Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2021 –Aquind et vs ACER

(Kawża T-492/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aquind Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Aquind Energy Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) u Aquind SAS (Rouen, Franza) (rappreżentanti: S. Goldberg, L. Van den Hende, L. Malý u E. White, lawyers)

Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-konvenuta tal-4 ta’ Ġunju 2021; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta wettaq żball meta ddeċieda li l-appell ippreżentat quddiemu kien inammissibbli. Il-konvenuti jsostnu li l-konvenuta żammet il-kompetenza li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata tagħha 1 b’deċiżjoni ġdida u li tagħti lill-AQUIND Interconnector l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 2 . Iktar minn hekk, il-konvenuti jallegaw li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta naqas milli josserva l-obbligu tiegħu li jiżgura eżekuzzjoni sħiħa u kompleta tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2020 3 .

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta kiser ir-rekwiżiti imposti fl-Artikoli 25(3) u 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 2019/942 4 u fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Appell tal-konvenuta. Il-konvenuti jsostnu li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta ma segwiex il-proċedura korretta sa fejn wieħed mill-membri tiegħu ma attendiex għas-seduta, sa fejn il-proċeduri orali tqiesu li ma jikkostitwixxux evidenza, u sa fejn ma ġie ppubblikati ebda verbal tas-seduta tad-deliberazzjoni.

____________

1     Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Konvenuta Nru A-001-2018, tad-19 ta’ Ġunju 2018.

2     Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2009, L 211, p. 15)

3     Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2020, Aquind v ACER, T-735/18, EU:T:2020:542.

4     Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2019, L 158, p. 22).