Language of document : ECLI:EU:T:2021:597

Kawża T-616/19 REV

Katjes Fassin GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Settembru 2021

“Proċedura – Talba għal reviżjoni – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Rikors kontra deċiżjoni tal-EUIPO li tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark – Irtirar tal-oppożizzjoni li seħħ qabel in‑notifika tad-digriet li jiċħad ir-rikors – Fatt mhux magħruf mir-rikorrent u mill‑Qorti Ġenerali – Reviżjoni tad-digriet – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Reviżjoni – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tat-talba – Fatt ġdid – Kunċett – Fatt ta’ natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li ma kienx magħruf mir-rikorrenti u mill-Qorti Ġenerali – Irtirar tal-oppożizzjoni qabel in-notifika tad-digriet li jiċħad ir-rikors – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 8(1)(b); Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 169)

(ara l-punti 22, 25, 26)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għat-tressiq ta’ kawża – Rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal trade mark li seħħet wara t-tressiq ta’ oppożizzjoni – Irtirar tal-oppożizzjoni – Rikors li ma għadx għandu skop – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikoli 8(1)(b), 46 u 72; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 130(2))

(ara l-punti 28 sa 32)

Sunt

Fit‑18 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti, Katjes Fassin GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali WONDERLAND. Haribo The Netherlands & Belgium BV ippreżentat oppożizzjoni abbażi tat-trade mark Benelux verbali preċedenti tagħha WONDERMIX. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Lulu 2019, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li kienet laqgħet l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha u li kienet iddeċidiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni għal parti mill-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

Ir-rikors ippreżentat minn Katjes Fassin kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020 (1). Wara li saret taf li l-persuna li topponi kienet irtirat l-oppożizzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WONDERLAND qabel ma l-Qorti Ġenerali tat id-digriet tagħha, Katjes Fassin ressqet talba għal reviżjoni, li permezz tagħha hija talbet lill-Qorti Ġenerali tkompli l-proċedura fil-kawża inkwistjoni u temenda d-digriet tagħha.

Permezz tal-ewwel deċiżjoni (2), il-Qorti Ġenerali tiddikjara t-talba għal reviżjoni ammissibbli. Permezz tat-tieni deċiżjoni (3), hija tilqa’ din it-talba u tiddeċiedi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament, li ma għadx għandu skop.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal reviżjoni. Preliminarjament, hija tfakkar li r-reviżjoni ta’ deċiżjoni tagħha tista’ tintalab biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta’ natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel l-għoti tas-sentenza jew in-notifika tad-digriet, ma kienx magħruf mill-Qorti Ġenerali u mill-parti li titlob ir-reviżjoni (4). Barra minn hekk, hija tenfasizza li r-reviżjoni hija rimedju straordinarju li jippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva minħabba konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-qorti kienet ibbażat ruħha.

Wara li tagħmel dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali teżamina, fl-ewwel lok, jekk it-talba għal reviżjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, għalkemm il-persuna li topponi informat lill-EUIPO bl-irtirar tal-oppożizzjoni, dan tal-aħħar ma għaddiex din l-informazzjoni lil Katjes Fassin. Konsegwentement, peress li ma kinitx ġiet informata bl-irtirar effettiv tal-oppożizzjoni qabel in-notifika tad-digriet tal-10 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf dwar dan il-punt ta’ fatt fid-data tal-imsemmija notifika. Il-Qorti Ġenerali tenfasizza wkoll li, meta hija tat l-imsemmi digriet, lanqas hija ma kellha informazzjoni dwar l-irtirar tal-oppożizzjoni, sa fejn hija la kienet ġiet informata b’dan mill-EUIPO u lanqas mill-persuna li topponi.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-irtirar tal-oppożizzjoni jikkostitwixxi fatt ta’ natura tali li jkollu influwenza deċiżiva. Fil-fatt, meta l-oppożizzjoni tiġi rtirata matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni li jkollha bħala suġġett deċiżjoni dwar appell ippreżentat quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni, il-bażi tal-proċedura tisparixxi, u għalhekk din issir mingħajr skop. Hija tispeċifika li, li kieku hija kienet taf dwar l-irtirar tal-oppożizzjoni qabel l-adozzjoni tad-digriet tal-10 ta’ Lulju 2020, ma jistax jiġi eskluż li hija ma kinitx tasal li tadotta dan id-digriet.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-interess ġuridiku ta’ Katjes Fassin. Hija tosserva li, f’dan il-każ, l-eżistenza tal-imsemmi interess ma jistax jiġi eskluż minkejja l-għajbien tas-suġġett tar-rikors għal annullament b’konsegwenza tal-irtirar tal-oppożizzjoni. Wara li tfakkar l-għan speċifiku tar-reviżjoni, jiġifieri t-tqegħid inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-tqegħid inkwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal-10 ta’ Lulju 2020, li fih kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li huma sfavorevoli għar-rikorrenti, jagħti lil din tal-aħħar benefiċċju li jiġġustifika l-interess ġuridiku tagħha. Barra minn hekk, hija tosserva li r-reviżjoni tal-imsemmi digriet tista’ wkoll tkun ta’ benefiċċju għaliha f’dak li jirrigwarda l-qsim tal-ispejjeż li għalihom hija kienet ġie ikkundannata.

Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-kriterji ta’ ammissibbiltà tat-talba għal reviżjoni huma ssodisfatti u li Katjes Fassin għandha interess ġuridiku li titlob ir-reviżjoni tad-digriet tal-10 ta’ Lulju 2020.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-mertu. Hija tikkonstata li, fil-mument tan-notifika tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2020, il-bażi tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienet sparixxiet u li d-deċiżjoni li kienet is-suġġett tar-rikors għal annullament fil-kawża prinċipali kellha titqies li qatt ma eżistiet. Konsegwentement, li kieku kienet ġiet informata fil-ħin bl-irtirar tal-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tadotta dan id-digriet.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba għal reviżjoni, tikkonstata li, wara l-irtirar tal-oppożizzjoni, ir-rikors għal annullament ma għadx għandu skop u li għalhekk ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u tiddikjara li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura għal annullament.


1      Digriet tal-10 ta’ Lulju 2020, Katjes Fassin vs EUIPO - Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:334).


2      Digriet tal-22 ta April 2021, Katjes Fassin vs EUIPO - Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19 REV, EU:T:2021:213).


3      Digriet tal-13 ta’ Settembru 2021, Katjes Fassin vs EUIPO - Haribo The Netherlands & Belgium (WONDERLAND) (T‑616/19 REV, EU:T:2021:597).


4      Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.