Language of document : ECLI:EU:T:2008:550

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar tal-fondi – Rikors għal annullament – Drittijiet tad-difiża – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża T‑284/08,

People’s Mojahedin Organization of Iran, stabbilita f’Auvers‑sur‑Oise (Franza), irrappreżentata inizjalment minn J.-P. Spitzer, avocat, u D. Vaughan, QC, sussegwentement minn Spitzer, M. Vaughan u M.‑E. Demetriou, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn G.‑J. Van Hegleson, M. Bishop u E. Finnegan, sussegwentement minn M. Bishop u Finnegan, bħala aġenti

konvenut,

sostnut mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A.‑L. During, bħala aġenti,

u mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Aalto u S. Boelaert, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21), sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, D. Šváby u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Għal espożizzjoni tal-ewwel fatti li wasslu għal din il-kawża, isir riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”, punti 1 sa 26), u tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑256/07, Ġabra p. .II-3019, iktar ’il quddiem is-“sentenza PMOI”, punti 1 sa 37).

2        Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 2008, il-Court of Appeal (England & Wales) [Qorti tal-Appell (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Court of Appeal”] ċaħdet it-talba tas-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”) sabiex jiġi awtorizzat jappella quddiem din il-qorti mid-deċiżjoni tal-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“POAC”) tat-30 ta’ Novembru 2007, li permezz tagħha din il-qorti kienet laqgħet rikors kontra d-deċiżjoni tal-Home Secretary tal-1 ta’ Settembru 2006 li tirrifjuta t-tneħħija tal-projbizzjoni tal-People’s Mojahedin Organization of Iran (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew il-“PMOI”) inkwantu organizzazzjoni involuta fit-terroriżmu u li kienet ordnat lill-Home Secretary sabiex jippreżenta fil-Parlament tar-Renju Unit abbozz ta’ ordni (Order) li jneħħi lir-rikorrenti mil-lista tal-organizzazzjonijiet ipprojbiti skont it-Terrorism Act 2000 (Liġi tal-2000 fuq it-terroriżmu).

3        B’din id-deċiżjoni, il-POAC iddeskriviet, b’mod partikolari, bħala “perversa” (perverse) il-konklużjoni tal-Home Secretary, li tinsab fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Settembru 2006 li tirrifjuta t-tneħħija tal-projbizzjoni tar-rikorrenti, li din kienet għadha, f’dak iż-żmien, organizzazzjoni “involuta fit-terroriżmu” (concerned in terrorism), fis-sens tat-Terrorism Act 2000. Skont l-evalwazzjoni tal-POAC, l-uniku twemmin li persuna raġonevoli setgħet ġustament ikollha, kemm f’Settembru 2006 jew iktar tard, kien li l-PMOI ma kienet għadha tissodisfa l-ebda kriterju neċessarju sabiex tibqa’ pprojbita. Fi kliem ieħor, fuq il-bażi tal-evidenza quddiemha, il-POAC kienet ikkunsidrat li l-PMOI ma kinitx għadha involuta fit-terroriżmu f’Settembru 2006 u li hija baqgħet mhux involuta fid-data tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza PMOI, punti 168 u 169).

4        Mid-deċiżjoni tal-POAC (punt 10) jirriżulta li l-materjal inkwistjoni kien jinkludi ċerti elementi ta’ informazzjoni rigward avvenimenti li jikkonċernaw il-PMOI li seħħew fi Franza. F’dan ir-rigward, il-POAC irreferiet, b’mod aktar partikolari, għall-fatt li kienet saret tfittxija fl-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza tal-Iran (KNRI) viċin Pariġi fis-17 ta’ Ġunju 2003, li numru kbir ta’ membri tal-KNRI ssejħu għal interrogazzjoni, u wħud minnhom inżammu fil-kustodja tal-pulizija, iżda li, għalkemm instabet somma kbira ta’ flus, ma nbdew l-ebda proċeduri.

5        Permezz tas-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq, il-Court of Appeal ikkonfermat l-evalwazzjonijiet tal-POAC. Hija indikat ukoll li l-elementi ta’ informazzjoni kunfidenzjali ppreżentati mill-Home Secretary kienu jsaħħu l-konklużjoni tagħha li dan ma setax raġonevolment jikkunsidra li l-PMOI kellha l-intenzjoni li terġa’ tirrikorri għat-terroriżmu fil-futur.

6        Permezz ta’ ordni tat-23 ta’ Ġunju 2008, li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju, il-Home Secretary konsegwentement ħassar isem il-PMOI mil-lista ta’ organizzazzjonijiet ipprojbiti skont it-Terrorism Act 2000. Dan it-tħassir mil-lista ġie approvat miż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit.

7        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kunsill madankollu żamm, flimkien ma’ oħrajn, l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tidher fl-anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70, verżjoni Franċiża rettifikata fil-ĠU 2007, L 164, p. 36) (iktar ’il quddiem il-“lista kkontestata”).

8        Il-punt 5 tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa stabbilit li jkopri l-PMOI, jipprovdi:

“Fil-każ ta’ grupp, il-Kunsill ikkunsidra l-fatt li d-deċiżjoni minn awtorità kompetenti li serviet bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-lista ma għadhiex fis-seħħ mill-24 ta’ Ġunju 2008. Madankollu, il-Kunsill ġie mgħarraf dwar provi ġodda rigward dan il-grupp. Il-Kunsill ikkunsidra li dawn il-provi ġodda jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-lista.”

9        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet notifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ notifika”). F’din l-ittra, il-Kunsill indika b’mod partikolari dan li ġej:

“Il-Kunsill reġa’ ddeċieda li jinkludi [lill-PMOI] fil-lista (…) Il-Kunsill ħa konjizzjoni tal-fatt li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li kienet serviet bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni [tal-PMOI] fil-lista ma għadhiex fis-seħħ wara l-24 ta’ Ġunju. Madankollu, il-Kunsill irċieva informazzjoni ġdida li hija rilevanti għal din l-inklużjoni. Wara li kkunsidra din l-informazzjoni, il-Kunsill iddeċida li [l-PMOI] kellha tibqa’ inkluża fil-lista msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kunsill emenda l-espożizzjoni tal-motivi konsegwentement.”

10      Fl-espożizzjoni tal-motivi annessa mal-ittra ta’ notifika (iktar ’il quddiem l-“espożizzjoni tal-motivi”), il-Kunsill espona dan li ġej:

“Il-[PMOI] hija grupp stabbilit fl-1965 bil-għan inizjali li jwaqqa’ r-reġim imperjali. Il-membri tagħha b’hekk ipparteċipaw fl-eliminazzjoni ta’ bosta eluf ta’ ‘aġenti’ tar-reġim antik u kienu fost dawk responsabbli għat-teħid ta’ ostaġġi fl-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Teheran. Peress li hija kienet oriġinarjament fost l-atturi l-iktar radikali tar-revoluzzjoni Iżlamika, il-PMOI, wara li ġiet ipprojbita, bdiet taġixxi b’mod klandestin u wettqet diversi atti kontra r-reġim fis-setgħa f’Teheran. L-organizzazzjoni b’hekk kienet il-moħħ wara l-attentati terroristiċi, pereżempju l-attentat kontra d-dar ċentrali tal-partit tar-Repubblika Iżlamika, fit-28 ta’ Ġunju 1981, li matulu nqatlu aktar minn mitt persuna fl-amministrazzjoni fost dawk l-aktar importanti fir-reġim (ministri, deputati, uffiċjali għolja), u l-qtil, fit-30 ta’ Awwissu 1981, tal-President Rajai u tal-Prim Ministru tiegħu Javad Bahonar. F’April tal-1992, il-PMOI wettqet attakki terroristiċi kontra rappreżentanzi diplomatiċi u stabbilimenti Iranjani fi tlettax-il pajjiż. Tul il-kampanja presidenzjali tal-1993, il-grupp pubblikament ħa responsabbiltà ta’ ċertu numru ta’ attakki kontra stallazzjonijiet taż-żejt, fosthom l-akbar raffineriija fl-Iran. F’April tal-1999, il-PMOI ħadet ir-responsabbiltà għall-qtil tal-viċi-kap tal-persunal tal-forzi armati Iranjani, Ali Sayyad Shirazi. Fl-2000 u fl-2001, l-organizzazzjoni ħadet ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-membri tagħha f’operazzjonijiet ġodda ta’ attakki rapidi u distruttivi (commando) kontra l-armata u l-bini tal-Gvern Iranjan, viċin il-fruntjiera bejn l-Iran u l-Iraq, u, fil-5 ta’ Frar 2000, hija wettqet attakk bil-bus [bl-Ingliż, “mortar”] kontra bini uffiċjali f’Teheran. Barra minn hekk, attwalment għaddejjin proċeduri kriminali kontra membri ta’ din l-organizzazzjoni, stabbiliti f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, għal attivitajiet kriminali intiżi għall-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom. Dawn l-atti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3)(a), (ċ), (d), (f), (g), (h) u (i) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii) tagħha.

Il-[PMOI] taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

F’April 2001, l-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu tat-tribunal de grande instance ta’ Pariġi beda stħarriġ ġudizzjarju tal-kapijiet ta’ ‘assoċjazzjonijiet kriminali bil-għan li jitħejjew atti ta’ terroriżmu’ taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż taħt il-Liġi 96/647, tat-22 ta’ Lulju 1996. L-investigazzjonijiet li saru fil-kuntest ta’ din l-istħarriġ ġudizzjarju wasslu sabiex isir enfażi fuq allegati membri ta[l-PMOI] għal serje ta’ reati kollha relatati, b’mod prinċipali jew sussidjarju, ma’ impriża kollettiva li għandha bħala għan id-disturb serju tal-ordni pubbliku permezz tal-intimidazzjoni jew it-terrur. Minbarra l-inkriminazzjoni preċedenti, dan l-istħarriġ ikopri wkoll il-‘finanzjament ta’ grupp terrorist’ fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż taħt il-Liġi 2001/1062, tal-15 ta’ Novembru 2001, dwar is-sigurtà fil-ħajja ta’ kuljum.

Fid-19 ta’ Marzu 2007 u fit-13 ta’ Novembru 2007, l-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu ta’ Pariġi ressaq akkużi supplimentari kontra allegati membri tal-[PMOI]. Dawn il-proċeduri ġew immotivati minn neċessità li jsir stħarriġ fuq provi ġodda li rriżultaw mill-investigazzjonijiet li saru bejn l-2001 u l-2007. Huma jkopru b’mod partikolari l-kapijiet tal-‘ħasil dirett jew indirett ta’ dħul li jirriżulta minn reati ta’ frodi kontra persuni partikolarment vulnerabbli u frodi organizzata’ li huma marbuta ma’ impriża terrorista fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż mil-Liġi 2003/706, tat-2 ta’ Awwissu 2003.

Konsegwentement, ittieħdet deċiżjoni fil-konfront tal-[PMOI] minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Il-Kunsill jinnota li dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin u ngħataw portata usa’ fl-2007 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-operazzjonijiet ta’ finanzjament immexxija minn gruppi terroristiċi. Il-Kunsill jikkunsidra li r-raġunijiet sabiex il-PMOI tiġi inkluża fil-lista tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2580/2001 jibqgħu validi.

Wara li l-Kunsill ikkunsidra dawn il-provi, huwa ddeċieda li [l-PMOI] għandha tibqa’ suġġetta għall-miżuri previsti taħt l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2580/2001.”

 Proċedura

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat talba sabiex il-kawża tiġi deċiża bi proċedura mħaffa, b’mod konformi mal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba fit-30 ta’ Lulju 2008 u ppreżenta r-risposta tiegħu fl-10 ta’ Settembru 2008. Fit-22 ta’ Settembru 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza (is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tilqa’ l-imsemmija talba, u sussegwement ingħalqet il-proċedura bil-miktub.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Settembru 2008, ordnat lill-Kunsill sabiex jippreżenta d-dokumenti kollha relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn huma jikkonċernaw lir-rikorrenti; madankollu, l-komunikazzjoni ta’ dawn lill-persuna kkonċernata tiġi riżervata, f’dan l-istadju ta’ proċedura, jekk il-Kunsill jinvoka l-karattru kunfidenzjali tagħhom.

14      Il-Kunsill ikkonforma ruħu ma’ din il-miżura istruttorja, inizjalment, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Ottubru 2008. Mar-risposta tiegħu ġew annessi tmien dokumenti, li sebgħa minnhom, mhux deskritti bħala kunfidenzjali, ġew ikkomunikati lir-rikorrenti. Din ġiet mistiedna tressaq l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq is-seba’ dokumenti inkwistjoni kif ukoll fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tat-tmien wieħed. Ir-rikorrenti għamlet dan permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Novembru 2008.

15      Il-Kunsill ikkonforma ruħu ma’ din il-miżura istruttorja, sussegwentement, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Novembru 2008. Mar-risposta tiegħu ġew annessi erba’ dokumenti ġodda, li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti.

16      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Novembru 2008, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza lir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

17      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla), permezz ta’ ittra tar-reġistru tal-11 ta’ Novembru 2008, stiednet lill-Kunsill, minn naħa, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub fuq ċerti allegazzjonijiet fattwali u ċerti argumenti ġuridiċi ġodda li jinsabu fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-reġistru fil-5 ta’ Novembru 2008, u, min-naħa l-oħra, sabiex jippreżenta d-dokumenti kollha fil-pussess tiegħu li jiddeskrivu, jew li jirrigwardaw, il-proċedura tal-votazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, foshom, b’mod partikolari, il-minuti tal-laqgħa u tal-votazzjoni. Il-Kunsill ikkonforma ruħu ma’ din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Novembru 2008.

18      Fil-kuntest tal-istess miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll taħt l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla), permezz ta’ ittra tar-reġistru tal-11 ta’ Novembru 2008, stiednet lir-Renju Unit sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fuq l-allegazzjonijiet fattwali dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jinsabu fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-reġistru fil-5 ta’ Novembru 2008. Ir-Renju Unit ikkonforma ruħu ma’ din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Novembru 2008.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti għamlet ċerti osservazzjonijiet bil-miktub fuq ir-rapport tas-seduta. Il-Kunsill irrisponda għal dawn l-osservazzjonijiet permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru fit-28 ta’ Novembru 2008.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008.

 It-talbiet tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jsostnu l-ewwel kap tat-talbiet tal-Kunsill.

 Id-dritt

24      Ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment ħames motivi insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-oneru tal-prova. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames wieħed huwa bbażat fuq abbuż jew abbuż ta’ poter jew ta’ proċedura.

25      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti tinvoka, barra minn hekk, is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan il-motiv ġdid huwa ammissibbli. Fil-fatt, minn naħa, huwa bbażat fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li ġew żvelati fil-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, dan il-motiv iqajjem kwistjoni ta’ ordni pubbliku u, b’hekk, jista’ jitqajjem ex officio, peress li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali li jolqot il-kundizzjonijiet infushom ta’ adozzjoni tal-att Komunitarju kkontestat.

26      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina, l-ewwel nett, dan is-sitt motiv, imbagħad ir-raba’ motiv u fl-aħħar nett, it-tieni u t-tielet motivi flimkien.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali

27      Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq l-ewwel seba’ dokumenti ppreżentati mill-Kunsill fl-eżekuzzjoni tad-digriet dwar miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, motiv ġdid, ibbażat fuq l-irregolarità tal-proċess tal-votazzjoni, fi ħdan il-Kunsill, fuq l-abbozzi kollha tad-deċiżjonijiet Komunitarji ta’ ffriżar tal-fondi. 

28      Insostenn tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għal dikjarazzjoni li saret quddiem il-House of Lords (ir-Renju Unit) minn Lord Malloch-Brown, Minister of State to the Foreign and Commonwealth Office (Ministru għall-Affarijiet Barranin u għall-Commonwealth) (iktar ’il quddiem il-“Minister of State”), fit-22 ta’ Lulju 2008. Mistoqsi dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Gvern tar-Renju Unit kien sempliċement astjena ruħu mill-votazzjoni fil-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2008 li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minflok ma oppona ruħu għaż-żamma tal-PMOI fil-lista kkontestata, u dan minkejja d-deċiżjoni tal-POAC u s-sentenza tal-Court of Appeal, il-Minister of State ddikjara dan li ġej, skont traskrizzjoni uffiċjali tad-dikjarazzjoni tiegħu f’Hansard:

“Aħna konna determinati li nirrispettaw din id-deċiżjoni tal-[Court of Appeal], u huwa għalhekk li ma konniex f’pożizzjoni li nagħtu sostenn lill-Gvern [Franċiż], li ppreżenta informazzjoni ġdida, li ma kinitx disponibbli qabel, u li fuq il-bażi tagħha huwa seta’ jipperswadi bosta gvernijiet Ewropej sabiex jagħtuh sostenn. Fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom aħna għażilna l-astenzjoni minflok l-oppożizzjoni kontra ż-żamma [tal-PMOI] fil-lista, id-diffikultà kienet li din hija lista globali li tinkludi l-organizzazzjonijiet terroristiċi kollha, u wieħed għandu jivvota favur jew kontra din il-lista. Għaldaqstant aħna kellna quddiemna sitwazzjoni skomda ħafna fejn jew il-lista l-antika tinżamm, li ma kien iwassal għal ebda vantaġġ għaliex PMOI kienet tibqa’ inkluża fiha, jew inkella konna nisfaw mingħajr lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi fl-Ewropa. Aħna ħassejna li dan kien jikkostitwixxi theddida inaċċettabbli għall-poplu tar-Renju Unit kif ukoll għall-bqija tal-kontinent.”

29      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Istati Membri ma jingħatawx il-possibbiltà li jivvotaw kontra ż-żamma ta’ organizzazzjoni partikolari fil-lista kkontestata, jekk nassumu li dan ikun fil-fatt il-każ, ikun totalment kuntrarju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti u għall-obbligu impost fuq il-Kunsill u fuq l-Istati Membri li jeżaminaw fid-dettall u f’kull każ individwali jekk iż-żamma tal-parti kkonċernata fil-lista kkontestata tibqax ġustifikata. Hija żżid li mid-dikjarazzjoni tal-Minister of State donnu jirriżulta li, jekk ir-Renju Unit kellu l-possibbiltà li jivvota individwalment fir-rigward ta’ kull organizzazzjoni, dan l-Istat Membru (bl-istess mod, hija temmen, bħal ċerti Stati Membri oħrajn) huwa kien jivvota kontra ż-żamma tagħha fil-lista kkontestata, u dan, fid-dawl tar-regola tal-unanimità prevista mir-Regolament Nru 2580/2001, seta’ jwassal biss għat-tneħħija tagħha mill-imsemmija lista.

30      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-użu ta’ proċedura ta’ votazzjoni “en bloc” fuq lista globali fi ħdan il-Kunsill, mingħajr ma tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ vot individwali fir-rigward tal-persuni jew entitajiet ikkonċernati, fl-okkażjoni ta’ eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri Komunitarji ta’ ffriżar tal-fondi, jiivvizzja l-proċess kollu ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri b’difett ta’ tali gravità li għandu jiġi deskritt bħala abbuż ta’ poter u tal-proċedura, ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali u ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq.

31      Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill madankollu sostna li fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid f’intervalli regolari, għall-inqas darba kull semestru, tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet inklużi fil-lista li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 2580/2001, kif previst fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kull membru tal-Kunsill għandu d-dritt li jesprimi ruħu fuq kull wieħed mill-ismijiet b’mod individwali u li jindika x’inhi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-isem inkwistjoni. Il-Kunsill iżid li kull isem inkluż fil-lista għandu jiġi approvat b’unanimità, b’tali mod li, jekk Stat Membru jopponi ruħu kontra ż-żamma fil-lista ta’ persuna jew ta’ entità partikolari , l-unanimità meħtieġa għal din iż-żamma ma teżistix. Il-Kunsill jinvoka, bħala prova għal dak li jsostni, il-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma PC 2001/931”) tat-2 u tal-24 ta’ Ġunju u tat-2 ta’ Lulju 2008, mehmuża bħala annessi 1, 3 u 4 mar-risposta tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2008 għad-digriet li jipprovdi miżuri istruttorji, tas-26 ta’ Settembru 2008.

32      Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub fuq l-allegazzjonijiet fattwali tar-rikorrenti dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Novembru 2008, ir-Renju Unit barra minn hekk isostni sempliċement li, “peress li t-talba [tal-Qorti tal-Prim’Istanza] [kienet] relatata mal-kondotta tal-membri tal-Kunsill fil-kapaċità tagħhom bħala membri ta’ din l-istituzzjoni, il-Kunsill innifsu [kien] fl-aħjar pożizzjoni sabiex iwieġeb għad-domandi kollha dwar l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni fi ħdan il-Kunsill”.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u indipendentement mis-sens u mill-portata li għandha tingħata lid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Minister of State quddiem il-House of Lords fit-22 ta’ Lulju 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tikkonstata, fid-dawl tal-provi inklużi fil-proċess, li ma jeżisti l-ebda indizju oġġettiv li jippermetti li tintlaqa’ t-teżi tar-rikorrenti li l-Istati Membri miġbura flimkien fi ħdan il-Kunsill huma mġiegħlin jivvotaw “favur jew kontra” “lista globali”, mingħajr ma għandhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom individwalment f’kull każ fuq il-kwistjoni dwar jekk l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ persuna jew entità partikolari fil-lista inkwistjoni hijiex jew tibqax ġustifikata.

34      Bil-kontra, mid-dokumenti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li effettivament saru eżamijiet jew eżamijiet mill-ġdid f’kull każ fi ħdan il-grupp ta’ ħidma PC 2001/931. B’mod partikolari, ir-rapport tal-laqgħa tal-imsemmi grupp ta’ ħidma PC 2001/931 tat-2 ta’ Lulju 2008 juri li d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri ngħataw terminu itwal li jiskadi fl-4 ta’ Lulju 2008, sabiex jindikaw jekk, “fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni addizzjonali pprovduti minn Stat Membru u mill-espożizzjoni riveduta tal-motivi li tqassam [lilhom]”, huma kellhomx “xi oġġezzjoni li wieħed mill-gruppi jkun elenkat fil-lista fuq il-bażi ġdida proposta”. Peress li din ir-referenza tikkonċerna, manifestament, lir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Istati Membri żammew b’mod espliċitu d-dritt li jopponu ruħhom kontra ż-żamma fil-lista kkontestata, iżda li fl-aħħar nett huma għażlu li ma jagħmlux użu minn din il-fakultà.

35      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

36      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kkomunika minn qabel lir-rikorrenti l-informazzjoni ġdida jew il-provi ġodda tal-proċess li, fil-fehma tal-Kunsill, kienu jiġġustifikaw iż-żamma tiegħu fil-lista kkontestata, jiġifieri dawk dwar l-istħarriġ ġudizzjarju mibdi mill-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu tat-tribunal de grande instance ta’ Pariġi f’April 2001 u dwar iż-żewġ akkużi supplimentari ta’ Marzu u Novembru 2007. A fortiori l-Kunsill ma ppermettix lir-rikorrenti li tesprimi ruħha b’mod effettiv dwar is-suġġett, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipji msemmijin mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza OMPI, għal dak li jirrigwarda l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża (ara, b’mod partikolari, punti 120, 126 u 131).

38      Il-Kunsill madankollu jsostni, l-ewwel nett, li l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza OMPI, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, ma jeħdux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari li fih kien jinsab f’dak il-każ. Fil-fatt, f’dak il-każ il-Qorti tal-Prim’Istanza ssuponiet li d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li kienet serviet bħala bażi għad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi kienet ser tibqa’ fis-seħħ, mingħajr ma kkunsidrat il-possibbiltà li din id-deċiżjoni tista’ tiġi revokata jew irtirata u dan meta l-Kunsill irċieva informazzjoni ġdida li tiġġustifika ż-żamma tal-parti kkonċernata fil-lista kkontestata. Dan kien il-każ, f’Ġunju 2008, fir-rigward tar-rikorrenti. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kunsill ikkunsidra li l-għan ta’ interess pubbliku mħaddan mill-Komunità, b’mod konformi mar-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, seta’ jintlaħaq biss permezz tas-sostituzzjoni immedjata tad-deċiżjoni li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien b’deċiżjoni ġdida tal-Kunsill, ibbażata fuq informazzjoni ġdida li kien għadu kemm ħa inkunsiderazzjoni b’mod urġenti. Il-Kunsill jikkunsidra li, b’dan il-mod, huwa wettaq l-uniku tweżin possibbli bejn il-ħtieġa li jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti nazzjonali li kienet il-bażi tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti kienet ġiet irtirata, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-imsemmija fondi jibqgħu ffriżati fid-dawl tal-informazzjoni ġdida li kienet ġiet ikkomunikata lilu u li kienet tiġġustifika, fil-fehma tiegħu, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw lir-rikorrenti. Huwa jżid li kull interruzzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet tippermetti minnifih lir-rikorrenti li jkollha aċċess għall-fondi tagħha, u dan kien irendi bla effett id-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kunsill, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, xejn fis-sentenza OMPI ma jissuġġerixxi li huwa ma kellux id-dritt li jaġixxi b’dan il-mod.

39      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn l-argumenti tal-Kunsill bl-ebda mod ma jiġġustifikaw l-allegata impossibbiltà li fiha din l-istituzzjoni kienet tinsab sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata skont proċedura li tosserva d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

40      B’mod iktar speċifiku, l-allegata urġenza bl-ebda mod ma hija stabbilita. Fil-fatt, anki jekk jiġi ammess li l-Kunsill ma kienx minnufih marbut li jneħħi lir-rikorrenti mil-lista kkontestata wara d-deċiżjoni tal-POAC tat-30 ta’ Novembru 2007, kien, f’kull każ, mis-7 ta’ Mejju 2008, data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell, li ntemmet b’mod definittiv il-possibbiltà sabiex huwa jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal-Home Secretary li serviet ta’ bażi għad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti. Issa, bejn din id-data tas-7 ta’ Mejju 2008 u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-15 ta’ Lulju 2008, għaddew aktar minn xahrejn. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma spjegax għaliex huwa ma kellux il-possibbiltà li jieħu passi minnufih wara s-7 ta’ Mejju 2008 bil-għan li r-rikorrenti titneħħa mil-lista kkontestata, jew li tinżamm f’din il-lista fuq il-bażi ta’ provi ġodda.

41      Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-ewwel provi relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju mibdi f’Pariġi f’April 2001 ma kinux ġew ikkomunikati mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kunsill qabel Ġunju 2008, dan ma jispjegax għaliex dawn il-provi ġodda ma setgħux jiġu kkomunikati minnifuh lir-rikorrenti, jekk il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jużahom kontriha. Dan huwa minnu iktar u iktar peress li l-proċedura orali kienet infetħet fil-kawża li tat lok għas-sentenza PMOI, permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2008, u li t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fuq is-sentenza tal-Court of Appeal u fuq l-osservazzjonijiet fuq din is-sentenza ppreżentati mir-rikorrenti kien ġie stabbilit għas-7 ta’ Lulju 2008. Tul dan il-perijodu kollu, il-Kunsill kien f’pożizzjoni li jikkomunika l-“provi ġodda” lir-rikorrenti u, fejn xieraq, lill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-proċedura pendenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza PMOI. F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Lulju 2008 fl-imsemmija kawża, il-Kunsill iddikjara b’mod espliċitu l-intenzjoni tiegħu li jieħu pożizzjoni b’mod urġenti fuq “provi ġodda” li ġew mgħarrfa lilu. Madankollu għandu jingħad li l-Kunsill naqas milli jikkomunika dawn il-provi ġodda lir-rikorrenti, mingħajr ma rrefera għal xi impossibbiltà materjali jew ġuridika li jagħmel dan, u dan minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet annulat, permezz tas-sentenza OMPI, waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, preċiżament minħabba li hija ma kinitx ġiet ikkomunikata minn qabel.

42      Għandu jingħad ukoll li la s-sentenza tal-Court of Appeal, u lanqas l-ordni tal-Home Secretary tat-23 ta’ Ġunju 2008 ma kellhom effett awtomatiku u immedjat fuq id-deċiżjoni 2007/868 ta’ ffriżar tal-fondi li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien. B’mod konformi mal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ validità tal-atti Komunitarji, din id-deċiżjoni baqgħet fis-seħħ, u baqgħet tipproduċi effetti legali, minkejja li ma baqax jeżisti s-“substratum” nazzjonali tiegħu, sakemm baqgħet mhux irtirata, annullata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarata invalida wara talba għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza PMOI, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-fatt u fid-dritt, huwa għaldaqstant żbaljat li jingħad li, wara d-dħul fis-seħħ tal-ordni tal-Home Secretary u tal-komunikazzjoni bejn wieħed u ieħor simultanja tal-provi ġodda mill-awtoritajiet Franċiżi, kellha tiġi adottata deċiżjoni ġdida ta’ ffriżar tal-fondi b’mod urġenti tali li ma kienx jippermentti l-ossevanza tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

44      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li n-nuqqas tal-Kunsill milli jikkonforma ruħu f’dan il-każ ma’ proċedura madankollu definita b’mod ċar mis-sentenza OMPI, nuqqas li seħħ b’konjizzjoni sħiħa tal-fatti u li ma seta’ jiġi bbażat fuq l-ebda ġustifikazzjoni raġonevoli, jista’ jammonta għal indizju rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv, ibbażat fuq ultra vires jew abbuż ta’ poter.

45      Il-Kunsill isostni, fit-tieni lok, li l-espożizzjoni tal-motivi nnotifikata lir-rikorrenti tippermetti lil din teżerċità d-dritt tagħha ta’ rimedju ġudizzjarju u lill-qorti Komunitarja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rikorrenti kellha wkoll il-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-espożizzjoni tal-motivi, fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li r-rikors promotur kien ġie trażmess minnufih mill-Kunsill lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri.

46      Din l-argumentazzjoni, frott ta’ konfużjoni bejn il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u dik li tirriżulta mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-att li jikkawża preġudizzju adottat fl-eżitu ta’ din il-proċedura, diġà ġiet miċħuda b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza OMPI (punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li ż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni kkontestata seħħet fi tmiem proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx rrispettati. Din il-kunsiderazzjoni tista’ twassal biss għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrenti.

48      Għalkemm f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra tar-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu ser teżamina t-tieni u t-tielet motivi, minħabba l-importanza tagħhom fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-oneru tal-prova kif ukoll tal-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett tfakkar li, fis-sentenzi OMPI u PMOI, hija ċċarat liema huma: a) il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001; b) l-oneru tal-prova għandu l-Kunsill f’dan il-kuntest; ċ) il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam.

50      Hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat fil-punti 115 u 116 tas-sentenza OMPI u fil-punt 130 tas-sentenza PMOI, l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi ta’ persuna, grupp jew entità huma stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Taħt dik in-dispożizzjoni, il-Kunsill, li jiddeċiedi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika l-imsemmi regolament, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-lista inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi stabbilita, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil-proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet ikkonċernati, kemm fil-kuntest tal-bidu ta’ stħarriġ jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew l-attentat li jitwettaq, jew il-parteċipazzjoni għal, jew l-iffaċilitar ta’ att bħal dan, ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli, kif ukoll fil-kuntest tal-kundanna għall-fatti bħal dawn. “Awtorità kompetenti” tfisser awtorità ġudizzjarja jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji mhumiex kompetenti fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet inklużi fil-lista għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid b’intervalli regolari, għall-inqas darba kull semestru, sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħhom fil-lista tibqa’ ġustifikata, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

51      Fil-punti 117 tas-sentenza OMPI u 131 tas-sentenza PMOI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni rilevanti sseħħ fuq żewġ livelli, wieħed nazzjonali, l-ieħor Komunitarju. Fl-ewwel fażi, awtorità kompetenti nazzjonali, bħala prinċipju waħda li hija ġudizzjarja, għandha tieħu fil-konfront tal-parti kkonċernata deċiżjoni li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Jekk din hija deċiżjoni ta’ bidu ta’ stħarriġ jew ta’ prosekuzzjoni, din għandha tkun ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Fit-tieni fażi, il-Kunsill, li jiddeċiedi b’unanimità, għandu jiddeċiedi li jinkludi lill-parti kkonċernata fil-lista kkontestata, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-proċess li juru li ttieħdet tali deċiżjoni. Imbagħad, il-Kunsill għandu jiżgura f’intervalli regolari, għall-inqas darba kull semestru, li ż-żamma, fil-lista, tal-parti kkonċernata kkontestata tibqa’ ġustifikata. F’dan ir-rigward, il-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa l-imsemmija definizzjoni tidher bħala prerekwiżit essenzjali għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, filwaqt li l-verifika tal-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni fuq il-livell nazzjonali tidher indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi.

52      Fil-punti 123 tas-sentenza OMPI u 132 tas-sentenza PMOI, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, barra minn hekk, li taħt l-Artikolu 10 KE, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati permezz ta’ dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2003, Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑339/00, Ġabra p. I‑11757, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u japplika, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fil-qasam kriminali [normalment imsejħa “ġustizzja u affarijiet interni” (ĠAI)] irregolata permezz tat-Titolu VI tat-Trattat UE, li barra minn hekk huwa totalment ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 42).

53      Fil-punti 124 tas-sentenza OMPI u 133 tas-sentenza PMOI, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri, fil-kuntest tal-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu, dan il-prinċipju jinvolvi, fir-rigward tal-Kunsill, l-obbligu li kemm jista’ jkun isir riferiment għall-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti nazzjonali, għall-inqas fejn hija l-imsemmija awtorità hija waħda ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza tal-“provi jew tal-indizji serji u kredibbli” li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

54      Hekk kif ġie deċiż fil-punt 134 tas-sentenza PMOI, minn dak li ntqal jirriżulta li għalkemm huwa l-Kunsill li għandu l-oneru tal-prova li l-iffriżar tal-fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa jew għadu legalment ġustifikat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti, il-portata ta’ din il-prova hija relattivament limitata, fuq il-livell tal-proċedura Komunitarja tal-iffriżar tal-fondi. Fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, hija tirrigwarda essenzjalment l-eżistenza ta’ informazzjoni speċifika jew ta’ elementi fil-proċess li juru li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ittieħdet fil-konfront tal-parti kkonċernata. Barra minn hekk, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, wara eżami mill-ġdid, l-oneru tal-prova essenzjalment jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-iffriżar tal-fondi jibqax ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-azzjoni meħuda wara l-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità kompetenti nazzjonali.

55      Fir-rigward tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, din aċċettat, fil-punti 159 tas-sentenza OMPI u 137 tas-sentenza PMOI, li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, b’mod konformi ma’ pożizzjoni komuni adottata skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Din is-setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet ta’ dak li huwa xieraq li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet. Madankollu (ara l-punt 138 tas-sentenza PMOI), minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, dan ma jimplikax li hija għandha tibqa’ lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha b’mod partikolari tistħarreġ mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet dedotti minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ din l-istħarriġ, hija m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ dak li huwa xieraq flok dik tal-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li la l-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħha u fl-ittra ta’ notifika tagħha, u lanqas dawk li jinsabu fiż-żewġ risposti tal-Kunsill għad-digriet rigward miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008 ma jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prova msemmija iktar ’il fuq, b’tali mod li mhux muri b’mod suffiċjenti skont il-liġi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

57      B’mod aktar speċifiku, il-Kunsill la kkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza informazzjoni preċiża u lanqas element fil-proċess li juri li l-istħarriġ ġudizzjarju mibdi mill-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu tat-tribunal de grande instance ta’ Pariġi f’April 2001 u ż-żewġ akkużi supplimentari ta’ Marzu u Novembru 2007 jikkostitwixxu fil-konfront tar-rikorrenti, hekk kif jafferma mingħajr ma jipprovdi sostenn ieħor għad-dikjarazzjonijiet tiegħu, deċiżjoni li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

58      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ l-partijiet l-aktar rilevanti tal-ewwel risposta tal-Kunsill għad-digriet rigward miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008:

“3.      Inżammu erba’ laqgħat preparatorji tal-grupp [ta’ ħidma PC 2001/931] għall-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni inkwistjoni– sa fejn din tikkonċerna r-rikorrenti – jiġifieri t-2 ta’ Ġunju, it-13 ta’ Ġunju, l-24 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2008 […]

[…]

6.      Għall-finijiet ta’ dawn il-laqgħat, ir-Repubblika Franċiża qassmet ukoll lid-delegazzjonijiet tliet dokumenti li jiddeskrivu l-bażi ġdida proposta sabiex ir-rikorrenti tiġi inkluża fil-lista u li tispjega l-motivi tal-proposta tagħha. It-tielet dokument kien jinkludi, parzjalment, it-test li sar l-espożizzjoni tal-motivi adottata mill-Kunsill u li diġà ġiet inkluża fil-proċess tal-kawża. Fiż-żmien meta tqassmu, dawn id-dokumenti ġew klassifikati mir-Repubblika Franċiża bħala kunfidenzjali. Madankollu, il-Kunsill informa lil din tal-aħħar bid-digriet mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan l-Istat attwalment eżamina l-possibbiltà li ma jibqax iqis id-dokumenti inkwistjoni bħala kunfidenzjali. Il-Kunsill madankollu ġie informat li, minħabba l-ħtieġa ta’ osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt intern, ma tistax tittieħed deċiżjoni fuq dan il-punt fit-terminu stabbilit mir-reġistru. Għaldaqstant, il-Kunsill mhux f’pożizzjoni li jikkonforma ruħu, f’dan il-mument, mad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal dak li jikkonċerna l-imsemmija dokumenti, għaliex mhux awtorizzat jibgħat dawn lill-Qorti tal-Prim’Istanza, anki b’mod kunfidenzjali. Huwa jitlob bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex hija turi komprensjoni u jimpenja ruħu li jinformaha hekk kif ir-Repubblika Franċiża tkun ħadet deċiżjoni fuq id-dokumenti inkwistjoni.

[…]

11.      B’mod partikolari, il-Kunsill jenfasizza li huwa ma rċieva l-ebda prova oħra relatata mal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fi Franza għajr dik li tidher fl-espożizzjoni tal-motivi. Huwa jifhem li provi supplimentari bħal dawn, skont id-dritt Franċiż, għandhom jibqgħu kunfidenzjali waqt l-istħarriġ. Huwa rripproduċa l-elementi essenzjali kollha dwar l-istħarriġ li huwa kellu fid-dispożizzjoni tiegħu sabiex ifassal l-espożizzjoni tal-motivi. Wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt 6 kien jinkludi lista aktar dettaljata tal-ksur li huwa s-suġġett tal-istħarriġ, iżda dan il-ksur huwa kollu kopert permezz tad-deskrzzjoni ġenerali mogħtija fl-espożizzjoni tal-motivi (jiġifieri serje ta’ ksur kollha relatati, b’mod prinċipali jew sussidjarju, ma’ impriża kollettiva li għandha bħala għan id-disturb serju tal-ordni pubbliku permezz tal-intimidazzjoni jew tat-terrur, kif ukoll il-finanzjament ta’ grupp terrorist u l-ħasil dirett jew indirett ta’ dħul li jirriżulta minn reati ta’ frodi kontra persuni partikolarment vulnerabbli u frodi organizzata marbuta ma’ impriża terrorista).

12.      Il-Kunsill ma għandu l-ebda informazzjoni oħra dwar l-istħarriġ għajr dik dwar in-natura tal-ksur li huwa s-suġġett tal-istħarriġ u d-dettalji fuq id-data tal-bidu tal-istħarriġ u l-mument meta l-akkużi supplimentari ġew miżjuda. Huwa ma ġiex informat bl-identità preċiża tal-persuni mistħarrġa; huwa jaf biss li dawn il-persuni huma allegati membri tar-rikorrenti, hekk kif huwa indikat fl-espożizzjoni tal-motivi. Lanqas ma għandu informazzjoni fuq l-iżvilupp possibbli tal-istħarriġ. Fil-qosor, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, huwa ma kellu l-ebda prova oħra ‘invokata kontra r-rikorrenti’ fil-kuntest tal-istħarriġ għajr dawk imsemmija fl-espożizzjoni tal-motivi.”

59      Issa, fid-dawl tal-kontestazzjonijiet ta’ fatt u tal-ilmenti magħmula mir-rikorrenti, la l-ispjegazzjonijiet mogħtija b’dan il-mod mill-Kunsill, u lanqas id-dokumenti mressqa minnu ma jippermettu li tiġi ġustifikata legalment id-deċiżjoni kkontestata, b’mod aktar partikolari fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

60      Dan jgħodd ukoll fid-dawl tat-tieni risposta tal-Kunsill għad-digriet rigward miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008, li bħala anness tiegħu, din l-istituzzjoni ressqet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, jiġifieri dawk li permezz tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi kienu kkomunikawlu, f’Ġunju 2008, informazzjoni dwar l-istħarriġ ġudizzjarju mibdi f’Pariġi f’April 2001 u estiż fl-2007, li fuq il-bażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. 

61      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-istħarriġ ġudizzjarju mibdi fi Franza f’April 2001 kien stħarriġ kontra “X”, li eventwalment seta’ jkopri ċerti membri tagħha jew persuni li jagħtuha sostenn, iżda mhux il-PMOI bħala tali.

62      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel wieħed mit-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, bid-data tad-9 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw ruħhom li jindikaw “li [kien] inbeda stħarriġ ġudizzjarju fid-9 ta’ April 2001 kontra 17-il persuna suspettati li huma parti mill-[PMOI]”, li “dan l-istħarriġ [kien] għadu għaddej” u li, “f’dak l-istadju, 24 persuna [kienu] qed jiġu mistħarrġa”. Madankollu ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għar-raġunijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet kienu waslu għal din il-konklużjoni, fl-istess dokument, li “dawn il-proċeduri [kienu] jammontaw għal deċiżjoni fil-konfront tal-[PMOI] minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931”.

63      B’risposta għal din l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li ma ġietx ikkontestata bħala tali, il-Kunsill isostni li ċirkustanza bħal din mhux biss hija possibbli, iżda saħansitra loġika u xierqa, fil-kuntest ta’ ffriżar tal-fondi ta’ organizzazzjoni bħar-rikorrenti. Minn naħa, fil-fatt, ksur bħall-assoċjazzjoni kriminali bil-għan li jithejjew atti terroristiċi, il-finanzjament ta’ organizzazzjoni terrorista u l-ħasil ta’ flus b’rabta ma’ organizzazzjoni terrorista ma jistax jitwettaq mill-organizzazzjoni nfisha, iżda biss mill-individwi li huma membri tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti nfisha ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali peress li hija ma għandhiex personalità ġuridika.

64      Qabel kollox, din l-ispjegazzjoni hija inkonsistenti mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprovdi li deċiżjoni għandha tittieħed “fir-rigward tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet ikkonċernati”.

65      Anki jekk jingħad li ma għandhiex tiġi segwita interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex l-argument tal-Kunsill ikun jista’ jintlaqa’, xorta jkun meħtieġ li din l-istituzzjoni jew l-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata tispjega r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom, f’dan il-każ, l-atti attribwibbli lil individwi li allegatament huma membri jew joffru sostenn lill-PMOI għandhom jiġu attribwiti lill-PMOI nfisha. Issa, hekk kif diġà ġie osservat, spjegazzjoni bħal din ma teżistix f’dan il-każ.

66      Fin-nuqqas ta’ informazzjoni aktar preċiża, lanqas ma huwa possibbli li jiġu vverifikati l-veraċità u r-rilevanza tal-affermazzjoni, li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi, li diversi allegati membri tar-rikorrenti huma attwalment is-suġġett ta’ proċeduri għal attivitajiet kriminali f’konnessjoni ma’ impriża terrorista. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet, fir-rikors tagħha, li għajr għall-każ tal-istħarriġ ġudizzjarju mibdi fi Franza fl-2001, hija ma għandhiex għarfien li membru jew persuna li toffri sostenn hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali f’wieħed mill-Istati Membri minħabba finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi jew attivitajiet oħra kriminali li jikkonċernawha, bil-kontra ta’ dak li huwa sostnut fl-espożizzjoni tal-motivi. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-membri tagħha jew minn dawk li joffrulha sostenn ma ġew misjuba ħatja ta’ attivitajiet illegali marbuta mat-terroriżmu jew mal-finanzjament tiegħu. Il-Kunsill ma rribattiex dawn l-affermazzjonijiet fir-risposta tiegħu.

67      Fir-rigward tal-akkużi supplimentari tad-19 ta’ Marzu u tat-13 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ssostni wkoll li dawn bl-ebda mod ma jikkonċernawha u li huma lanqas ma jagħmlu riferiment għaliha. Fl-ewwel risposta tagħha għad-digriet rigward miżuri istruttorji, il-Kunsill jammetti li ma ġiex mgħarraf bl-identità tal-individwi kkonċernati minn dawn l-atti u li jaf biss li dawn il-persuni huma allegati membri tal-PMOI. Hawnhekk ukoll, ir-rabta bejn il-persuni inkwistjoni u r-rikorrenti, kif ukoll ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-attribuzzjoni lir-rikorrenti bl-atti tal-persuni msemmija, bl-ebda mod ma huma spjegati.

68      Għandu jiġi osservat ukoll li l-ebda element fil-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-istħarriġ ġudizzjarju mibdi fi Franza f’April 2001, anki jekk jingħad li huwa sar minn “awtorità ġudizzjarja”, li huwa miċħud mir-rikorrenti, huwa bbażat, skont l-evalwazzjoni ta’ din l-awtorità, fuq provi jew indizji serji u kredibbli, kif jitlob l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

69      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fit-tieni inċiż tal-punt 3(b) tal-aħħar wieħed fost it-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, bid-data tas-26 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Franċiżi fi ħdan il-Kunsill sostnew li l-eżistenza ta’ dan l-stħarriġ ġudizzjarju “[kien] juri li l-awtoritajiet ġudizzjarji [kellhom] fid-dispożizzjoni tagħhom l-‘indizji serji jew kredibbli’ mitluba taħt l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931] u li jassoċjaw [lill-PMOI] ma’ attivitajiet ta’ terroriżmu f’perijodu reċenti”.

70      Issa, mhux biss din l-evalwazzjoni ma saritx mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti nazzjonali, iżda, f’ittra lill-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2008, mehmuża mal-anness 4 tat-tieni risposta tal-Kunsill għad-digriet rigward miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Franċiż (MAEE) indika, filwaqt li rrefera speċifikament għall-imsemmi tieni inċiż tal-punt 3(b) tal-aħħar wieħed fost it-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li “[kien] jidhirlu opportun u konformi mad-dritt li jippreċiża li dawn kienu konklużjonijiet dedotti mill-MAEE mill-elementi oġġettivi tal-proċedura Franċiża kkomunikati mill-uffiċċju tal-prosekutur tat-Tribunal de grande instance ta’ Pariġi, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 11 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali, u li [kienu] jorbtu biss lill-MAEE”.

71      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li, fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kunsill irrifjuta li “ma jibqax iqis bħala kunfidenzjali” il-punt 3(a), tal-aħħar wieħed fost it-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li jinkludi s-“sinteżi tal-punti prinċipali li jiġġustifikaw iż-żamma ta[l-OMPI] fil-lista Ewropea”, magħmula minn dawn l-awtoritajiet għall-attenzjoni ta’ ċerti delegazzjonijiet tal-Istati Membri. Skont l-ittra tal-MAEE lill-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2008, iċċitata iktar ’il fuq, l-informazzjoni inkwistjoni “kienet ta’ natura ta’ sigurtà li tikkonċerna d-difiża nazzjonali u minħabba dan il-fatt hija suġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni intiżi sabiex jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 413-9 tal-kodiċi kriminali”, b’tali mod li “l-MAEE mhix f’pożizzjoni li tawtorizza l-komunikazzjoni tagħha lill-Qorti tal-Prim’Istanza”.

72      Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill li huwa marbut li josserva l-prinċipju tal-kunfidenzjalità invokat mill-awtoritajiet Franċiżi, hija ma tispjegax kif dan il-prinċipju huwa miksur permezz tal-komunikazzjoni tal-elementi fil-proċess ikkonċernati lill-qorti Komunitarja, iżda ma kienx miksur permezz tal-komunikazzjoni tal-istess elementi lill-Kunsill innifsu u, sussegwentement, lill-gvernijiet tas-26 Stat Membru ieħor.

73      F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kunsill ma jistax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ ffriżar tal-fondi fuq informazzjoni jew fuq elementi fil-proċess ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru mhux lest li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-qorti Komunitarja li għandha s-setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza OMPI (punt 154), il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi jestendi ruħu għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni tagħha, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni, kif il-Kunsill kien irrikonoxxa b’mod espliċitu fin-noti tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T‑306/01, Ġabra p. II‑3533), annullata fuq l-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. II-0000). Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll, fejn xieraq, tal-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet prevalenti eċċezzjonalment invokati mill-Kunsill sabiex jevita l-imsemmija rispett.

75      F’dan il-każ, dan l-istħarriġ jirriżulta aktar indispensabbli għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija proċedurali li tippermetti li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-rekwiżiti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali. Peress li l-limitazzjonijiet imposti mill-Kunsill fuq id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu kkumpensati permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju strett li huwa indipendenti u imparzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 66), il-qorti Komunitarja għandha tkun fil-pożizzjoni li tistħarreġ l-legalità u l-fondatezza tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontriha s-segretezza jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-elementi ta’ informazzjoni użati mill-Kunsill (sentenza OMPI, point 155).

76      F’dan il-każ, ir-rifjut tal-Kunsill u tal-awtoritajiet Franċiżi li jikkomunikaw, anki lill-Qorti tal-Prim’Istanza biss, l-informazzjoni li tinsab fil-punt 3(a), tal-aħħar wieħed fost it-tliet dokumenti msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq għandu għaldaqstant il-konsegwenza li ma jippermettix lil din il-qorti l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

77      Minn dan jirriżulta,li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hekk kif deskritti hawn fuq, is-sempliċi komunikazzjoni tal-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fir-risposti tal-Kunsill għad-digriet rigward miżuri istruttorji tas-26 ta’ Settembru 2008 u fl-annessi għal dawn ir-risposti la tippermetti lir-rikorrenti u lanqas lill-Qorti tal-Prim’Istanza li jaċċertaw ruħhom li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li mhijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li mhuwiex stabbilit b’mod suffiċjenti skont il-liġi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi nfushom tal-adozzjoni tagħha jippreġudikaw id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

79      Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet motivi huma fondati.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kunsill tilef, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

81      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4), tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE, hija annullata sa fejn hija tikkonċerna l-People’s Mojahedin Organization of Iran.

2)      Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk tal-People’s Mojahedin Organization of Iran.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Šváby

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Diċembru 2008.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.