Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2021 – Ryanair u Malta Air vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-494/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) u Malta Air ltd. (Pietà, Malta) (rappreżentanti: F.-C. Laprévote, E. Vahida, V. Blanc, S. Rating u I.-G Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-5 ta’ April 2021 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.59913 (2021/N) – Franza – COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u ta’ Air France – KLM Holding 1 ; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv: il-konvenuta żbaljat meta eskludiet lil KLM mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv: il-konvenuta applikat b’mod żbaljat il-Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19.

It-tielet motiv: il-konvenuta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

Ir-raba’ motiv: id-deċiżjoni kkontestata tikser dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li servew ta’ bażi għal-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni sa mill-aħħar tad-deċennju 1980 (jiġifieri, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi 2 u l-libertà ta’ stabbiliment).

Il-ħames motiv: il-konvenuta naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Is-sitt motiv: il-konvenuta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

Is-seba’ motiv: id-deċiżjoni kkontestata naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 342 TFUE u tar-Regolament Nru 1/58 dwar il-lingwa tal-atti uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni 3 .

____________

1     ĠU 2021 C 240, p. 13.

2     Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 293, p. 3).

3     Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).