Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2021 – British Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-480/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Airways plc (Harmondsworth, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: A. Lyle-Smythe u R. O’Donoghue, avukati)

Konvenuta: Il-Kumissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-Kummissjoni biex tħallas minnufih l-ammont ta’ interessi awtomatiċi, li jikkorrispondu għall-interessi awtomatiċi fuq l-ammont ta’ EUR 104 040 000 bir-rata ta’ ffinanzjar mill-ġdid tal-BĊE kif ukoll 3.5 % għall-perijodu mill-14 ta’ Frar 2011 sat-8 ta’ Frar 2016 (u jitnaqqas l-ammont diġà mħallas bħala “ritorn garantit”) jew, alternattivament, b’tali rata kif il-Qorti Ġenerali jidhrilha xieraq.

tordna lill-Kummissjoni biex tħallas l-interessi komposti (jew, alternattivament, l-interessi awtomatiċi) fuq l-ammont ta’ interessi awtomatiċi (jew xi ammont ieħor kif il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni li tħallas skont is-subparagrafu hawn fuq) bir-rata ta’ ffinanzjar mill-ġdid tal-BĊE kif ukoll 3.5 %, jew kull rata oħra li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xieraq.

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tħallas is-somom imsemmija hawn fuq fl-ittri tagħha bid-dati tat- 30 ta’ April u tat-2 ta’ Lulju 2021, u biex tiddikjaraha bħala nulla u mingħajr effett ex tunc.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħrajn tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li British Airways hija intitolata tirkupra l-ammont ta’ interessi awtomatiċi b’azzjoni taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, billi l-Kummissjoni kienet obbligata tħallas dak l-ammont sabiex tosserva s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-48/11.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li British Airways hija intitolata, alternattivament, tirkupra l-ammont ta’ interessi awtomatiċi b’azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266, Artikolu 268 u Artikolu 340 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li British Airways hija fi kwalunkwe każ intitolata għall-pagament ta’ interessi komposti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 jew, alternattivament, it-tieni paragrafu tiegħu, l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340 TFUE, fuq is-somma li kellha titħallas lilha fit-8 ta’ Frar 2016.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas l-ammont ta’ interessi awtomatiċi u l-interessi komposti, irreġistrat fl-ittri tagħha tat-30 ta’ April 2021 1 u tat-2 ta’Lulju 2021 2 , huwa bbażat fuq ksur tat-Trattati (jiġifieri l-Artikolu 266 TFUE) u/jew il-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħtu restituzzjoni wara sentenza li tannulla miżura. Ir-rikorrenti b’hekk tallega li d-deċiżjoni ser tiġi annullata skont l-Artikolu 263 TFUE.

____________

1     Ittra mill-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2021 indirizzata lir-rikorrenti.

2     Ittra mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2021 indirizzata lir-rikorrenti, Ref. ARES(2021)4317994.