SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)
20 ta’ Diċembru 2023 (*)
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl ta’ azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin’ – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għal ħajja privata – Applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru – Moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni”
Fil-Kawża T‑313/22,
Roman Arkadyevich Abramovich, li jirrisjedi f’Nemchinovo (ir-Russja), irrappreżentat minn T. Bontinck, A. Guillerme, S. Bonifassi, M. Brésart, L. Burguin, J. Goffin, J. Bastien, R. Lööf, avukati, u M. C. Zatschler, SC,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u M.‑C. Cadilhac, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, C. Giolito, L. Puccio u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża),
komposta minn D. Spielmann, President, V. Valančius, R. Mastroianni (Relatur), M. Brkan u M. I. Gâlea, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
– ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2022;
– id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2022 li biha l-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Kunsill;
– in-noti ta’ adattament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2022, fit‑23 ta’ Marzu 2023 u fis‑17 ta’ Mejju 2023;
wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2023,
wara li kkunsidrat, fid-dawl tat-tmiem tas-servizz tal-Imħallef Valančius fis‑26 ta’ Settembru 2023, l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Roman Arkadyevich Abramovich, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, fl-ewwel lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 66) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), fit-tieni lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022”), fit-tielet lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023”), u, fir-raba’ lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/811 tat‑13 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 101, p. 67) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/806 tat‑13 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 101, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ April 2023” u, meħuda konġuntement mal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernaw lilu, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti minnu wara l-adozzjoni tal-atti inizjali.
Il‑fatti li wasslu għall-kawża
2 Ir-rikorrent huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa, Iżraeljana u Portugiża.
3 Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014 L 294, p. 64).
4 Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità awtoproklamati tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u tar-“Repubblika Popolari ta’ Lougansk” u ordna l-iskjerament ta’ forzi militari Russi f’dawn iż-żoni.
5 Fit‑22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea li tikkundanna dawn l-azzjonijiet, sa fejn dawn kienu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni sejra tirreaġixxi għal dawn l-aħħar imsemmija istanzi ta’ ksur mill-Federazzjoni Russa bl-adozzjoni b’urġenza ta’ miżuri restrittivi addizzjonali.
6 Fit‑23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta l-ewwel sensiela ta’ miżuri restrittivi. Dawn kienu jikkonċernaw, fl-ewwel lok, restrizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi mar-reġjuni mhux ikkontrollati mill-Gvern ta’ Donetsk u ta’ Lougansk, fit-tieni lok, restrizzjonijiet għall-aċċess għas-suq finanzjarju, b’mod partikolari billi jipprojbixxu l-finanzjament tal-Federazzjoni Russa, tal-Gvern tagħha u tal-Bank Ċentrali tagħha, u, fit-tielet lok, iż-żieda ta’ membri tal-Gvern, ta’ banek, ta’ negozjanti, ta’ mexxejja kif ukoll ta’ 336 membru tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (id-Douma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) fil-lista ta’ persuni, entitajiet u organi li huma suġġetti għal miżuri restrittivi.
7 Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina u, fl-istess jum, il-forzi armati Russi attakkaw l-Ukraina f’diversi bnadi tal-pajjiż.
8 Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta t-tieni sensiela ta’ miżuri restrittivi. Fl-ewwel lok, dawn kienu miżuri individwali li jikkonċernaw persuni fil-politika jew fin-negozju involuti fil-ħsara għall-integrità tat-territorju Ukrain. Fit-tieni lok, dawn kienu miżuri restrittivi applikabbli fil-qasam finanzjarju, tad-difiża, tal-enerġija, fis-settur tal-avjazzjoni u tal-industrija tal-ispazju. Fit-tielet lok, dawn kienu miżuri li jissospendu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim li jipprovdi għal miżuri intiżi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Federazzjoni Russa li jitolbu viża għal żmien qasir.
9 Fl-istess data, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1), u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 51, p. 1), bil-ħsieb b’mod partikolari li jemenda l-kriterji li b’applikazzjoni tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi setgħu jiġu ssuġġettati għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Skont il-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, il-Kunsill qies li kien hemm il-ħtieġa li jiġu emendati l-kriterji ta’ deżinjazzjoni sabiex jinkludu persuni u entitajiet li jappoġġaw jew jibbenefikaw mill-Gvern Russu kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipprovdulu sors sostanzjali ta’ dħul u persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati ma’ persuni jew entitajiet elenkati fil-lista.
10 L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
d) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;
[…]
g) negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,
[…]
2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”
11 Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar huma ddefiniti mill-Artikolu 2(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata.
12 L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata jistabbilixxi d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji essenzjalment identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) ta’ dik id-deċiżjoni.
13 Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament 2022/330, jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(a) sa (g) ta’ dan ir-regolament kif emendat essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 2(1)(a) sa (g) tal-imsemmija deċiżjoni.
14 F’dan il-kuntest, permezz tal-atti inizjali, il-Kunsill żied l-isem tar-rikorrent fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi inklużi fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat (iktar ’il quddiem il-“lista inkwistjoni”).
15 Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma dawn li ġejjin:
“[Ir-rikorrent] huwa negozjant ewlieni Russu li għandu rabtiet fit-tul u mill-qrib ma l-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. Kellu aċċess privileġġat għall-President u żamm relazzjonijiet tajbin ħafna miegħu. Din ir-rabta mal-mexxej Russu għenitu jżomm il-ġid konsiderevoli tiegħu. Huwa azzjonist ewlieni tal-grupp tal-azzar Evraz, li huwa wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja.
Għalhekk kien u għadu qed jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll negozjant Russu ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
16 Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata u bir-Regolament Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/427 (ĠU 2022, C 121 I, p. 1). Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni kkonċernati setgħu jressqu quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni, billi jehmżu magħha dokumenti ta’ sostenn.
17 Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-provi bir-referenza WK 3624/2022, tat‑12 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem l-“ewwel fajl WK”), li fuq il-bażi tiegħu huwa kien stabbilixxa d-deċiżjoni tiegħu.
18 Fil‑25 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ressaq talba għal eżami mill-ġdid tal-atti inizjali.
Fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors preżenti
19 Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-rikorrent ġew imġedda sal‑15 ta’ Marzu 2023. F’dawn l-atti, il-Kunsill iġġustifika t-tiġdid tal-imsemmija miżuri billi rriproduċa l-motivi kollha tal-atti inizjali.
20 Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li magħha kien mehmuż il-fajl tal-provi bir-referenza WK 17693/2022, tal‑15 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem it-“tieni fajl WK”), il-Kunsill indika lir-rikorrent li kellu l-intenzjoni li jġedded il-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.
21 Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-provi l-ġodda.
22 Permezz tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023, il-miżuri restrittivi meħuda kontrih ġew estiżi sal‑15 ta’ Settembru 2023. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu.
23 Permezz tal-atti ta’ żamma ta’ April 2023, saret emenda f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-espożizzjoni tal-motivi li tikkonċerna lir-rikorrent kif ukoll fit-taqsima intitolata “informazzjoni ta’ identifikazzjoni” li tikkonċerna lilu.
24 Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni ġew emendati fl-atti ta’ żamma ta’ April 2023 kif ġej:
“[Ir-rikorrent] huwa oligarka Russu li għandu rabtiet twal u mill-qrib ma’ Vladimir Putin. Huwa kellu aċċess privileġġat għall-President, u żamm relazzjonijiet tajbin ħafna miegħu. Din il-konnessjoni mal-mexxej Russu għenitu jżomm il-ġid konsiderevoli tiegħu. Huwa azzjonist ewlieni tal-grupp tal-azzar Evraz, li huwa wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja.
Għalhekk huwa kien qed jibbenefika wkoll minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
25 Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill indika lir-rikorrent, b’risposta għal ittra ta’ dan tal-aħħar tal‑4 ta’ Mejju 2023, ir-raġunijiet għall-imsemmija emenda.
It-talbiet tal‑partijiet
26 Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lilu;
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ miljun ewro, fuq bażi provviżorja, favur il-fondazzjoni karitattiva li qiegħda tiġi stabbilita fil-kuntest tal-bejgħ ta’ Chelsea FC għall-benefiċċju tal-vittmi ta’ kunflitti, bħala kumpens għad-danni morali subiti;
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
27 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id‑dritt
28 Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, fir-rigward tat-talba tiegħu għal annullament, erba’ motivi, ibbażati formalment, l-ewwel wieħed, fuq “ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni”, it-tieni wieħed, fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, it-tielet wieħed, fuq “ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità” u, ir-raba’ wieħed, fuq “ksur tad-drittijiet fundamentali”. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-illegalità tal-aġir tal-Kunsill ikkawżatlu danni li jeħtieġ li jiġi kkumpensat għalihom. Fil-kuntest tal-ewwel żewġ noti ta’ adattament tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ukoll argumenti bbażati fuq “ksur tad-drittijiet tad-difiża” u fuq l-“interpretazzjoni żbaljata mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”, li essenzjalment huma marbuta mal-ewwel motiv, b’tali mod li sejrin jiġu analizzati bħala parti minn dan l-ewwel motiv.
Fuq it‑talba għal annullament
Fuq l‑ewwel motiv
29 L-ewwel motiv jista’ jiġi subdiviż essenzjalment f’żewġ partijiet, li minnhom l-ewwel parti tikkonċerna l-“ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni” u t-tieni waħda hija kkostitwita minn argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel żewġ noti ta’ adattament, diretti speċifikament kontra l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023.
– Fuq l‑ewwel parti, li tirrigwarda l‑“ksur tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni”
30 Ir-rikorrent isostni li l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ma tippermettilux jiddefendi ruħu korrettement. B’mod partikolari, huwa jallega li l-Kunsill ma speċifikax in-natura u l-portata tar-“rabtiet” jew tar-“relazzjonijiet” mal-President Putin.
31 Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma kkomunikalux informazzjoni affidabbli u kredibbli li jippermettulu jivverifika l-motivi tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, kif ukoll ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa qies li l-atti kkontestati kienu ġġustifikati.
32 F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li l-provi inklużi fil-proċess, komposti unikament minn artikoli tal-istampa jew minn estratti u minn screenshots minn siti tal-internet, ma jippermettux li jiġi identifikat xi att ta’ sostenn jew vantaġġ riċevut min-naħa tal-President Putin.
33 Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma identifikax il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li mingħandhom huwa bbenefika.
34 Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-allegazzjonijiet tal-Kunsill ippoġġuh fl-obbligu li jipproduċi provi negattivi, u b’hekk jaqilbu fuqu l-oneru tal-prova.
35 Fir-replika, ir-rikorrent jinvoka l-assenza ta’ bażi fattwali aġġornata għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa jallega li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-każ, sa fejn dan tal-aħħar ma jagħmel l-ebda riferiment għal sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejnu u bejn is-“sitwazzjonijiet miġġielda”, jiġifieri l-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
36 Fin-noti ta’ adattament, ir-rikorrent isostni li l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li, sa fejn huwa kkonċernat il-grupp tal-azzar Evraz (iktar ’il quddiem “Evraz”), l-istatus tiegħu ta’ azzjonist tal-kumpannija omm tippermettilu jeżerċita influwenza fuq is-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-Kunsill ma jibbażax ruħu iktar fuq il-provi annessi mal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li jagħmlu riferiment b’mod ġenerali għar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Evraz u, b’mod partikolari, għall-kuntratti li s-sussidjarji ta’ dan tal-aħħar ikkonkludew mal-gwardja nazzjonali tal-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, il-provi inklużi fit-tieni fajl WK, minkejja li, fil-maġġoranza tagħhom, jippreċedu l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, ma ġewx invokati waqt l-adozzjoni tagħhom.
37 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
38 Skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-motivi magħmula fuq talba tagħha (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 L-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 49 u 50, u tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħrajn li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement immotivat meta jseħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu ta’ żmien li fihom għandu jseħħ (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċarat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Għalkemm dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd ukoll għad-distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-motivazzjoni u dik tal-prova tal-aġir allegat, li wkoll taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni u timplika li għandha tiġi vverifikata r-realtà tal-fatti msemmija f’dan l-att kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Chyzh et vs Il‑Kunsill, T‑276/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:748, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Preliminarjament, kif irrikonoxxa r-rikorrent waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tiegħu marbuta mal-eżattezza, man-natura mhux attwali tal-allegazzjonijiet li jinsabu fir-raġunijiet għall-inklużjoni u mal-kontenut tat-tieni fajl WK jaqgħu taħt il-fondatezza tal-atti kkontestati u ma jirrigwardawx l-eżistenza jew in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-argument tiegħu marbut mal-allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova, li jirrigwarda l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi.
45 Fil-kawża preżenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġenerali li wassal lill-Kunsill sabiex jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni huwa espost b’mod ċar fil-premessi tal-atti kkontestati, li b’mod partikolari, jagħmlu riferiment għall-agressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata min-naħa tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Bl-istess mod, il-bażijiet legali li fuqhom ġew adottati l-imsemmija atti, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, huma b’mod ċar identiċi. Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija dik esposta fil-punti 14 u 24 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-kuntest u ċ-ċirkustanzi ta’ madwar l-adozzjoni tal-imsemmija atti kienu magħrufa sewwa mir-rikorrent.
46 Fit-tieni lok, minn qari tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kunsill inkluda l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq żewġ kriterji, li huma msemmija espliċitament fir-raġunijiet għall-inklużjoni, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kriterju (d)” u l-“kriterju (g)”) (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.
47 Fit-tielet lok, ir-raġunijiet għall-inklużjoni previsti fil-punti 15 u 24 iktar ’il fuq ippermettew lir-rikorrent jifhem li ismu ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni b’mod partikolari minħabba l-fatt li huwa kellu rabtiet mill-qrib u dejjiema mal-President Putin li, indipendentement min-natura tagħhom, għenuh iżomm livell ta’ ġid kunsiderevoli, tant li bbenefika minn persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa identifikat bħala wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-kumpannija omm ta’ Evraz, li hija inkluża fost il-kontribwenti l-iktar importanti tar-Russja, tant li huwa identifikat bħala negozjant ewlieni attiv fis-settur ekonomiku li jipprovdi jew jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.
48 F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari, tan-natura allegatament vaga u ġenerika tar-riferiment għal persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li, billi jsir riferiment għall-“mexxej Russu” fis-singular, fatt li jippermetti l-identifikazzjoni faċli tal-President Putin bħala l-persuna Russa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li mingħandha bbenefika r-rikorrent, jirriżulta li l-espożizzjoni tal-motivi hija suffiċjentement preċiża.
49 Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ tibdil tar-raġunijiet għall-inklużjoni u ta’ żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, ir-rikorrent ma jistax jallega li l-Kunsill ma għamilx riferiment, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti ta’ żamma, għall-provi li ġew trażmessi lilu permezz tal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022.
50 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-atti kkontestati jistabbilixxu sal-grad rikjest mil-liġi l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li, skont il-Kunsill, jikkostitwixxu l-bażi tagħhom.
51 Għaldaqstant jeħtieġ li din il-parti tiġi miċħuda.
– Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq il‑“ksur tad‑drittijiet tad‑difiża” u fuq l‑“interpretazzjoni żbaljata mill‑Kunsill tal‑obbligu tiegħu ta’ eżami mill‑ġdid fil‑kuntest tal‑adozzjoni tal‑atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”
52 Essenzjalment, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma pprovdilux il-possibbiltà li jinstema’ qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023 u li ma tax risposta sostanzjali għal ċertu numru ta’ elementi u ta’ argumenti li tressqu minnu.
53 Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma evalwax mill-ġdid in-neċessità taż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu, li għamel riferiment għal elementi mhux attwali u li ma ħax inkunsiderazzjoni t-tibdil fiċ-ċirkustanzi li kien hemm wara l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mar-rwol li huwa kellu f’diversi sforzi umanitarji u fil-medjazzjoni bejn il-partijiet kif ukoll mar-relazzjonijiet tiegħu mal-President Putin.
54 Għaldaqstant, ir-rikorrent iqis li l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023 ma kinux jiġu adottati li kieku l-Kunsill kien eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu u li kieku semgħu.
55 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
56 Id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni, b’mod partikolari, ta’ żamma tal-isem ta’ persuna f’lista li tifforma parti mill-anness ta’ att li jipprovdi għal miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha kontra din il-persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ ta’ jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni. Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi meqjusa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112, u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 93).
58 L-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet koperti minn miżuri restrittivi huwa impost meta l-Kunsill ikun ikkunsidra, fid-deċiżjoni li tipprovdi għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha f’din il-lista, provi ġodda kontriha, jiġifieri provi li ma kinux ġew ikkunsidrati fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’din l-istess lista (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33).
60 Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati d-dritt għal seduta, u dan billi l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub hija suffiċjenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 93, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 105).
61 Għaldaqstant, meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata rigward l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ provi eventwali li jiskaġunaw mehmuża ma’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114).
62 Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, il-Kunsill ippubblika avviż, fis‑16 ta’ Marzu 2022 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, li permezz tiegħu dawn ġew informati bil-possibbiltà li jressqu talba għal eżami mill-ġdid qabel l‑1 ta’ Ġunju 2022. Għaldaqstant, ir-rikorrent seta’ jressaq l-ewwel talba tiegħu għal eżami mill-ġdid fil‑25 ta’ Mejju 2022, b’tali mod li kellu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti ta’ żamma.
63 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessità taż-żamma tal-miżuri kontra r-rikorrent, fl-ittra tiegħu tal‑15 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill mhux biss fakkar l-argumenti invokati fir-risposta, peress li l-osservazzjonijiet inklużi fit-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent kienu simili għall-motivi invokati fir-rikors, iżda wkoll inkluda xi speċifikazzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw ir-rabtiet li r-rikorrent kellu mal-President Putin kif ukoll il-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġuri ta’ Evraz, li kienu jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, il-Kunsill seta’ jirrileva l-assenza ta’ tibdil taċ-ċirkustanzi, fatt li huwa, b’mod partikolari, ikkonfermat mill-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 fuq il-bażi tal-istess provi tal-atti inizjali. F’dan ir-rigward u fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-involviment tar-rikorrent f’attivitajiet karitattivi, fi sforzi umanitarji u ta’ medjazzjoni ma jistax jitqies bħala tibdil taċ-ċirkustanzi.
64 Għaldaqstant, il-Kunsill ma kisirx l-obbligu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022.
65 Fir-rigward tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kunsill informa lir-rikorrent, b’ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li huwa kien qiegħed jipprevedi li jżomm l-isem tiegħu fil-listi inkwistjoni, billi bbaża ruħu fuq l-istess motivazzjoni, u stiednu jippreżenta osservazzjonijiet, kif dan fil-fatt għamel permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023.
66 B’hekk, ir-rikorrent seta’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu marbuta mal-provi l-ġodda li l-Kunsill kien ittrażmettielu permezz tal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, akkumpanjata mit-tieni fajl WK.
67 Minn dan isegwi li l-Kunsill ittrażmetta lir-rikorrent il-provi l-ġodda qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023 u li dan tal-aħħar seta’ jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dawn tal-aħħar qabel iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu.
68 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja li l-Kunsill ċaħad it-tieni talba għal eżami mill-ġdid u li ddeċieda li jżomm l-imsemmija miżuri inkwistjoni fil-konfront tar-rikorrent, dan ma jistax juri li huwa kiser l-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid. Fil-fatt, minn naħa, ma kien hemm l-ebda tibdil taċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-adozzjoni tal-atti inizjali u, min-naħa l-oħra, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jipproduċi provi ġodda waqt it-tieni talba għal eżami mill-ġdid insostenn tal-argument marbut mat-tibdil taċ-ċirkustanzi li allegatament seħħ sa mill-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, fl-ittra tal‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill speċifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem tar-rikorrent fl-imsemmija listi, jiġifieri, minn naħa, l-attività tiegħu ta’ negozjant ewlieni u, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet tiegħu mal-President Putin.
69 Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ risposta sostanzjali għal ċerti argumenti tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuni koperti minn att li jikkawża preġudizzju jesprimu b’mod utli l-opinjoni tagħhom, dan ma jistax jimponi fuqhom li jaderixxu magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2017, Arbuzov vs Il-Kunsill, T‑221/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:478, punt 84, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 330).
70 Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kunsill ma kkonkludiex favur l-assenza ta’ fondatezza tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi, u lanqas ma qies utli li jipproċedi għal verifiki fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent ma jistax jimplika li ma ħax inkunsiderazzjoni tali osservazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punti 330 u 331).
71 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent marbut man-natura mhux attwali tal-provi l-ġodda, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn dan jikkonċerna żball ta’ evalwazzjoni, ma jistax jiġi invokat b’mod utli insostenn tal-parti preżenti.
72 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mar-rispett tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-parti preżenti u, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu.
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”
73 Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-Kunsill ma jipproduċix elementi konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi kkostitwita bażi fattwali suffiċjentement solida sabiex tiġi sostnuta l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni b’applikazzjoni tal-kriterji (d) u (g).
74 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
– Kunsiderazzjonijiet preliminari
75 Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni motiv għandu jitqies bħala li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-Kunsill għandu ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk humiex issodisfatti l-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu stħarriġ, bħala prinċipju sħiħ, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li biha ġew adottati jew miżmuma fis-seħħ il-miżuri restrittivi, li hija ta’ portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, hija msejsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-veradiċità astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 128).
77 Tali evalwazzjoni għandha titwettaq billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punti 63 u 66).
78 Jispetta lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi. Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ mill-Kunsill li jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li tiegħu jintalab l-annullament. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 u 122, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 67; ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
79 F’din l-ipoteżi, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata għas-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).
80 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat fir-rigward taż-żamma tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-listi inkwistjoni, jeħtieġ jitfakkar li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 67).
81 Minn dan jirriżulta li sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-isem ta’ persuna f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, ma huwiex ipprojbit li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-istess provi li jkunu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti tal-isem tar-rikorrent fl-imsemmija lista, dment li, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni jibqgħu ma jinbidlux u, min-naħa l-oħra, l-kuntest ma jkunx evolva b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru bla ebda valur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 99). F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-kuntest jinkludi fih it-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 78; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il-Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 101), u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, il-kisba tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi u sussegwentement li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, fl-ewwel lok bl-eżami tal-applikazzjoni għal dan tal-aħħar tal-kriterju (g).
– Fuq l‑applikazzjoni għar‑rikorrent tal-kriterju (g)
83 Ir-rikorrent jikkontesta, b’mod ġenerali, li l-fatt li huwa azzjonist maġġuri ta’ Evraz jista’ jimplika kemm kontribuzzjoni sinjifikattiva għad-dħul fiskali tal-Federazzjoni Russa b’rabta mal-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, kif ukoll rabtiet mal-Gvern Russu.
84 Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jispeċifika li Evraz ma jikkostitwixxix sors importanti ta’ dħul lill-Federazzjoni Russa minħabba l-assenjazzjoni tat-taxxi mħallsa minn dan tal-aħħar favur il-baġit reġjonali, li huwa indipendenti mill-baġit federali.
85 Fit-tieni lok, ir-rikorrent jinvoka l-effetti negattivi li l-azzjonijiet tal-Gvern Russu fl-Ukraina kellhom fuq Evraz.
86 Fit-tielet lok, ir-rikorrent jirrileva li huwa kellu biss 28.64 % mill-kapital azzjonarju tal-kumpannija omm ta’ Evraz, fatt li la kien jagħtih il-kwalità ta’ azzjonist maġġoritarju u lanqas il-possibbiltà li jiddetermina t-tranżazzjonijiet ta’ din tal-aħħar.
87 Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet ta’ Evraz ma humiex limitati għar-Russja, iżda jiġu eżerċitati wkoll fl-Istati Uniti u fil-Kanada, kif ukoll fir-Repubblika Ċeka u fil-Kazakistan.
88 Fil-ħames lok, ir-rikorrent josserva li l-kontribuzzjonijiet personali fiskali tiegħu fir-Russja ma humiex sinjifikattivi u li, konsegwentement, ma jistax jitqies bħala kontribwent importanti għall-Federazzjoni Russa. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-applikazzjoni tal-kriterju tas-“settur ta’ attività”, li huwa diskriminatorju sabiex jiġi ddeterminat is-sors sostanzjali tad-dħul. Huwa jżid li l-fatt li Evraz huwa fornitur tal-azzar tal-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferrovija ma jistax ikun determinanti sabiex jintwera l-għoti ta’ sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
89 Fis-sitt u fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “negozjant ewlieni” fir-Russja u jfakkar li l-patrimonju tiegħu ġie investit fil-parti l-kbira tiegħu barra l-imsemmi pajjiż, jiġifieri, b’mod partikolari, fl-Iżrael, fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fil-Kanada u li, barra minn hekk, huwa kien filantropu rikonoxxut li l-azzjonijiet karitattivi tiegħu kienu jestendu lejn il-pajjiżi kollha li fihom huwa jopera.
90 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
91 F’dan il-każ, ir-raġuni kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrent li taqa’ taħt il-kriterju (g) hija marbuta mal-fatt li, peress li huwa azzjonist maġġuri jew wieħed mill-azzjonisti prinċipali ta’ Evraz, li huwa wieħed mill-ikbar kontribwenti tar-Russja, huwa negozjant ewlieni attiv fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu jew jikkostitwixxu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.
92 Il-kriterju (g) juża l-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” b’rabta mal-eżerċizzju ta’ “[attività] f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern [Russu]”, mingħajr ebda kundizzjoni oħra li tikkonċerna rabta, diretta jew indiretta, mal-imsemmi gvern. Fil-fatt, il-finalità segwita minn dan il-kriterju hija li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn tal-aħħar iġibu fi tmiemhom l-azzjonijiet tagħhom u l-linji politiċi tagħhom li jiddestabilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż.
93 F’dan ir-rigward, teżisti rabta loġika bejn il-fatt li jiġu mmirati negozjanti ewlenin li għandhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern Russu, minn naħa, u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huwa, b’mod partikolari, li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiża sabiex tikkomprometti l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 Madankollu, l-ebda waħda mill-premessi jew mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat ma tippermetti li jiġi konkluż li huwa l-Kunsill li għandu juri l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza bejn il-persuna li isimha huwa inkluż fil-listi inkwistjoni u l-Gvern Russu jew l-azzjonijiet tiegħu li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
95 Tali interpretazzjoni tippreġudika mhux biss il-kliem tal-kriterju (g) iżda wkoll l-għan previst.
96 Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-kliem tal-kriterju (g), hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-persuni koperti għandhom jitqiesu bħala ewlenin minħabba l-importanza tagħhom fis-settur ekonomiku li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom u l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Russa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” għandu jinftiehem bħala li jipprevedi l-importanza ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl, skont il-każ, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-assi kapitali tagħhom u tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet.
97 Min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ma huwiex dak li jiġu ssanzjonati ċerti persuni jew ċerti entitajiet minħabba r-rabtiet tagħhom mas-sitwazzjoni fl-Ukraina jew minħabba r-rabtiet tagħhom mal-Gvern Russu, iżda, kif huwa mfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq, li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn tal-aħħar iġibu fi tmiemhom l-azzjonijiet tagħhom u l-linji politiċi tagħhom li jiddestabilizzaw l-Ukraina kif ukoll dik li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li jiġi promoss it-tmiem tal-kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).
98 B’mod definittiv, il-kriterju (g) għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa intiż li japplika għal “negozjanti ewlenin” fis-sens deskritt fil-punt 96 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li huma s-setturi ekonomiċi li fihom huma attivi dawn il-persuni li għandhom jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
99 Huwa għaldaqstant fuq id-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) li jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tar-raġunijiet ikkunsidrati fl-atti kkontestati.
100 Fil-kawża preżenti, ġaladarba dawn ir-raġunijiet għall-inklużjoni u għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni baqgħu ma nbidlux, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-atti inizjali minn naħa u l-atti ta’ żamma min-naħa l-oħra u dan peress li l-verifika tal-informazzjoni allegata fl-espożizzjoni tal-motivi kif ukoll fil-provi, li jinsabu fl-ewwel u fit-tieni fajls WK, essenzjalment tikkonċerna l-istess ċirkustanzi fattwali.
101 Ir-raġunijiet ikkunsidrati fir-rigward tar-rikorrent, marbuta mal-kriterju (g) huma relatati mal-fatt li huwa kien, fil-mument tal-adozzjoni kemm tal-atti inizjali kif ukoll tal-atti ta’ żamma, azzjonist maġġuri jew wieħed mill-azzjonisti prinċipali ta’ Evraz, li huwa wieħed mill-iktar kontribwenti Russi u jopera, b’mod partikolari, f’settur ekonomiku li jipprovdi jew jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
102 Madankollu, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent kellu fil-pussess dirett tiegħu 28.64 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija omm ta’ Evraz u li hemm biss tliet azzjonisti oħrajn li għandhom parteċipazzjoni azzjonarja li teċċedi 5 %.
103 Minkejja li r-rikorrent jikkontesta l-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġuri ta’ Evraz kif ukoll is-setgħa tiegħu li jiddetermina t-tranżazzjonijiet tal-imsemmi grupp jew ta’ kontroll ta’ dan tal-aħħar, huwa stabbilit mhux biss li huwa wieħed mill-azzjonisti l-iktar importanti tal-kumpannija omm ta’ Evraz, iżda wkoll, skont il-prospectus ta’ din tal-aħħar infilzat fil-proċess mir-rikorrent, li huwa l-azzjonist prinċipali fiha.
104 Fil-fatt, fi ħdan il-kumpannija omm ta’ Evraz, ir-rikorrent huwa detentur ta’ perċentwali ogħla ta’ drittijiet tal-vot minn fost l-erba’ azzjonisti prinċipali, inkluż huwa wkoll, li, ikkunsidrati flimkien, huma detenturi ta’ 63.35 % ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li l-kapital azzjonarju rimanenti huwa varjabbli, u għandhom il-kapaċità li jeżerċitaw kontroll fuq l-għażla tal-amministraturi, id-dikjarazzjoni tad-dividendi, il-ħatra tad-diretturi u deċiżjonijiet politiċi oħrajn tal-imsemmija kumpannija omm. F’dan ir-rigward, kif jenfasizza l-Kunsill, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija omm huwa kompost minn ħdax-il membru, li minnhom hemm sitt amministraturi mhux eżekuttivi indipendenti, u li r-rikorrent għandu d-dritt li jaħtar, waħdu, sa tliet amministraturi. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-kumpannija omm inkwistjoni, bħala sempliċi investitur, tikkostitwixxi parteċipazzjoni minoritarja li ma tippermettilu jeżerċita l-ebda forma ta’ kontroll fuq din tal-aħħar, xorta waħda tibqa’ sinjifikattiva, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li Evraz huwa wieħed mill-gruppi prinċipali Russi fil-qasam tal-azzar u tal-mini. Minn dan isegwi li, bħala azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm inkwistjoni għal diversi snin, ir-rikorrent jista’ jiġi kklassifikat bħala negozjant ewlieni skont il-kriterju (g).
105 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tan-natura “ewlenija” tar-rikorrent, hemm lok li jiġi speċifikat li, sabiex jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin”, kif ġie indikat fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, il-kriterju (g) ma jirrikjedix l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza mal-Gvern Russu jew mal-President tal-Federazzjoni Russa. Dan lanqas ma jiddependi minn tip ta’ imputabbiltà lir-rikorrent tad-deċiżjoni li tiġi segwita l-invażjoni tal-Ukraina jew ta’ rabta diretta jew indiretta mal-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, tant li l-argument tar-rikorrent marbut mal-assenza ta’ benefiċċju mill-attivitajiet tal-Gvern Russu fl-Ukraina għandu jiġi miċħud bħala infondat.
106 Minn dan isegwi li kien b’mod ġust li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien negozjant ewlieni b’mod partikolari minħabba l-istatus professjonali tiegħu, l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, il-portata tal-assi kapitali tiegħu fi ħdan Evraz u, b’mod iktar partikolari, il-kwalità ta’ azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm tal-imsemmi grupp ta’ kumpanniji (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).
107 Barra minn hekk, ir-rikorrent essenzjalment jikkontesta li huwa jeżerċita attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu fis-sens tal-kriterju (g).
108 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif jagħmel il-Kunsill, li għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, il-frażi “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” li tinsab fil-kriterju (g) tagħmel riferiment, fid-dawl tal-kliem ta’ din tal-aħħar, għad-dħul provenjenti minn setturi ekonomiċi importanti tal-Federazzjoni Russa u mhux biss għat-taxxi mħallsin min-negozjanti ewlenin. Fil-fatt, minkejja li l-kliem tal-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 jindika li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni għandhom jiġu emendati sabiex jinkludu l-“persuni u entitajiet li [jipprovdu lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa] sors sostanzjali ta’ dħul”, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni tal-imsemmi kriterju f’sens kuntrarju għall-kliem tiegħu, li huwa ċar ħafna. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrent tippreġudika l-għan segwit mill-miżuri restrittivi inkwistjoni li huwa dak li tiddgħajjef il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tmexxi ’il quddiem il-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina.
109 Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li la d-Deċiżjoni 2014/145 ma kienet emendata u lanqas ir-Regolament Nru 269/2014 kif emendat ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sors sostanzjali ta’ dħul”, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu tal-aġġettiv klassifikattiv “sostanzjali”, li huwa marbut mal-kelma “sors”, jimplika li dan is-sors għandu jkun sinjifikattiv u għaldaqstant mhux wieħed negliġibbli.
110 Barra minn hekk, għalkemm il-kontribuzzjoni ta’ Evraz favur il-baġit tal-Federazzjoni Russa tista’ tkun utli sabiex tiġi ddeterminata l-importanza ekonomika ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari sabiex tiġi stabbilita n-natura ewlenija tan-negozjant li huwa l-azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm tiegħu, din ma hijiex determinanti sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk is-settur ekonomiku li fih huwa attiv ir-rikorrent jipprovdix sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
111 F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-settur ekonomiku li fih jintervjeni r-rikorrent permezz ta’ Evraz jipprovdix sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, ma jistax jiġi validament sostnut li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tas-settur tal-azzar u tal-mini.
112 Fil-fatt, tali sors sostanzjali ta’ dħul ipprovdut mis-settur tal-azzar u tal-mini lill-Gvern Russu jista’ jiġi dedott mill-kuntest kif ukoll mid-dokument Nru 2 tal-ewwel fajl WK li jindika li dan is-settur kien jirrappreżenta, fl‑2016, it-tielet l-ikbar settur ekonomiku f’termini ta’ dħul fiskali fir-Russja u li, fost l-ewwel 50 kontribwent Russu ewlieni, li 10 minnhom, fosthom Evraz, kienu joperaw fl-imsemmi settur. Minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li, filwaqt li l-piż fiskali globali fuq l-ekonomija Russa naqas fl‑2016, dan żdied minn 12.4 % għal 12.9 % għal dawn il-kontribwenti.
113 Barra minn hekk, mid-dokument Nru 10 tal-ewwel fajl WK kif ukoll mill-passat ta’ Evraz, infilzat fil-proċess mir-rikorrent jirriżulta li l-kumpannija omm ta’ dan il-grupp ta’ kumpanniji tikkostitwixxi waħda mill-ikbar impriżi tal-azzar u tal-mini vertikalment integrati fid-dinja, li tinkludi fiha diversi sussidjarji.
114 Dan huwa kkorroborat ukoll mir-rapport annwali tal-kumpannija omm ta’ Evraz għas-sena 2021, infilzat fil-proċess mir-rikorrent, li jindika d-dħul skont is-settur ta’ attività. Minn dan ir-rapport jirriżulta b’mod partikolari li l-attivitajiet tal-azzar irrapportaw 12.5 biljun dollari tal-Istati Uniti (USD), b’kont meħud ukoll tad-dħul ta’ dan is-settur fir-reġjun tal-Amerika ta’ Fuq (ekwivalenti għal USD 2.3 biljun). B’mod iktar preċiż, minkejja li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita l-attivitajiet tagħha f’diversi setturi tal-ekonomija Russa, id-dħul, mis-settur tal-azzar biss, li fir-Russja żdied minn 48.3 % bejn l‑2020 u l‑2021, jirrappreżenta 66.3 % tad-dħul totali tagħha. Skont l-imsemmi rapport, din il-kumpannija omm hija “leader fis-swieq tal-kostruzzjoni u tal-prodotti ferrovjarji fir-Russja”. Fil-fatt, hija għandha 28 % tal-partijiet tas-suq Russu tar-roti tal-linji tal-ferrovija kif ukoll 97 % ta’ dak tal-ferroviji.
115 Barra minn hekk, mill-prospectus marbut ma’ Evraz jirriżulta li, fl‑2018, dan tal-aħħar kien ir-raba’ l-ikbar produttur ta’ azzar mhux maħdum fir-Russja u l-ikbar manifattur f’termini ta’ volum ta’ prodotti twal għall-kostruzzjoni u l-industriji ferrovjarji f’dan il-pajjiż u fil-Komunità tal-Istati Indipendenti (KIS). Ir-rapport annwali tal-kumpannija omm ta’ Evraz għas-sena 2021 jindika wkoll li 94.8 % minn 71 210 impjegat ta’ Evraz huma impjegati fir-Russja u fil-KIS.
116 Għaldaqstant, dawn l-elementi kkunsidrati flimkien jippermettu li jiġi stabbilit li s-settur ekonomiku inkwistjoni, jiġifieri s-settur, li fih jopera, b’mod partikolari, Evraz, jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
117 Iċ-ċirkustanza, jekk jiġi preżunt li avverat ruħha, li d-dħul fiskali provenjenti mis-settur tal-azzar u tal-mini huwa prinċipalment assenjat lill-baġit tal-entitajiet federali lokali hija rrilevanti. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, imfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva, li tkun tillimitah għad-dħul fiskali affettwat mill-baġit federali ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, anki jekk dan is-sors ta’ dħul la huwa ddestinat għall-baġit federali, u lanqas direttament użat mill-imsemmi Gvern sabiex isostni l-ispejjeż militari tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li jippermetti lil dan il-gvern, fil-globalità tiegħu, mingħajr ebda distinzjoni bejn dħul li joriġina mill-baġit federali u dak mill-baġits reġjonali, li jimmobilizza ulterjorment riżorsi għall-azzjonijiet tiegħu intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
118 Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq elementi ta’ kuntest iktar personali, jiġifieri l-attivitajiet umanitarji tiegħu u r-rwol tiegħu fin-negozjati tal-paċi, għandhom jitwarrbu bħala ineffettivi. Fil-fatt, tali elementi ma humiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk humiex f’dan il-każ issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-kriterju (g) kif speċifikat fil-punti 92 sa 97 iktar ’il fuq.
119 Fl-aħħar nett, l-ilment imqajjem mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, li skontu, billi bbaża ruħu fuq il-provi inklużi fit-tieni fajl WK, il-Kunsill wettaq, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, żbalji li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-kuntratti bejn is-sussidjarji ta’ Evraz u l-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa u l-eżistenza ta’ abbozz ta’ liġi dwar l-ekonomija tal-gwerra li kienet tobbliga lil impriżi bħal Evraz li jipprovdu materjali u servizzi lill-armata ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li kien biss b’mod sussidjarju li l-Kunsill għamel riferiment għal dawn l-elementi u li, sa fejn ma użaħhomx sabiex isostni l-atti ta’ żamma, billi ma humiex marbuta direttament mal-kriterju (g), l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
120 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jipprovaw il-fatt li s-settur ekonomiku li fih huwa attiv ir-rikorrent jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.
121 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, ibbażata fuq l-istatus ta’ negozjant ewlieni li huwa attiv fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, li jikkorrispondi għall-kriterju (g), hija suffiċjentement fondata, b’tali mod li, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi u sussegwentement li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni.
122 Issa, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u fid-dawl tan-natura preventiva tagħhom, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, wieħed mill-motivi msemmija huwa suffiċjentement preċiż u konkret, li huwa sostnut u minnu nnifsu jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux, ma tistax tiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
123 Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat, u dan mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti l-oħrajn imqajma mir-rikorrent intiżi li jpoġġu f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterju (d).
Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità
124 It-tielet motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
– Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑ksur tal‑prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament
125 Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma diskriminatorji. Fl-opinjoni tiegħu, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija wiesgħa wisq, sa fejn din tippermetti li jiġu ssanzjonati n-negozjanti kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, li jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u li josservaw l-obbligi fiskali tagħhom, fuq din il-bażi waħedha. Fit-tieni lok, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju mill-Kunsill hija diskriminatorja sa fejn l-imsemmi kriterju kien jikkonċerna n-negozjanti u l-impriżi ta’ nazzjonalità Russa filwaqt li jinjora l-impriżi barranin, meta dawn tal-aħħar ukoll joperaw fit-territorju Russu u jħallsu ammonti rappreżentanti ta’ taxxi favur il-baġit tal-Federazzjoni Russa. Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li huwa ssanzjonat minħabba elementi li huwa ma għandu l-ebda kontroll fuqhom, irrispettivament mill-ammont ta’ taxxi mħallsa, l-assenjazzjoni tad-dħul fiskali bejn ir-reġjuni u l-Gvern Federali jew l-użu tal-baġit lil dan tal-aħħar. Peress li ma għandu l-ebda strument sabiex jinfluwenza l-politika fiskali Russa u l-allokazzjoni tal-prodott tal-attivitajiet ta’ Evraz, l-ebda miżura restrittiva li tikkonċernah ma tista’ tbiddel l-obbligi ta’ dan tal-aħħar bħala kontribwent Russu.
126 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
127 Jeħtieġ jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, T‑737/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:543, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).
128 Fil-kawża preżenti, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija wiesgħa wisq, sa fejn din essenzjalment tippermetti li jiġu ssanzjonati n-negozjanti kollha rrispettivament mill-oriġini tagħhom, li jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u filwaqt li josservaw l-obbligi fiskali tagħhom, fuq din il-bażi waħedha, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jispeċifikax kif u fir-rigward ta’ liema persuni hija diskriminatorja din l-interpretazzjoni allegatament wiesgħa wisq ta’ dan il-kriterju. Għall-kuntrarju ta’ dan li jsostni r-rikorrent, ma humiex koperti, in-negozjanti kollha li jeżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u li jħallsu jew ħallsu taxxi f’dan il-pajjiż fuq din il-bażi, u dan peress li jistgħu jkunu koperti biss minn dan il-kriterju dawk in-negozjanti li huma attivi f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrent huwa azzjonist maġġuri ta’ Evraz, wieħed mill-ikbar kontribwenti tal-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, huwa ġie ssuġġettat għall-miżuri restrittivi inkwistjoni wara evalwazzjoni individwali, ibbażata fuq provi konkreti li jikkonċernawh.
129 Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kriterju (g), huwa s-settur ekonomiku, u mhux in-negozjanti bħala tali u lanqas il-kumpanniji li huma azzjonisti fihom, li huwa identifikat bħala li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu (ara l-punt 98 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-ħlas ta’ taxxi mir-rikorrent jew mill-kumpannija omm ta’ Evraz jew is-sussidjarji tagħha ma huwiex fih innifsu rilevanti. L-imsemmi kriterju jirreferi għad-dħul kollu ġġenerat mis-settur ekonomiku li fih ikunu attivi n-negozjanta jew in-negozjant partikolari, u għaldaqstant jinkludi fih, b’mod partikolari iżda mhux biss, id-dħul fiskali ġġenerat minn dan is-settur.
130 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-applikazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija diskriminatorja sa fejn l-imsemmi kriterju jikkonċerna n-negozjanti u l-impriżi ta’ nazzjonalità Russa u mhux l-impriżi barranin, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li dan il-kriterju ma jikkonċernax in-nazzjonalità tal-persuni indikati, iżda kull persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ negozjant jew negozjanta ewlenija fis-sens tal-imsemmi kriterju. Konsegwentement, il-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ kwalunkwe nazzjonalità jekk ikunu jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni.
131 F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li l-Kunsill ma adotta ebda miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ ċerti persuni li jissodisfaw il-kriterju (g), u eżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha marbuta ma’ dawn il-persuni, tali ċirkustanza ma tistax tiġi invokata b’suċċess mir-rikorrent, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu kkonċiljati mal-prinċipju ta’ legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑68/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:263, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li huwa għandu sabiex jistabbilixxi jekk humiex issodisfatti l-kriterji ta’ deżinjazzjoni, iddeċieda li jinkludi u li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni.
132 Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jispjegax ir-raġunijiet għaliex l-allegata assenza ta’ influwenza fuq l-assenjazzjoni tad-dħul fiskali Russu u fuq l-allokazzjoni tal-prodott tal-attivitajiet ta’ Evraz tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.
133 Għaldaqstant, jeħtieġ li din il-parti tiġi miċħuda.
– Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
134 Ir-rikorrent jallega li l-miżuri restrittivi inkwistjoni meħuda kontrih ma humiex xierqa kif ukoll huma sproporzjonati, sa fejn dawn ma jeżerċitaw l-ebda pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi u lanqas ma jista’ jkollhom effett utli, peress li huwa ma jipparteċipa f’ebda azzjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea u mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
135 F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis, minn naħa, li l-miżuri inkwistjoni meħuda kontrih ma humiex neċessarji sabiex jinkisbu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, u dan peress li la kien involut u lanqas ikkonsultat f’ebda deċiżjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Barra minn dan, huwa jsostni li l-imsemmija miżuri huma mbegħdin mill-allegat għan li tiġi affettwata l-politika tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina, b’kunsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni mhux sostanzjali favur il-baġit federali, u hemm riskju li dawn ikollhom konsegwenzi negattivi fuq l-attivitajiet tiegħu lil hinn mir-Russja. Barra min hekk, huwa jsostni li dawn il-miżuri ġew adottati minħabba l-istatus tiegħu ta’ azzjonist tal-kumpannija omm ta’ Evraz, liema kumpannija ma hija suġġetta għal ebda miżura simili. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-miżuri inkwistjoni huma sproporzjonati, sa fejn jipprekluduh milli jintervjeni b’mod effikaċi bħala strument ta’ komunikazzjoni fil-kuntest tan-negozjati tal-paċi.
136 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
137 Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 133).
138 Għaldaqstant, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).
139 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).
140 Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-importanza essenzjali tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesgħa taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(c) TUE, il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent ma humiex manifestament sproporzjonati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).
141 Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li, fil-premessi 2 sa 10 tad-Deċiżjoni 2022/329, il-Kunsill għamel riferiment għal degradazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fl-Ukraina li wasslet, fl‑24 ta’ Frar 2022, għall-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa bi ksur manifest tal-integrità territorjali, tas‑sovranità u tal-indipendenza ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant, huwa minħabba l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, ikkaratterizzata mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa, li l-Kunsill qies li kellu jestendi ċ-ċirku tal-persuni u tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Madankollu, minn dan l-approċċ ibbażat fuq il-progressività ta’ ksur għad-drittijiet abbażi tal-effettività tal-miżuri jirriżulta li l-proporzjonalità tagħhom hija stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 126, u tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 104).
142 Fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’kont meħud ukoll tan-negozjanti li jeżerċitaw attivitajiet f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, il-Kunsill seta’ b’mod leġittimu jispera li tali azzjonijiet jieqfu jew li dawn isiru jiswew iktar flus għal dawk li jwettquhom, bil-ħsieb li jiġi promoss it-twaqqif tal-ksur manifest tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157).
143 Fil-kawża preżenti, fil-kuntest tat-tieni motiv, ġie stabbilit li l-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent kienu ġġustifikati minħabba li s-sitwazzjoni tiegħu kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (g). Fil-fatt, id-deżinjazzjoni tar-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm ta’ Evraz, tieħu inkunsiderazzjoni s-settur ta’ attività li fih topera din il-kumpannija, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex ukoll suġġetta għal sanzjonijiet individwali bħala persuna legali u x’inhi l-kontribuzzjoni fiskali li minnha kien jibbenefika l-Gvern Russu.
144 Barra minn hekk, huwa irrilevanti l-fatt li r-rikorrent ma huwa involut f’ebda deċiżjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, peress li l-miżuri restrittivi ma ġewx imposti fuqu għan din ir-raġuni, iżda minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li huwa negozjant ewlieni attiv f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn att tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema ta’ miżuri restrittivi hija ta’ natura li tiġġustifika l-konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 361, u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).
145 Fir-rigward tan-natura adegwata tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs dawk imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, l-imsemmija miżuri ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).
146 Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li miżuri oħrajn inqas restrittivi ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rikorrent baqa’ ma pprovax li l-Kunsill seta’ jipprevedi li jadotta miżuri inqas restrittivi, iżda fl-stess ħin adegwati daqs dawk li ġew previsti.
147 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent marbut mar-riperkussjonijiet fuq il-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati tal-paċi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat kienu jipprovdu għall-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu moqdija l-ħtiġiet essenzjali jew issodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħrajn. Konformement mal-Artikolu 1(6) tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ wkoll tawtorizza d-dħul tal-persuni koperti fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji urġenti jew meta l-persuna tiċċaqlaq sabiex tipparteċipa f’laqgħat intergovernattivi u f’laqgħat li l-inizjattiva għalihom tkun ittieħdet mill-Unjoni jew li din tal-aħħar tkun ospitat, jew f’laqgħat ospitati minn Stat Membru li jkollu l-presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-għanijiet strateġiċi tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
148 Barra minn hekk, kif jenfasizza ġustament il-Kunsill, il-parteċipazzjoni fin-negozjati għall-paċi u, b’mod iktar ġenerali, l-għoti ta’ għajnuna umanitarja ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar in-neċessità tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent jew negozjanti ewlenin Russi oħrajn sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-President Putin u l-Gvern tiegħu.
149 Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi inkwistjoni la huma diskriminatorji u lanqas sproporzjonati.
150 Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu miċħuda kemm il-parti preżenti kif ukoll it-tielet motiv kollu kemm hu.
Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq il‑ksur tad‑drittijiet fundamentali
151 Skont ir-rikorrent, l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni jikkostitwixxu limitazzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-libertà ta’ intrapriża, kif ukoll id-dritt għal moviment liberu fit-territorji tal-Istati Membri. Huwa jqis li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni wasslet ukoll għal ksur tad-dritt tiegħu għal preżunzjoni ta’ innoċenza u kkawżatlu danni morali li rriżultaw minn ħsara għar-reputazzjoni tiegħu.
152 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
153 Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal moviment u residenza jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huma sanċiti, rispettivament, fl-Artikoli 7, 16, 17 u 45 tal-Karta.
154 Ċertament, il-miżuri restrittivi li jinkludu l-atti kkontestati, minkejja n-natura konservatorja tagħhom, iwasslu għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju mir-rikorrent tad-drittijiet fundamentali previsti fil-punt 153 iktar ’il fuq.
155 Madankollu, id-drittijiet fundamentali li jipprevalixxi ruħu minnhom ir-rikorrent ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi, minn naħa, li, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill-] Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li “jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.
156 Għalhekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali għandha tissodisfa erba’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, din għandha tkun “prevista mil-liġi”, fis-sens li l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri li jistgħu jillimitaw id-drittijiet fundamentali ta’ persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha bażi legali għal dan il-għan. Fit-tieni lok, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet. Fit-tielet lok, għandu jkollha l-mira li tilħaq għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fir-raba’ lok, għandha tkun proporzjonata (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 145 u 222 u l-ġurisprudenza ċċitata).
157 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża preżenti.
158 Fl-ewwel lok, il-limitazzjonijiet inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti fl-atti li huma b’mod partikolari ta’ portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà suffiċjenti, fatt li barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.
159 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjonijiet inkwistjoni josservawx l-“essenza” tad-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma limitati ratione temporis u riversibbli. Fil-fatt, minn naħa, dawn japplikaw għal sitt xhur u huma suġġetti għal reviżjoni kostanti, kif prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, u, min-naħa l-oħra, jistgħu jingħataw derogi għall-miżuri restrittivi applikati, kemm inkonnessjoni mal-iffriżar ta’ fondi kif ukoll tar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri (ara l-punt 147 iktar ’il fuq).
160 Fit-tielet lok, il-limitazzjonijiet inkwistjoni jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fil-fatt, dawn huma intiżi, b’mod partikolari, li joħolqu pressjoni, b’mod dirett jew indirett, fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet u fuq il-Gvern Russu responsabbli għall-invażjoni tal-Ukraina, sabiex titnaqqas il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jipproċedu bl-azzjonijiet tagħhom li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u sabiex dawn jintemmu bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà Ewropea u dik dinjija. Madankollu, dan huwa għan li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-PESK u huma previsti fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, b’mod partikolari, bħall-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti, it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u tal-protezzjoni tas-soċjetajiet ċivili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 226).
161 Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-limitazzjonijiet inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs dawk imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati. Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri restrittivi oħrajn ma kinux jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).
162 Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat kienu jipprovdu għall-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu moqdija l-ħtiġiet essenzjali jew li jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħrajn.
163 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-allegat ksur, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, tad-dritt tar-rikorrent, bħala ċittadin Portugiż u għaldaqstant tal-Unjoni, li jiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ din tal-aħħar, sanċit fl-Artikolu 21 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li l-adozzjoni ta’ atti fil-qasam tal-PESK, kif previst mit-Trattati, tista’ tillimita d-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent sempliċement isostni li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu hija sproporzjonata.
164 Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jispjegax kif tali restrizzjoni hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan segwit. Fil-fatt, fl-atti tiegħu, huwa sempliċement jagħmel riferiment ġenerali għall-argumenti tiegħu fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jesponi r-raġunijiet għaliex l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-imsemmi motiv huma rilevanti sabiex jiġi sostnut ksur sproporzjonat tal-moviment liberu tiegħu fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur sproporzjonat tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.
165 Fir-rigward tal-allegazzjoni li biha r-rikorrent jistaqsi dwar il-possibbiltà li l-Kunsill jadotta restrizzjoni għall-moviment liberu abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, anki jekk jiġi preżunt li tali allegazzjoni tikkostitwixxi argument awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li lanqas din l-allegazzjoni ma hija fondata u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment huma biss dawk previsti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u li dawn ma humiex inklużi fir-Regolament Nru 269/2014 kif emendat. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi tal-imsemmija deċiżjoni, din tal-aħħar ma ġietx adottata abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, iżda abbażi tal-Artikolu 29 TUE.
166 Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrent bl-ebda mod ma jissostanzja kif il-miżuri restrittivi meħuda kontrih jippreġudikaw id-dritt tiegħu tar-rispett għall-ħajja privata.
167 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt tar-rikorrent għall-preżunzjoni tal-innoċenza, li huwa jsemmi fl-atti tiegħu mingħajr ma jissostanzjah b’argumenti speċifiċi, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, sa fejn il-miżuri restrittivi meħuda kontrih ma għandhomx l-effett li jikkonfiskaw il-beni tar-rikorrenti, iżda sempliċement li jiffriżawhom fuq bażi kawtelatorja, hemm lok li jitqies li tali miżuri ma humiex ta’ natura kriminali u għaldaqstant ma għandhomx l-effett li jiksru d-dritt għal preżunzjoni ta’ innoċenza, rikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, liema dritt jeżiġi li kull persuna mixlija bi ksur għandha tkun preżunta li hija innoċenti sakemm tiġi legalment stabbilita l-ħtija tagħha. Fir-rigward tal-allegat dannu morali minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni tiegħu, li wkoll jissemma’ fil-kuntest ta’ dan l-ilment, dan ma jistax jiġi invokat utilment sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tar-rikorrent għal preżunzjoni ta’ innoċenza.
168 Jeħtieġ li jiġi konkluż li l-limitazzjonijiet inkwistjoni, li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent fl-atti kkontestati, ma humiex sproporzjonati u ma jistgħux jivvizzjaw l-imsemmija atti b’illegalità.
169 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-raba’ motiv u, għaldaqstant, it-talba għal annullament kollha kemm hi.
Fuq it‑talba għal kumpens għad‑danni
170 Ir-rikorrent jitlob il-kumpens għall-ħsara kkawżata lir-reputazzjoni tiegħu, li huwa stmat provviżorjament għal EUR 1 miljun.
171 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
172 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għall-aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-organi tagħha, jirrikjedi li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuna leża (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
173 Il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina f’ordni partikolari, huma kumulattivi, b’tali mod li n-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa suffiċjenti sabiex jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2023, Klymenkoż vs Il‑Kunsill, T‑470/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:26, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).
174 Madankollu, minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrent sabiex juri l-illegalità tal-atti kkontestati li permezz tagħhom ismu ġie inkluż fil-listi inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda, u dan sa fejn fil-kawża preżenti ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir attribwit minnu lill-Kunsill. Għaldaqstant, ġaladarba ma hijiex issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 172 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.
175 Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan tal-aħħar u l-ksur tal-obbligu inkwistjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.
Fuq l‑ispejjeż
176 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kunsill.
177 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir‑rikors huwa miċħud.
2) Roman Arkadyevich Abramovich għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.
3) Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.
Spielmann | Mastroianni | Brkan |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.
Firem
Werrej
Il fatti li wasslu għall-kawża
Fatti li seħħew wara l preżentata tarrikors preżenti
It-talbiet tal partijiet
Id dritt
Fuq it talba għal annullament
Fuq l ewwel motiv
– Fuq lewwel parti, li tirrigwarda l“ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u talobbligu ta’ motivazzjoni”
– Fuq ittieni parti, ibbażata fuq il“ksur taddrittijiet taddifiża” u fuq l“interpretazzjoni żbaljata millKunsill talobbligu tiegħu ta’ eżami millġdid filkuntest taladozzjoni talatti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”
Fuq it tieni motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”
– Kunsiderazzjonijiet preliminari
– Fuq lapplikazzjoni għarrikorrent tal-kriterju (g)
Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità
– Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament
– Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità
Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet fundamentali
Fuq it talba għal kumpens għaddanni
Fuq l ispejjeż