Language of document : ECLI:EU:T:2021:597

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Settembru 2021 (*)

“Proċedura – Talba għal reviżjoni – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Rikors kontra deċiżjoni tal-EUIPO li tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark – Irtirar tal-oppożizzjoni li seħħ qabel in‑notifika tad-digriet li jiċħad ir-rikors – Fatt mhux magħruf mir-rikorrent u mill‑Qorti Ġenerali – Reviżjoni tad-digriet – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑616/19 REV,

Katjes Fassin GmbH & Co. KG, stabbilita f’Emmerich am Rhein (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Schmitz, S. Stolzenburg‑Wiemer, M. Breuer u I. Dimitrov, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Haribo The Netherlands & Belgium BV, stabbilita fi Breda (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn A. Tiemann u C. Elkemann, avukati


li għandha bħala suġġett talba għal reviżjoni tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, F. Schalin u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għat-talba

1        Fit‑18 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti, Katjes Fassin GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali WONDERLAND u din l-applikazzjoni kienet tikkonċerna prodotti fil-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

3        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2017/017 tas‑26 ta’ Jannar 2017.

4        Fit‑22 ta’ Marzu 2017, Haribo The Netherlands & Belgium BV ippreżentat oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND għall-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark verbali tal-Benelux preċedenti WONDERMIX, irreġistrata fl‑1 ta’ Lulju 2015 bin-Numru 974248 u li tkopri prodotti fil-klassi 30.

6        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

7        Fis‑7 ta’ Settembru 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark tal-Benelux preċedenti għall-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND.

8        Fis‑6 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Lulju 2019 (Każ R 2164/2018‑4), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell sa fejn dan kien iddeċieda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għal parti mill-prodotti kkontestati.

11      Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti.

12      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti talbet lill-EUIPO jipprovdilha kjarifiki dwar ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx ġiet informata li, b’fax tal‑25 ta’ Ġunju 2020, l-opponent, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, kienet irtirat l-oppożizzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ressqet, bis-saħħa tal-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talba għal reviżjoni tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

14      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2020, l-EUIPO ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba għal reviżjoni.

15      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ April 2021, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19 REV, EU:T:2021:213), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli t-talba għal reviżjoni tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-mertu.

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2021, l-EUIPO ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-mertu.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tkompli l-proċedura fil-Kawża T‑616/19;

–        temenda d-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334);

–        tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-proċedura fil-kawża prinċipali;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedura għal reviżjoni.

19      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal reviżjoni;

–        ma tikkundannahx la għall-ispejjeż tal-kawża prinċipali u lanqas għal dawk tal-proċedura ta’ reviżjoni.

 Fid-dritt

20      Insostenn tat-talba tagħha għal reviżjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-punt ta’ fatt ikkostitwit mill-irtirar tal-oppożizzjoni tal-intervenjenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND. Hija ssostni li dan il-punt ta’ fatt ma kienx magħruf minnha u mill-Qorti Ġenerali fil-mument tan-notifika tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334). Hija ssostni li dan l-element ġdid għandu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u b’hekk tistabbilixxi soluzzjoni differenti minn dik mogħtija fid-digriet imsemmi iktar ’il fuq.

21      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, konformement għall-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tintalab biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta’ natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel l-għoti tas-sentenza jew in-notifika tad-digriet, ma kienx magħruf mill-Qorti Ġenerali u mill-parti li titlob ir-reviżjoni.

22      Wara dan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-reviżjoni ma tikkostitwixxix appell, iżda rimedju straordinarju li jippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva minħabba konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-qorti kienet ibbażat ruħha. Ir-reviżjoni tippreżupponi l-iskoperta ta’ elementi ta’ natura fattwali li jippreċedu l-għoti jew in-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li ma jkunux magħrufa sa dak iż-żmien mill-qorti li tat din id-deċiżjoni kif ukoll mill-parti li titlob ir-reviżjoni u li, jekk l-imsemmija qorti setgħet teħodhom inkunsiderazzjoni, setgħu jwasslu sabiex tingħata soluzzjoni differenti minn dik mogħtija għat-tilwima (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑4 ta’ Diċembru 2014, JAS vs Il‑Kummissjoni, T‑573/11 REV, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1124, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Novembru 2017, Staelen vs L‑Ombudsman, T‑217/11 REV, mhux ippubblikat, EU:T:2017:861, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, skont kliem l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għat-terminu ta’ għaxar snin previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-reviżjoni għandha tintalab f’terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-jum li fih min iressaq it-talba jkun sar jaf bil-fatt li fuqu tkun ibbażata t-talba għal reviżjoni. Konformement mal-Artikolu 169(3)(d) tal-imsemmija regoli, it-talba għal reviżjoni għandha tindika l-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u sabiex jistabbilixxu li t-termini previsti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu ġew osservati.

24      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b’deċiżjoni li tikkonstata espressament l-eżistenza ta’ fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkun ta’ karattru li jagħti lok għar-reviżjoni u tiddikjara li fuq dan il-motiv it-talba tkun ammissibbli. L-Artikolu 169(5) tar-Regoli tal-Proċedura jiddisponi li, bla ħsara għad-deċiżjoni fil-mertu, il-Qorti Ġenerali, wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet dwar l-ammissibbiltà tat-talba.

25      Din l-artikolazzjoni tal-proċedura f’żewġ fażijiet, l-ewwel waħda li tirrigwarda l-ammissibbiltà u t-tieni waħda l-mertu, hija spjegata mis-severità tal-kundizzjonijiet għall-ftuħ tar-reviżjoni, li min-naħa tagħha hija spjegata mill-fatt li dan ir-rimedju jxejjen l-awtorità ta’ res judicata (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, EU:C:1999:364, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ April 2021, WONDERLAND (T‑616/19 REV, EU:T:2021:213), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli t-talba għal reviżjoni tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334). Fil-fatt hija kkunsidrat li l-irtirar tal-oppożizzjoni, li hija stess u r-rikorrenti ma kinux jafu bl-eżistenza tiegħu, kien jikkostitwixxi fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fis-sens tal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn it-tkomplija tal-proċedura nnifisha setgħet tiddependi minnha. Hija għalhekk iddeċidiet li l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissibbiltà ta’ talba għal reviżjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 169 kienu ssodisfatti.

27      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-mertu u, għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334), għandux ikun is-suġġett ta’ reviżjoni.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-oppożizzjoni tiġi rtirata matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li jkollha bħala suġġett deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni jew matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea li jkollha bħala suġġett deċiżjoni dwar appell ippreżentat quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni, il-bażi tal-proċedura sparixxiet, u għalhekk din issir mingħajr skop (digriet tad‑9 ta’ Frar 2004, Synopharm vs UASI – Pentafarma (DERMASYN), T‑120/03, EU:T:2004:33, punt 20; ara, ukoll, id-digriet tat‑2 ta’ April 2020, Thai World Import & Export vs EUIPO – Elvir (Yaco), T‑3/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:150, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, l-intervenjenti irtirat l-oppożizzjoni tagħha quddiem l-EUIPO, fatt li dan tal-aħħar ikkonferma fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal reviżjoni. Barra minn hekk, l-EUIPO ppreċiża li dan l-irtirar kien daħal fis-seħħ qabel in-notifika tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

30      Minn dan isegwi li, fil-mument tan-notifika tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334), il-bażi tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienet sparixxiet u li d-deċiżjoni li kienet is-suġġett tar-rikors għal annullament fil-kawża prinċipali kellha titqies li qatt ma eżistiet.

31      Konsegwentement, li kieku kienet ġiet informata fil-ħin bl-irtirar tal-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tadotta d-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, WONDERLAND (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

32      Għaldaqstant, it-talba għal reviżjoni għandha tintlaqa’ u, konformement mal-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-irtirar tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND, ir-rikors għal annullament fil-Kawża T‑616/19 ma għadx għandu skop u li għalhekk ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat‑2 ta’ April 2020, Yaco, T‑3/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:150, punt 6).

 Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal annullament fil-Kawża T616/19

33      L-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

34      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ reviżjoni

35      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

36      L-EUIPO u l-intervenjenti tilfu l-kawża. Dawn iż-żewġ partijiet kienu wkoll it-tnejn li huma negliġenti peress li ma informawx fi żmien xieraq lill-Qorti Ġenerali u lir-rikorrenti bl-irtirar tal-oppożizzjoni tal-imsemmija intervenjenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND. Madankollu, ir-rikorrenti talbet biss għall-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedura għal reviżjoni. Għaldaqstant, hemm lok li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta mal-proċedura għal reviżjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna li:

1)      It-talba għal reviżjoni tad-digriet tal10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334), hija milqugħa.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-kawża Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T616/19).

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-proċedura għal annullament fil-kawża Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T616/19).

4)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-proċedura għal reviżjoni.

5)      L-EUIPO huwa kkundannat għal nofs l-ispejjeż ta’ Katjes Fassin GmbH & Co. KG marbuta mal-proċedura għal reviżjoni.

6)      Katjes Fassin għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-proċedura għal reviżjoni.

7)      L-oriġinal ta’ dan id-digriet ser jiġi anness mir-Reġistratur mal-oriġinal tad-digriet tal10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

8)      Ir-Reġistratur ser isemmi dan id-digriet fil-marġni tad-digriet tal10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO – Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).

Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Settembru 2021.

Reġistratur

 

President

E. Coulon

 

V. Tomljenović


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.