SpA, (iktar ’il quddiem “Mantovani”) u Guerrato SpA, fejn l-ewwel waħda taġixxi f’isimha u fil-kwalità ta’ impriża prinċipali mandatarja tal-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li għad trid tiġi stabbilita ma Guerrato u, min-naħa l-oħra, il-Provincia autonoma di Bolzano (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Provinċja ta’ Bolzano”), l-Agenzia per i procedimenti e la vigilanza in materia di contratti pubblici di lavori servizi e forniture (ACP) (l-Aġenzija responsabbli għall-proċeduri u l-kontroll fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħol, għal servizzi u għal provvisti (ACP)) u l-Autorità nazionale anticorruzione (ANAC) (l-Awtorità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ANAC)) dwar l-esklużjoni ta’ Mantovani mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti dwar l-għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet li l-għan tiegħu huwa l-finanzjament, l-elaborazzjoni tal-proġett definittiv u eżekuttiv, il-kostruzzjoni u l-amministrazzjoni tal-ħabs il-ġdid ta’ Bolzano.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18 tipprevedi:

“(2)      L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles [tal-libertà ta’ stabbiliment] u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni [nondiskriminazzjoni], il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza.[…]”.

4        L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta” jipprevedi:

“1.      Kull kandidat jew min ikun xeħet l-offerta illi kien suġġett għal sentenza tal-qorti b’ħaqq aħħari li dwaru tkun taf l-awtorità kontrattwanti għal raġuni jew aktar imniżżlin hawn taħt għandu jkun eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku:

[…]

Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom, fejn xieraq, jitolbu lil kandidati jew lil dawk li jkunu xeħtu l-offerta biex ifornu d-dokumenti li sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3 u jistgħu, fejn huma għandhom dubji li jikkonċernaw is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta, japplikaw ukoll lill-[mal-]awtoritajiet kompetenti biex jakkwistaw kull informazzjoni li huma jqisu bħala neċessarja dwar il-qagħda personali tal-kandidati jew dawk li xeħtu l-offerta konċernati. Fejn l-informazzjoni tikkonċerna kandidat jew min ikun xeħet l-offerta stabbilit f’xi Stat ieħor barra dak ta’ l-awtorità kontrattwanti, l-awtorità kontrattwanti tista’ tfittex il-koperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. B’rigward għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta huma stabbiliti, talbiet bħal dawn għandhom jirrelataw għal persuni legali u/jew naturali, inklużi, jekk xieraq, diretturi ta’ Kumpannija u kull persuna li għandha poteri ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward tal-kandidat jew dak li jkun xeħet l-offerta.

2.      Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

[…]

ċ)      ingħata sentenza b’ħaqq tal-qorti li għandha s-saħħa tar-res judicata skond il-disposizzjonijiet legali tal-pajjiż ta’ kull offiża li tikkonċerna il-kondotta professjonali tiegħu;

d)      kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu juru;

[…]

g)      huwa ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ certa serjetà fil-forniment ta’ l-informazzjoni meħtieġa taħt din it-Taqsima jew ma forniex informazzjoni bħal din.

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu.

3.      Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li ebda wieħed mill-każi speċifikati fil-paragrafi 1 jew 2(a), (b), (ċ), (e) jew (f) japplika għall-operatur ekonomiku:

a)      għal dak li jirrigwarda paragrafi 1 u 2(a), (b) u (ċ), il-produzzjoni ta’ estratt mir-“rekord ġudizzjarju” jew, fin-nuqqas ta’ dak, ta’ xi dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fil-pajjiż ta’ oriġini jew il-pajjiż li minnu tkun ġejja dik il-persuna juri li dawn il-ħtiġijiet kienu ġew sodisfatti;

[…]”.

 Id-dritt Taljan

5        Id-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, li jistabbilixxi l-kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (is-Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), kif emendat bid-Digriet-Liġi Nru 70 tat-13 ta’ Mejju 2011 (GURI Nru 110, tat-13 ta’ Mejju 2011, p. 1) ikkonvertit f’liġi permezz tal-Liġi Nru 106, tat-12 ta’ Lulju 2011 (GURI Nru 160, tat-12 ta’ Lulju 2011, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”), jirregola, fl-intier tagħhom, il-proċeduri fl-Italja ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti.

6        Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jinkludi, fil-Parti II tiegħu, l-Artikolu 38 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi. L-Artikolu 38(1)(c) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Hija eskluża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, ma tistax tingħata kuntratti ta’ subappalt u ma tistax tikkonkludi kuntratti relatati, kull persuna li:

[…]

c)      fir-rigward tagħha hemm sentenza ta’ kundanna li saret res judicata, jew digriet kriminali ta’ kundanna li sar irrevokabbli jew ta’ sentenza li tapplika l-piena fuq rikors tal-partijiet, skont l-Artikolu 444 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, għal ksur serju mwettaq kontra l-Istat jew kontra l-Komunità, li jaffettwa l-moralità professjonali tagħha, tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, motiv tal-esklużjoni tal-kundanna, stabbilita minn sentenza li saret res judicata, għal delitt jew delitti ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ta’ korruzzjoni, ta’ frodi, ta’ ħasil ta’ flus, kif iddefiniti mill-atti Komunitarji msemmija fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2004/18/KE; l-esklużjoni u l-projbizzjoni japplikaw jekk is-sentenza jew id-digriet ikunu ġew mogħtija fir-rigward: tal-proprjetarju jew tad-direttur tekniku, jekk tkun tirrigwarda impriża individwali; tas-soċji jew tad-direttur tekniku, jekk tkun tirrigwarda soċjetà f’isem kollettiv, tas-soċji akkomandanti jew tad-direttur tekniku, jekk tkun tirrigwarda soċjetà in akkomandita sempliċi; tal-amministraturi li għandhom setgħa ta’ rappreżentanza, tad-direttur tekniku jew tas-soċju uniku li jkun persuna fiżika, jew inkella tas-soċju li jkollu l-maġġoranza tal-ishma fil-każ ta’ soċjetà b’inqas minn erba’ soċji, jekk tkun tirrigwarda tip ieħor ta’ soċjetà jew ta’ konsorzju. F’kull każ, l-esklużjoni u l-projbizzjoni japplikaw ukoll għal persuni li tneħħew mill-karigi tagħhom matul is-sena ta’ qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, kemm-il darba l-impriża ma turix li kien hemm dissoċjazzjoni sħiħa u effettiva tal-impriża fir-rigward tal-aġir issanzjonat kriminalment; l-esklużjoni u l-projbizzjoni, f’kull każ, ma japplikawx meta l-ksur ikun ġie dekriminalizzat jew jekk ikun hemm riabilitazzjoni, jiġifieri meta l-ksur ikun ġie ddikjarat estint wara l-kundanna jew fil-każ ta’ revoka tal-imsemmija kundanna; […]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Lulju 2013 (S 145-251280), il-Provinċja ta’ Bolzano fetħet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti, permezz ta’ proċedura miftuħa, ta’ kuntratt għal xogħlijiet li l-għan tiegħu kien il-finanzjament, l-elaborazzjoni tal-proġett definittiv u eżekuttiv, il-kostruzzjoni u l-amministrazzjoni tal-ħabs il-ġdid ta’ Bolzano. L-istima tal-ammont tax-xogħlijiet kienet ta’ EUR 165 400 000.

8        Mantovani ressqet applikazzjoni għal parteċipazzjoni fis-16 ta’ Diċembru 2013, f’isimha u fil-kwalità ta’ impriża prinċipali mandatarja tal-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li għad trid tiġi stabbilita. Din il-kumpannija pproduċiet żewġ dikjarazzjonijiet dwar l-osservanza tar-rekwiżiti ġenerali previsti fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006. Fl-4 ta’ Diċembru 2013, hija ddikjarat li s-Sur B., fil-kwalità tiegħu ta’ President tal-Bord tad-Diretturi, Direttur Ġenerali u rappreżentant legali u li ma kienx baqa’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fis-6 ta’ Marzu 2013, ma kien is-suġġett ta’ ebda sentenza ta’ kundanna li kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Fis-16 ta’ Diċembru 2013, Mantovani rtirat il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni.

9        L-awtorità kontraenti, fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Jannar 2014, aċċettat b’riżervi l-kandidatura ta’ Mantovani, sakemm din tippreżenta ċerti kjarifiki fir-rigward tas-Sur B. Fil-fatt, artikolu li deher fil-ġurnali lokali, ippubblikat fis-6 ta’ Diċembru 2013, kien żvela li s-Sur B. kien is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, talli kien l-instigatur ta’ sistema ta’ fatturi foloz, u kien innegozja mal-prosekutur sabiex il-kundanna tiegħu tkun ta’ sena u għaxar xhur ħabs.

10      Sussegwentement, l-awtorità kontraenti kisbet ċertifikat tar-rekord kriminali tas-Sur B., li minnu jirriżulta li s-sentenza ta’ kundanna kienet ingħatat fil-5 ta’ Diċembru 2013 u li kisbet l-awtorità ta’ res judicata mid-29 ta’ Marzu 2014. Fil-laqgħa li saret fid-29 ta’ Mejju 2014, l-awtorità kontraenti stiednet lil Mantovani tipprovdilha kjarifiki dwar din il-kundanna.

11      Mantovani rrispondiet billi osservat, b’mod partikolari, li l-kundanna tas-Sur B. kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara li hija għamlet id-dikjarazzjonijiet tal-4 u tas-16 ta’ Diċembru 2013, peress li s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2013 kienet ingħatat in camera u mingħajr ebda seduta pubblika u peress li l-pubblikazzjoni tagħha seħħet biss fit-3 ta’ Frar 2014. Mantovani żiedet tgħid li, sabiex tistabbilixxi dissoċjazzjoni sħiħa u effettiva tal-impriża fir-rigward tal-aġiri tas-Sur B., dan tal-aħħar kien tneħħa immedjatament mill-funzjonijiet amministrattivi kollha tiegħu fi ħdan il-grupp Mantovani, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija kienu ġew riorganizzati, l-azzjonijiet tas-Sur B. kienu nxtraw lura u kien tressaq rikors għad-danni kontrih.

12      Wara li stabbilixxiet klassifika li fiha Mantovani kienet tinsab, b’riżervi, fil-ħames pożizzjoni, l-awtorità kontraenti talbet parir mingħand l-ANAC dwar il-legalità tal-eventwali esklużjoni ta’ Mantovani. L-ANAC, essenzjalment, irrispondiet li, għalkemm, fl-assenza ta’ sentenza definittiva, id-dikjarazzjonijiet ta’ Mantovani ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “dikjarazzjonijiet foloz”, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, fi żmien utli, li kien hemm proċedura kriminali fir-rigward ta’ waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 38(1)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jista’ jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtorità kontraenti u għalhekk iġib fix-xejn id-dissoċjazzjoni sħiħa u effettiva fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kontraenti ddeċidiet, matul il-laqgħa li hija żammet fis-27 ta’ Frar 2015, li teskludi lil Mantovani mill-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Skont il-minuti ta’ din il-laqgħa, ġie kkonstatat li r-rekwiżiti ġenerali imposti fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma kinux issodisfatti “minħabba n-natura tardiva u insuffiċjenti tal-elemeti prodotti mill-kumpannija sabiex turi li hija kienet iddissoċjat ruħha mill-aġiri kundannabbli kriminalment tal-persuna li ma baqetx taqdi l-funzjonijiet amministrattivi tagħha” u li l-kundanna “seħħet qabel id-dikjarazzjoni prodotta fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u setgħet, bħala tali, tiġi kkomunikata minn Mantovani fl-istadju tal-eżami tal-parteċipazzjoni”.

14      Mantovani ressqet rikors kontra din l-esklużjoni quddiem it-Tribunale regionale di giustizia amministrativa, Sezione autonoma di Bolzano (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Sezzjoni Awtonoma ta’ Bolzano). Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Awwissu 2015, din il-qorti kkonfermat il-legalità tal-esklużjoni, fejn qieset li l-eżistenza tal-kundanna tas-Sur B. setgħet tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni matul il-proċedura ta’ għoti u li huwa biss offerent li jkun ipprovda dikjarazzjonijiet konformi mar-realtà mingħajr ma jqarraq bl-awtorità kontraenti li seta’ jinvoka l-benefiċċju tad-dissoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

15      Mantovani appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) b’mod partikolari għar-raġuni li l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jmur kontra d-dritt tal-Unjoni u talbet li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 38(1)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 163/2006] tostakola l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 45(2)(ċ) u (g) u (3)(a) tad-Direttiva [2004/18] u tal-prinċipji tad-dritt Ewropew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, ta’ projbizzjoni milli tittaqqal il-proċedura u ta’ ftuħ massimu għall-kompetizzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt, kif ukoll tal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ preċiżjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, sa fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali testendi l-kontenut tal-obbligu previst minnha li ssir dikjarazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ sentenzi definittivi ta’ kundanna (inklużi s-sentenzi li japplikaw piena nnegozjata mal-prosekutur) għar-reati previsti minn din id-dispożizzjoni, għall-persuni li kienu jokkupaw karigi ta’ tmexxija fl-impriżi offerenti li huma waqqfu jeżerċitaw matul is-sena ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, u konsegwentement tqis li huwa motiv ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt il-fatt li l-impriża ma turix li hija ddissoċjat ruħha kompletament u effettivament mill-aġir issanzjonat kriminalment tal-imsemmija persuni, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ta’ dissoċjazzjoni hija l-kompitu tal-entità kontraenti, li tista’ tintroduċi konkretament numru ta’ obbligi taħt piena ta’ esklużjoni tal-impriża offerenti, jiġifieri:

(i)      obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni u li jsiru dikjarazzjonijiet dwar proċeduri kriminali li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi permezz ta’ sentenza definittiva (u li għalhekk, min-natura tiegħu, l-eżitu tagħhom ikun inċert), liema obbligi ma humiex previsti mil-liġi, inkluż fir-rigward tal-persuni li jkunu għadhom qegħdin jokkupaw il-kariga tagħhom;

(ii)      obbligu ta’ implementazzjoni spontanja ta’ miżuri ta’ dissoċjazzjoni, mingħajr ma dan l-obbligu huwa ddefinit fir-rigward tan-natura tal-miżuri li jistgħu jeżoneraw lill-impriża kkonċernata, tal-perijodu ta’ żmien meħud inkunsiderazzjoni (li jista’ jkun ukoll qabel id-data li fiha s-sentenza kriminali saret definittiva) u tal-fażi tal-proċedura li fiha dawn l-obbligi għandhom jiġu implementati;

(iii)      obbligi ta’ kooperazzjoni leali li t-termini tagħhom ma humiex iddefiniti b’mod preċiż, ħlief b’riferiment għall-prinċipju ġenerali ta’ bona fides?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

17      Il-Provinċja ta’ Bolzano tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici (C‑358/12, EU:C:2014:2063), dwar domanda relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 analoga għal dik magħmula f’din il-kawża.

18      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li talba għal deċiżjoni preliminari għal interpretazzjoni ma hijiex inammissibbli biss minħabba li din hija allegatament analoga għal domanda preliminari li diġà ngħatat risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’kull każ, il-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti kienet tirrigwarda sitwazzjoni ġuridika differenti, ikkaratterizzata mill-esklużjoni ta’ offerent minħabba n-nuqqas tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti li fir-rigward tagħha kienu applikabbli biss ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, peress li l-limitu previst fl-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 2004/18 ma kienx intlaħaq.

19      Il-Provinċja ta’ Bolzano ssostni, ukoll, li d-domanda preliminari ma għandha ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-esklużjoni ma kinitx sanzjoni għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni jew ta’ dikjarazzjoni iżda għall-assenza ta’ dissoċjazzjoni sħiħa u effettiva bejn Mantovani u l-aġir tal-ex amministratur tagħha s-Sur B. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-kawża ta’ esklużjoni relatata ma’ dikjarazzjonijiet foloz li tidher fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) u fl-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2004/18 la huwa rilevanti u anqas ma huwa determinanti.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C-105/14, EU:C:2015:555, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat li, ċertament, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Mantovani, fl-4 u fis-16 ta’ Diċembru 2013, dwar l-assenza ta’ sentenza li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “dikjarazzjonijiet foloz” fis-sens tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18. Madankollu, hija speċifikat li quddiemha għandha l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ dikjarazzjoni dwar proċeduri kriminali kontra ex amministraturi tal-impriża offerenti, li għadhom ma kinux is-suġġett ta’ sentenza definittiva.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jirriżultax b’mod manifest li d-domanda preliminari ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

23      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari l-punti (ċ) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) u l-Artikolu 45(3)(a) ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-awtorità kontraenti tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-kundizzjonijiet li hija stabbilixxiet, kundanna kriminali tal-amministratur ta’ impriża offerenti għal reat li jaffettwa l-kondotta professjonali ta’ din l-impriża, meta dan ma baqax jeżerċità l-funzjonijiet tiegħu fis-sena ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt pubbliku u li teskludi lill-imsemmija impriża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, minħabba li, billi naqset milli tiddikjara din il-kundanna li kienet għadha mhux definittiva, hija ma ddissoċjatx ruħha kompletament u effettivament mill-aġiri tal-imsemmi amministratur.

25      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju, fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, tagħmel riferiment għall-kawżi ta’ esklużjoni li jidhru fil-punti (ċ) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, dwar l-esklużjoni, rispettivament, ta’ offerent li kien is-suġġett ta’ sentenza li kisbet awtorità ta’ res judicata skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż ikkonċernat u li tikkonstata reat li jaffettwa l-kondotta professjonali tagħha, u ta’ offerent li huwa ħati b’mod serju għal dikjarazzjonijiet foloz meta pprovda l-informazzjoni meħtieġa b’applikazzjoni tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva jew li ma jkunx ipprovda din l-informazzjoni.

26      Hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, Mantovani ġiet eliminata mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li hija kienet ikkomunikat b’mod tardiv u mhux sħiħ l-elementi li juru li hija kienet iddissoċjat ruħha mill-aġiri tal-amministratur tagħha. B’mod partikolari, hija ġiet ikkritikata talli ma indikatx, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tal-4 u tas-16 ta’ Diċembru 2013, li l-ex amministratur tagħha kien is-suġġett ta’ proċedura kriminali li wasslet għal kundanna nnegozjata in kamera fis-6 ta’ Diċembru 2013.

27      Għaldaqstant, hekk kif tiddikjara l-Kummissjoni Ewropea, jista’ jitqies li l-fatti fil-kawża prinċipali huma koperti mill-kawża ta’ esklużjoni li tidher fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, li tippermetti l-esklużjoni ta’ offerent li, fil-qasam professjonali, kien ħati ta’ nuqqas serju kkonstatat b’kull mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu ġġustifikat.

28      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha kemm jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF, C‑425/14, EU:C:2015:721, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domanda preliminari tirrigwarda, ukoll, l-interpretazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni fakultattiva li tidher fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.

30      Fir-rigward tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, konformement mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, huma l-Istati Membri li għandhom, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jistabbilixxu l-“kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni” tagħhom.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni indikati fih fuq livell tal-Unjoni, minħabba li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx dawn il-kawżi ta’ esklużjoni, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li jista’ jvarja każ b’każ, skont il-kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fil-livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jħaffu jew li jiffaċilitaw il-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali ċerta fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi previsti fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.

33      Fir-rigward tal-kawża ta’ esklużjoni fakultattiva, prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva, li jippermetti li l-awtoritajiet kontraenti jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt offerent li kien is-suġġett ta’ sentenza li kisbet awtorità ta’ res judicata skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż ikkonċernat u li tikkonstata reat li jaffettwa l-kondotta professjonali ta’ dan l-offerent, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li din ma tispeċifikax sa liema punt reati mwettqa minn diretturi jew minn amministraturi ta’ persuna ġuridika jistgħu jwasslu għall-esklużjoni ta’ din tal-aħħar abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-Unjoni jibda bil-premessa li tgħid li l-persuni ġuridiċi jaġixxu permezz tar-rappreżentanti tagħhom. L-aġir li jmur kontra l-kondotta professjonali mwettaq minn dawn tal-aħħar jista’, għalhekk, jikkostitwixxi fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kondotta professjonali ta’ impriża. Konsegwentement huwa perfettament permissibbli li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi, fost l-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-integrità l-impriża offerenti, l-eventwali eżistenza ta’ aġiri ta’ amministraturi ta’ din l-impriża li jmorru kontra l-kondotta professjonali.

35      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 45(1), lejn l-aħħar, tad-Direttiva 2004/18 jippermetti, fil-kuntest tal-kawżi ta’ esklużjoni mandatorji, li d-dritt nazzjonali jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ aġiri kundannabbli min-naħa tal-amministraturi tal-persuna ġuridika. Għalhekk, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Istati Membri, meta jimplementaw il-kawża ta’ esklużjoni prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, milli jqisu li l-aġiri ta’ amministratur li jirrapreżenta lill-impriża offerenti huma imputabbli lil din tal-aħħar.

36      Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, tal-aġiri tal-amministraturi ta’ offerent li jkun persuna ġuridika, ma jistax jitqies li huwa “estensjoni” tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kawża ta’ esklużjoni, iżda jikkostitwixxi implementazzjoni tagħha li tħares l-effettività tal-imsemmija kawża ta’ esklużjoni.

37      Sussegwentement, lanqas iċ-ċirkustanza li l-punti ta’ fatt li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni tal-offerent jirriżultaw mill-aġir ta’ amministratur li ma kienx għadu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tista’ tostakola l-applikazzjoni ta’ din il-kawża ta’ esklużjoni.

38      Fil-fatt, l-imsemmija kawża ta’ esklużjoni tirrigwarda, evidentement, l-aġir li jinvolvi ħtija mwettaq minn operatur ekonomiku qabel il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-data li minnha tali aġir jista’ jiġġustifika l-esklużjoni tal-offerent.

39      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk reat affettwax jew le l-kondotta professjonali tal-impriża offerenti, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni ta’ amministratur ta’ kumpannija fil-ħruġ ta’ fatturi foloz tista’ titqies li hija reat li jaffettwa l-kondotta professjonali.

40      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li s-sentenza għandu jkollha l-awtorità ta’ res judicata, għandu jiġi osservat li din il-kundizzjoni ġiet osservata fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni ttieħdet wara li s-sentenza ta’ kundanna tas-Sur B. kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

41      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru għandu d-dritt li jħaffef il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi u, għalhekk, li jirrinunċja milli japplika kawża ta’ esklużjoni fil-każ ta’ dissoċjazzjoni bejn l-impriża offerenti u l-aġir li jikkostitwixxi reat. F’dan il-każ, huwa għandu wkoll id-dritt li jiddetermina l-kundizzjonijiet għal din id-dissoċjazzjoni u li jeżiġi, kif jagħmel id-dritt Taljan, li l-impriża offerenti tinforma lill-awtorità kontraenti dwar kundanna kontra l-amministratur tagħha, anki jekk din il-kundanna għadha ma hijiex definittiva.

42      L-impriża offerenti, li għandha tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, tista’ tipproduċi l-provi kollha li, fl-opinjoni tagħha, juru tali dissoċjazzjoni.

43      Jekk l-imsemmija dissoċjazzjoni ma tistax tiġi ppruvata b’mod li l-awtorità kontraenti tkun issodisfatta, il-konsegwenza neċessarja ta’ dan tkun l-applikazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni.

44      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni fejn is-sentenza li tikkonstata reat li jaffettwa l-kondotta professjonali tal-amministratur ta’ impriża offerenti għadha ma hijiex definittiva, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 x’aktarx li jkun applikabbli. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-esklużjoni ta’ impriża offerenti li, fil-qasam professjonali, kienet ħatja ta’ nuqqas serju kkonstatat b’kull mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu ġġustifikat.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 34 sa 43 ta’ din is-sentenza huma validi u applikabbli mutatis mutandis f’dak li jirrigwarda nuqqas serju fil-qasam professjonali.

46      Meta mqabbla mal-applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, waħda mid-differenzi tikkonsisti fiċ-ċirkustanza li l-awtorità kontraenti tista’ tiġġustifika, u b’“kull mezz”, l-eżistenza ta’ tali nuqqas serju.

47      Għal dan il-għan, deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, anki jekk għadha mhux definittiva, tista’, skont is-suġġett ta’ dik id-deċiżjoni, tipprovdi lill-awtorità kontraenti mezz xieraq sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ nuqqas serju professjonali, sa fejn id-deċiżjoni tagħha tista’, f’kull każ, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

48      Għandu jingħad ukoll li, skont il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, offerent jista’ jiġi eskluż jekk ikun ħati b’mod serju ta’ dikjarazzjonijiet foloz, iżda wkoll meta ma jipprovdix informazzjoni meħtieġa abbażi tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VII tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, jiġifieri dwar il-“Kriterji għal għażla kwalitattiva”. Għalhekk, il-fatt li l-awtorità kontraenti ma tiġix informata bl-aġiri kriminalment kundannabbli tal-ex amministratur jista’ wkoll ikun element li jippermetti l-esklużjoni, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ offerent mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

49      Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(3) tal-imsemmija direttiva, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax sa liema punt l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali.

50      Il-qorti tar-rinviju, fid-domanda preliminari tagħha, tagħmel ukoll riferiment għal diversi prinċipji, li biss uħud minnhom kisbu l-livell ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tispjega preċiżament b’liema mod, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, dawn jistgħu jkunu rilevanti u jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa biżżejjed, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi osservat li, fid-dawl tal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, li huwa intiż li jipproteġi l-integrità tal-proċedura ta’ kuntratt pubbliku, is-sitwazzjoni ta’ impriża offerenti li l-amministratur tagħha wettaq reat li jaffettwa l-kondotta professjonali ta’ din l-impriża jew nuqqas serju professjonali ma tistax titqies paragunabbli għal dik ta’ impriża offerenti li l-amministratur tagħha ma huwiex ħati ta’ tali aġir.

52      Fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax sa fejn jista’ jkun neċessarju li jiġu interpretati fir-rigward tal-kawża prinċipali.

53      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata fid-dawl ta’ meta hija d-data li minnha l-aġir kundannabbli tal-amministratur jista’ jitqies bħala li jikkawża l-esklużjoni tal-impriża offerenti. Fil-fatt, fil-każ li t-tul ta’ żmien ikun twil wisq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali x’aktarx li tkun tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

54      F’dan ir-rigward, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġir kundannabbli matul is-sena ta’ qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt pubbliku ma jidhirx li huwa sproporzjonat, iktar u iktar peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li l-impriża tista’ tipprova li hija effettivament u kompletament iddissoċjat ruħha mill-aġiri tal-amministratur tagħha.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari l-punti (ċ), (d) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-awtorità kontraenti:

–      tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-kundizzjonijiet li hija stabbilixxiet, kundanna kriminali tal-amministratur ta’ impriża offerenti, anki jekk din il-kundanna għadha ma hijiex definittiva, għal reat li jaffettwa l-kondotta professjonali ta’ din l-impriża meta dan ma baqax jeżerċità l-funzjonijiet tiegħu fis-sena ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt pubbliku, u

–      li teskludi lill-imsemmija impriża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, minħabba li, billi naqset milli tiddikjara din il-kundanna li kienet għadha mhux definittiva, hija ma ddissoċjatx ruħha kompletament u effettivament mill-aġiri tal-imsemmi amministratur.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], b’mod partikolari l-punti (ċ), (d) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-awtorità kontraenti:

–        tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-kundizzjonijiet li hija stabbilixxiet, kundanna kriminali tal-amministratur ta’ impriża offerenti, anki jekk din il-kundanna għadha ma hijiex definittiva, għal reat li jaffettwa l-kondotta professjonali ta’ din l-impriża meta dan ma baqax jeżerċità l-funzjonijiet tiegħu fis-sena ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt pubbliku, u

–        li teskludi lill-imsemmija impriża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, minħabba li, billi naqset milli tiddikjara din il-kundanna li kienet għadha mhux definittiva, hija ma ddissoċjatx ruħha kompletament u effettivament mill-aġiri tal-imsemmi amministratur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.