Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2021 – Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-475/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, T. Stéhelin, A-L. Desjonquères, G. Bain, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/988 tas-16 ta’ Ġunju 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn hija tapplika korrezzjoni ekwivalenti għal EUR 45 869 990.19, f’dak li jirrigwarda “Appoġġ Akkoppjat Volontarju” għal “ Miżura 24 - sena tat-talba 2017 (sena finanzjarja 2018)” u “Miżura 24 - sena tat-talba 2017 (sena finanzjarja 2019)” għas-snin finanzjarji 2018 u 2019;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 1 , meta qieset li l-legumi kkultivati f’taħlita ma’ ħxejjex ma setgħux ikunu eliġibbli għal skema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu skema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju għall-prattiki komuni u stabbiliti kollha fi Stat Membru fis-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, li huwa intiż għal-legumi kkultivati għall-kontenut għoli ta’ proteini tagħhom.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-settur tal-uċuh tar-raba’ li fihom il-proteini jinkludi l-prattika, li hija komuni b’mod partikolari fi Franza, tal-kultivazzjoni prinċipalment ta’ wċuħ tar-raba’ b’foraġġ leguminuż imħallat ma’ ħxejjex.

Għaldaqstant, peress li qieset, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kultivazzjoni prinċipalment ta’ wċuħ tar-raba’ b’foraġġ leguminuż imħallat ma’ ħxejjex ma tistax tkun eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat volontarju previst mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1307/2013, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013 L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).