Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2010 - Saupiquet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-131/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Saupiquet (Courbevoie Cedex, Franza) (rappreżentant: R. Ledru, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru REM 07/08, tas-16 ta' Diċembru 2009, fl-intier tagħha

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 10005 finali, tas-16 ta' Diċembru 2009, li tinforma lill-awtoritajiet Franċiżi li r-rimbors lir-rikorrenti tad-dazji fuq l-importazzjoni fuq il-kunserva tat-ton li joriġina mit-Tajlandja mhuwiex iġġustifikat [Fajl REM 07/08].

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha li tiggarantixxi li l-importaturi, stabbiliti fi Franza jew fi Stat Membru ieħor fejn l-uffiċċji doganali huma legalment magħluqa l-Ħadd, li ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom it-Tnejn 2 ta' Lulju 2007 ikollhom aċċess ugwali u nondiskriminatorju għall-kwota Nru 09.2005 għall-perijodu 2007/2008,

billi ma adottatx, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża fejn din il-kwota nfetħet il-Ħadd 1 ta' Lulju 2007, il-miżuri leġiżlattivi li kienu jippermettu li l-imsemmija importaturi jiġu ttrattati b'mod ugwali u nondiskriminatorju, u

peress li ma ddifferietx id-data tal-ftuħ tal-imsemmija kwota, għat-Tnejn 2 ta' Lulju 2007, minkejja li l-kwota inkwistjoni kienet ferm kruċjali.

____________