KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2018 (1)
Kawża C‑308/17
Hellenische Republik
vs
Leo Kuhn
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Bonds maħruġa minn Stat Membru – Parteċipazzjoni fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku – Modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Rikors ippreżentat kontra l-Istat minn kredituri privati detenturi ta’ dawn il-bonds bħala persuni fiżiċi – Responsabbiltà tal-Istat għall-acta jure imperii – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni f’materja kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘materja kuntrattwali’ – Kunċett ta’ ‘obbligu assunt liberament minn parti waħda lejn oħra’ – Kunċett ta’ ‘post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi tat-talba’ – Kundizzjonijiet ta’ sottskrizzjoni tas-self obbligatorju ta’ Stat – Trasferimenti suċċessivi tad-dejn – Post effettiv ta’ eżekuzzjoni tal-‘obbligu prinċipali’ – Ħlas ta’ interessi”
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2).
2. Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Hellenische Republik (ir-Repubblika Ellenika) u Leo Kuhn dwar talba għall-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self relatati ma’ bonds maħruġa minn dan l-Istat Membru li tagħhom kien detentur jew kumpens minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.
3. Sabiex jitqiesu bis-sħiħ is-sens u l-portata ta’ din it-talba, din għandha titqiegħed f’kuntest usa’.
4. Min-naħa, din il-proċedura, li tikkonċerna r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, imwettqa f’Marzu 2012, bil-parteċipazzjoni tas-settur privat (3), ma hijiex iżolata.
5. Min-naħa l-oħra, l-importanza tad-domandi mqajma mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, dwar il-ġurisdizzjoni, tmur ferm lil hinn mill-aspetti tekniċi tagħha, li tradizzjonalment tqiesu diffiċli fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni. Hija fundamentalment marbuta mal-evoluzzjoni ta’ tekniki ta’ self tal-Istati kif ukoll dwar il-kwstjonijiet ekonomiċi u politiċi li jwasslu għall-kunsiderazzjoni tat-trattament kontenzjuż tad-dejn sovran bħala suġġett sensittiv ħafna.
6. Fil-fatt, l-għażla ta’ finanzjament fis-swieq permezz ta’ ħruġ ta’ bonds (4) kellha l-konsegwenza li kkumplikat il-ġestjoni tad-dejn sovran minħabba l-insuffiċjenza tal-mekkaniżmi kuntrattwali għad-diversità tal-kredituri, li jistgħu jkunu pubbliċi, privati, istituzzjonali, jew persuni fiżiċi, u fuq kollox in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejniethom.
7. Barra minn hekk, meta sseħħ kriżi tad-dejn sovran, in-nuqqas ta’ proċedura ta’ trattament ġenerali u organizzat tal-insolvenza tal-Istati jwassal sabiex id-destin tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni jkun f’idejn il-qorti (5).
8. Għalhekk, il-problemi legali kumplessi maħluqa mill-multiplikazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ma jistgħux jinħarġu mill-kuntest ekonomiku li fih għandhom jiġu solvuti (6).
9. Fil-każ tar-ristrutturazzjoni tad-dejn Grieg fl-2012, ta’ ammont storiku (7), id-diffikultajiet tradizzjonalment identifikati dehru f’diskussjoni ġdida minħabba l-ħruġ tat-titoli f’euro u r-riskju ta’ kriżi sistemika li rriżultat minnha (8). Huma ġġustifikaw l-użu ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u legali li n-natura eċċezzjonali tagħhom tispjega l-gravità tal-problemi li kellhom jiġu solvuti.
10. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà kellha l-opportunità li tittratta l-kwistjoni delikata tal-effetti ta’ din ir-ristrutturazzjoni fuq id-drittijiet ta’ detenturi ta’ bonds Griegi, permezz tan-notifika ta’ atti ġudizzjarji, jiġifieri fis-sitwazzjoni avvanzata ta’ litigazzjoni, qabel kull eżami fil-mertu, fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, iktar ’il quddiem “is-sentenza Fahnenbrock et”, EU:C:2015:383).
11. Minn dik id-data, deċiżjonijiet oħra ngħataw mill-qrati Ewropej, aditi minn numru kbir ta’ detenturi ta’ bonds Griegi oħra li kellhom l-istess għan, dak li jiġu rrispettati d-drittijiet kuntrattwali tagħhom jew jiksbu kumpens għad-danni allegati tagħhom.
12. Għalhekk, fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il‑BĊE (9), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2013 minn aktar minn 200 detentur, il-parti l-kbira minnhom Taljani, ta’ titoli privati Griegi, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li sofrew, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tad-Deċiżjoni, tal-5 ta’ Marzu 2012 dwar l-eliġibilità ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti totalment mir-Repubblika Ellenika fil-qafas tal-offerta tal-iskambju ta’ obbligazzjonijiet mir-Repubblika Ellenika (10), kif ukoll miżuri oħra tal-BĊE marbuta mar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg. Imbagħad, permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs Il-BĊE (11), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal kumpens imressqa fil-21 ta’ Diċembru 2015 minn banek kummerċjali fejn eskludiet kull responsabbiltà tal-BĊE, u kkonfermat dak li ddeċidiet fir-rigward tal-persuni fiżiċi detenturi tat-titoli ta’ dejn Griegi.
13. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat ir-rikorsi ppreżentati matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2014 minn 6 320 ċittadin Grieg li kienu detenturi ta’ bonds tal-Istat Grieg, bħala persuni fiżiċi, ta’ ammonti li jvarjaw bejn EUR 10 000 u EUR 1 510 000, fir-rigward tal-parteċipazzjoni furzata tagħhom fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg billi l-bonds tagħhom ġew skambjati ma’ oħrajn ta’ valur inferjuri. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016 (12), dik il-Qorti ddeċidiet, b’mod unanimu, li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (13) u lanqas tal-Artikolu 14 tal-KEDB flimkien mal-Artikolu 1 ta’ dak il-Protokoll (14).
14. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkompleta l-analiżi tagħha billi tiddeċiedi dwar ir-regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, b’estensjoni tas-sentenza Fahnenbrock et kif ukoll tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolassa”, EU:C:2015:37), rigward in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn l-emittent ta’ titolu sovran u l-akkwirent tiegħu.
15. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet tal-partijiet għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika, qabelxejn, jekk il-kawża prinċipali taqax taħt ir-Regolament Nru 1215/2012 li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, japplika għal “kwistjonijiet ċivili”, ħlief b’mod partikolari għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti mwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (acta jure imperii). Jekk it-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, imbagħad ikun meħtieġ li jiġi żgurat li tista’ tiġi kkwalifikata bħala marbuta ma’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt”, skont it-tifsira tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li tidderoga mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. Fl-aħħar nett, jekk dan ikun il-każ, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat x’inhu l-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” fis-sens tal-Artikolu 7.
16. Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, se nipproponi, b’mod sussidjarju biss, elementi ta’ risposti għal dawn iż-żewġ domandi tal-aħħar dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.
17. Fil-fatt, se nsostni, b’mod prinċipali, li t-tilwima ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
18. Il-premessi 4, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 (15) jistabbilixxu:
“(4) Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.
[…]
(15) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.
(16) Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”
19. L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”
20. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 1, li tiġbor fiha d-“Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II, bl-isem “Ġurisdizzjoni”:
“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”
21. Fit-Taqsima 2, bl-isem “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi:
“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:
(1) (a) fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;” (16).
B. Id-dritt Grieg
22. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju (17), ir-Repubblika Ellenika ħarġet bonds sovrani fil-Greċja, bħala titoli (djun irreġistrati fir-reġistru tad-dejn pubbliku) suġġetti għad-dritt Grieg u nnegozjati fil-Borża ta’ Ateni. Dawn it-titoli ġew irreġistrati (18) fis-sistema tal-kont kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg, li tinkludi kontijiet miftuħa f’isem kull parteċipant ammess mill-gvernatur tal-Bank Ċentrali sabiex jipparteċipa fiha(19).
23. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ dik il-liġi, il-parteċipanti fis-sistema tal-kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg jistgħu jagħtu drittijiet fir-rigward ta’ bond (20) lil investituri terzi, imma tali att ġuridiku jipproduċi effett biss fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati, bl-esklużjoni espressa ta’ kwalunkwe effett favur jew kontra r-Repubblika Ellenika.
24. L-Artikolu 6(4) tal-Liġi Nru 2198/1994 jipprovdi li bond jiġi ttrasferit bir-reġistrazzjoni fil-kreditu tal-kont tal-parteċipant.
25. L-Artikolu 6(5) sa (7) ta’ din il-liġi jiffaċilita li tinftiehem is-“sistema” deskritta mill-qorti tar-rinviju. Dan jistabbilixxi:
“5. Il-kontijiet tal-parteċipanti jinżammu fis-sistema. Il-kontijiet tal-investituri jinżammu għand il-parteċipanti.
6. Kemm fis-sistema kif ukoll għand il-parteċipanti, il-kontijiet jinżammu separatament skont il-kategorija ta’ titoli li jippreżentaw karatteristiċi komuni.
7. Fis-sistema, jinżammu kontijiet separati għal kull parteċipant, minn naħa, għat-titoli tal-portafoll tiegħu stess u, min-naħa l-oħra, għal dawk tal-portafoll tal-klijenti investituri tiegħu. Il-kont tal-portafoll tal-investituri miżmum għand kull parteċipant jakkumula l-investituri kollha tal-parteċipant.”
26. L-Artikolu 8 ta’ dik il-liġi, bl-isem “Krediti tal-investituri”, jistabbilixxi:
[…]
“2. L-investitur għandu kreditu bbażat fuq it-titolu tiegħu biss kontra l-parteċipant li għandu jinżamm il-kont tiegħu. Jekk l-Istat ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, l-investitur għandu kreditu bbażat fuq it-titolu tiegħu biss kontra l-Istat.
[…]
6. Il-ħlas tal-kapital u tal-interessi dovuti mill-Istat lill-Bank Ċentrali Grieg jimplika l-estinzjoni tal-obbligi tal-Istat. Il-Bank Ċentrali Grieg jalloka lil kull parteċipant il-kapital u l-interessi fuq it-titoli dovuti fil-maturità tas-self. Il-ħlas imsemmi hawn fuq jimplika l-estinzjoni tal-obbligi tal-Bank Ċentrali Grieg.
[…]”
27. Barra minn hekk, in-Nómos 4050/2012 – Kanónes tropopoiíseos títlon ekdóseos í engyíseos tou Ellinikoú Dimosíou me symfonía ton Omologioúchon (il-Liġi Nru 4050/2012, bl-isem “Regoli li jemendaw, bil-kunsens tad-detenturi, it-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg”) (21), tat-23 ta’ Frar 2012, tipprovdi li d-detenturi ta’ ċerti bonds sovrani Griegi jirċievu proposta għal “ristrutturazzjoni”.
28. Dan it-terminu, użat mill-qorti tar-rinviju, jinsab ukoll fis-sentenza Fahnenbrock et (punt 8). Fil-fehma tiegħi, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn “ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku” u l-proposta għall-parteċipazzjoni fiha, li tikkonsisti fil-“modifika tat-titoli eliġibbli”, skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 4050/2012, li jipprovdi:
“Il-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ypourgoú Oikonomikón (il-Ministru tal-Finanzi, il-Greċja), jiddeċiedi li jniedi l-proċedura għall-modifika tat-titoli eliġibbli mid-detenturi ta’ bonds, jiddefinixxi t-titoli eliġibbli u, fil-każ ta’ sostituzzjoni, jiddefinixxi l-kapital jew l-ammont nominali, ir-rati tal-interessi jew ir-rendiment, il-maturità, id-dritt (Ingliż jew ieħor) li għalihom ikunu suġġetti t-titoli ġodda maħruġa mill-Istat Grieg u jawtorizza lill-Organismos Diacheírisis Dimósiou Chréous [l-Aġenzija għall-Ġestjoni tad-Dejn Pubbliku, il-Greċja] sabiex toħroġ stedina jew diversi stediniet mill-Istat Grieg.
Permezz ta’ din l-istedina, id-detenturi tat-titoli eliġibbli msemmija fiha huma mistiedna jiddeċiedu, fit-terminu stabbilit, jekk jaċċettawx il-modifika tat-titoli eliġibbli, kif proposta mill-Istat Grieg, skont il-proċedura prevista f’dan artikolu”.
29. Il-Liġi Nru 4050/2012 tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ “ristrutturazzjoni” (22) jew “klawżola ta’ azzjoni kollettiva” (iktar ’il quddiem il-“KAK”) li tippermetti l-modifika tal-kundizzjonijiet inizjali ta’ self permezz ta’ deċiżjonijiet adottati b’maġġoranza kkwalifikata tal-kapital li jibqa’ dovut u applikabbli wkoll għall-minoranza.
30. Fil-punt 9 tas-sentenza Fahnenbrock et ġie ppreċiżat li, “[s]kont l-Artikolu 1(4) ta’ din il-liġi, il-modifika tat-titoli previsti tirrikjedi li jintlaħaq kworum li jirrappreżenta 50 % tat-total tal-ammont tal-investiment tal-bonds ikkonċernati, kif ukoll maġġoranza kkwalifikata li tikkorrispondi għal żewġ terzi tal-kapital parteċipanti”.
31. Sabiex ikun komplut ir-riassunt fil-punt 10 ta’ dik is-sentenza, għandha tiġi mtennija l-kwotazzjoni mill-Gvern Grieg tal-Artikolu 1(9) ta’ dik il-liġi, li tgħid:
“Mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika tad-digriet ta’ approvazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri, id-deċiżjoni tad-detenturi tal-bonds, kif iċċertifikata mill-amministratur tal-proċedura, għandha effett erga omnes, torbot lid-detenturi tal-bonds kollha u lill-investituri kollha tat-titoli eliġibbli u tipprevali fuq kwalunkwe dispożizzjoni eventwali ġenerali jew speċifika kuntrarja fi kwalunkwe liġi, att regolatorju jew ftehim. Fil-każ ta’ sostituzzjoni tat-titoli eliġibbli, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ titoli ġodda fis-sistema, it-titoli eliġibbli ssostitwiti b’titoli ġodda huma awtomatikament ikkanċellati, li jirriżulta fl-estinzjoni ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu li joħorġu minnhom, inkluża t-totalità tad-drittijiet u l-obbligi li kienu parti minnhom fi kwalunkwe mument.”
32. L-Artikolu 1(11) tal-Liġi Nru 4050/2012, imsemmi wkoll fis-sentenza Mamatas (punt 48), jipprovdi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma maħsuba sabiex jipproteġu interess pubbliku perentorju, huma dispożizzjonijiet imperattivi u applikabbli direttament, jipprevalu fuq dispożizzjonijiet eventwali ġenerali jew speċifiċi kuntrarji fi kwalunkwe liġi, att regolatorju jew ftehim […], u l-applikazzjoni tagħhom ma toħloq jew ma tattiva l-ebda dritt kuntrattwali jew legali favur id-detentur tal-bonds jew tal-investitur u l-ebda obbligu kuntrattwali jew legali għad-detriment tal-emittent jew tal-garanti tat-titoli […] ħlief kif espressament previst f’dan l-artikolu”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
33. L. Kuhn, iddomiċiljat fi Vjenna (l-Awstrija), permezz ta’ bank depożitarju, stabbilit fl-Awstrija, li jaġixxi bħala aġent (23), akkwista bonds b’valur nominali ta’ EUR 35 000 (24) maħruġa mir-Repubblika Ellenika, suġġetti għad-dritt Grieg. Dawn il-bonds sovrani ġew ikkreditati fil-kont tat-titoli, ġestit mill-bank depożitarju, li tiegħu L. Kuhn huwa d-detentur (25). Dawn huma titoli bearer li jagħtu dritt, skont il-kundizzjonijiet ta’ self, għar-rimbors tal-kapital fil-maturità u “ħlas puntwali” (26).
34. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Istat Grieg ħareġ fil-Greċja dawk il-bonds suġġetti għad-dritt Grieg u nnegozjati fil-Borża ta’ Ateni bħala “titoli”, jiġifieri krediti rreġistrati fir-reġistru tat-titoli tad-dejn pubbliku. Dawn kienu ġew irreġistrati fis-sistema tal-kont kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg, fejn il-parteċipanti f’din is-sistema, ammessi mill-Gvernatur ta’ dan il-bank ċentrali, għandhom kont f’isimhom.
35. Skont dik il-qorti, kemm mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2198/1994 kif ukoll mill-kundizzjonijiet tas-self relatati mal-bonds sovrani inkwistjoni jirriżulta li kienu, l-ewwel nett, il-parteċipanti f’dik is-sistema li saru detenturi u kredituri ta’ dawk il-bonds, trażmessi bir-reġistrazzjoni tagħhom fil-kreditu tal-kont tagħhom, qabel ma jagħtu d-drittijiet marbuta ma’ dawk il-bonds lil investituri terzi, b’tali att ġuridiku jkollu effett biss fir-rigward tal-persuni kkonċernati, bl-esklużjoni tar-Repubblika Ellenika.
36. Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, ir-Repubblika Ellenika biddlet il-bonds akkwistati minn L. Kuhn u ssostitwiethom b’bonds sovrani ġodda b’valur nominali iktar baxx.
37. Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-allegazzjonijiet ta’ L. Kuhn, ir-Repubblika Ellenika, sal-jum ta’ dik il-konverżjoni, ħallset interessi fil-kont miftuħ f’ismu f’bank stabbilit fl-Awstrija. Hija tippreċiża li L. Kuhn kien biegħ (27) il-bonds ikkonvertiti għal EUR 7 831.58, li kkawżawlu telf ta’ EUR 28 673.42, b’din is-somma tikkorrispondi għall-valur nominali tal-bonds fid-data tal-maturità fl-20 ta’ Frar 2012 (28), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.
38. F’dawn iċ-ċirkustanzi, L. Kuhn ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna għal Kwistjonijiet Ċivili, l-Awstrija) (29) bil-għan li jikseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-bonds inkwistjoni jew kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.
39. B’digriet tat-8 ta’ Jannar 2016, dik il-qorti ddikjarat li, fuq livell internazzjonali, ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ dak ir-rikors.
40. Adita b’appell minn dak id-digriet, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), b’ordni tal-25 ta’ Frar 2016, ċaħdet l-eċċezzjoni li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni għar-raġuni li t-talba ta’ L. Kuhn kienet ibbażata mhux fuq att leġiżlattiv Grieg, imma fuq il-kundizzjonijiet ta’ self inizjali għall-bonds sovrani inkwistjoni u li l-qorti kompetenti hija indikata mid-dritt Grieg, applikabbli skont il-partijiet, f’dan il-każ, dik tad-domiċilju tal-kreditur, il-post fejn id-dejn tal-flus kellu jiġi eżegwit.
41. Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat “appell straordinarju” minn dak id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.
42. Skont din tal-aħħar, sa fejn L. Kuhn isostni li r-Repubblika Ellenika tapplika l-kundizzjonijiet ta’ self tal-bonds sovrani inkwistjoni, huwa ġustament jirreferi għar-relazzjoni ġuridika allegata bejnu, bħala akkwirent tal-bonds sovrani, u r-Repubblika Ellenika, bħala l-emittenti ta’ dawn il-bonds, b’mod li jeżisti dritt kuntrattwali “(sekondarju)” (30), skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.
43. Hija ssostni wkoll, minn naħa, li L. Kuhn isostni dritt għall-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self ibbażati fuq l-impenn ta’ ħlas mogħti mir-Repubblika Ellenika, bħala debitriċi tal-bonds u, min-naħa l-oħra, il-ħruġ ta’ bonds (“self bearer”) (31) ma jistax jiġi ekwiparat ma’ acta juri imperii. Minn dan tikkonkludi li l-kwistjoni hija dwar materji ċivili u kummerċjali.
44. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li,
– il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens ta’ tali dispożizzjoni għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tal-ftehim kuntrattwali inizjali, anki fil-każ – bħal dak ineżami – ta’ trasferiment ripetut ta’ kreditu fuq bażi kuntrattwali;
– fil-każ li tintalab l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ bond tal-gvern bħal dak maħruġ, f’dan il-każ, mir-Repubblika Ellenika, jew jintalab kumpens għal dannu għall-ineżekuzzjoni ta’ din l-osservanza, il-post ta’ eżekuzzjoni effettiv għandu jiġi stabbilit immedjatament mal-ħlas ta’ interessi li jirriżultaw minn dan il-bond tal-gvern f’kont bankarju ta’ persuna li għandha portafoll ta’ titoli nazzjonali [(32)]?
– il-fatt li l-ftehim kuntrattwali inizjali stabbilixxa post ta’ eżekuzzjoni legali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprekludi li jiġi rrikonoxxut post ta’ eżekuzzjoni ieħor fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-bażi tat-twettiq effettiv sussegwenti ta’ kuntratt?”
IV. L-analiżi tiegħi
45. Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta persuna tkun kisbet, permezz ta’ bank depożitarju, bonds maħruġa minn Stat Membru u tressaq talba kontrih fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ta’ self għal ħruġ ta’ bonds, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li “l-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet ta’ self meta jinħarġu dawn il-bonds, minkejja t-trasferimenti sussegwenti tagħhom, jew jekk dan il-post huwiex il-post tal-eżekuzzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tas-self, bħall-ħlas tal-interessi.
46. Għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Gvern Grieg u dak Taljan isostnu li l-kawża prinċipali la taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1215/2012 peress li, sostanzjalment, hija bbażata fuq id-dritt sovran ta’ Stat Membru li jilleġiżla bil-għan li jirristruttura d-dejn pubbliku tiegħu, u lanqas ma tikkonċerna “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” skont it-tifsira tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 għar-raġuni li ma hemm l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-Istat Membru u d-detentur ta’ titoli sovrani. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha preliminarjament tiddetermina jekk l-azzjoni tistax tiġi kkwalifikata bħala “kwistjoni ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament (33). Risposta pożittiva biss għal din il-domanda għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda preliminari msemmija iktar ’il fuq.
A. It-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012?
47. Sabiex tikkunsidra jekk il-kwistjoni hijiex materja ċivili u kummerċjali, il-qorti tar-rinviju rreferiet għas-sentenza Fahnenbrock et, wara li ddeċidiet li r-rikorrent qiegħed jitlob l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self jew tal-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat konvenut, l-emittent tal-bonds sovrani, fuq il-bażi tal-obbligu li jħallas meħud minn dan tal-aħħar bħala debitur tal-bonds (34). Filwaqt li din l-approssimazzjoni tista’ tidher rilevanti sa ċertu punt, l-opinjoni tiegħi hija differenti fundamentalment mill-konsegwenzi li għandhom jinstiltu minnha, għar-raġuni li l-analiżi tal-ġurisdizzjoni għandha tkun ibbażata fuq bażijiet differenti li ser neżamina.
1. Fuq il-portata tas-sentenza Fahnenbrock et
48. Fir-rigward tal-ewwel punt ta’ konverġenza, jista’ jiġi rrilevat li s-suġġett tal-kawża, li jinsab f’ċirkustanzi fattwali kważi analogi (35), huwa simili, peress li f’waħda mill-kawżi (Kickler et, C‑578/13) li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Fahnenbrock et, detenturi ta’ bonds Griegi talbu lir-Repubblika Ellenika, minbarra l-ħlas tad-danni, l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li mmaturaw. Il-kawża tat-talba hija, fi kwalunkwe każ, ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt (36).
49. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni punt ta’ konverġenza huwa partikolarment importanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (37), liema termini huma identiċi għal dawk tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” u ma jinkludix b’mod partikolari r-“responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (acta jure imperii)” (38).
50. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Fahnenbrock et li “[l]-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 1393/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament sa fejn ma jidhirx li ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali” (39).
51. Madankollu, il-portata tas-sentenza Fahnenbrock et ma hijiex, fil-fehma tiegħi, dik li l-qorti nazzjonali qed tgħid li hi. Fil-fatt, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal-limiti tal-interpretazzjoni li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja.
52. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li nibda billi nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabet soluzzjonijiet preċedenti mmirati lejn l-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni tal-istess kunċett, minħabba l-għanijiet partikolari li għandhom jintlaħqu (40). Għalhekk, mir-raġunijiet metodoloġiċi ta’ din id-deċiżjoni (41) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar iffavorixxiet il-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 1393/2007 sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tiegħu bil-għan li jiġi ggarantit aċċess rapidu għall-qorti li tiddeċiedi l-mertu kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq (42).
53. Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet in-natura partikolari tal-verifika magħmula mill-qorti fl-istadju tat-talba għan-notifika, u kkunsidrat li hija l-qorti adita, fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ulterjuri, li għandha tiddeċiedi l-kwisjtoni dwar il-ġurisdizzjoni (43).
54. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li l-każ tar-ritorn tat-talba għan-notifika mill-entità mitluba kellu jkun irriżervat għat-tilwim li, b’mod ċar, ma jirrigwardax materji ċivili u kummerċjali (44).
55. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tat żewġ risposti utli għall-ħtieġa ta’ eżami prima facie jew, fi kliem ieħor, ta’ stħarriġ ta’ intensità adattata għall-għan ta’ għaġla segwit, fil-każ speċifiku li jkun hemm dubju a priori dwar in-natura ċivili tal-azzjoni, peress li hija diretta kontra Stat u tirrigwarda l-ħruġ minnu ta’ bonds sovrani.
56. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“ħruġ ta’ bonds ma jippreżupponix neċessarjament l-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi” (45). It-tieni nett, hija identifikat ċerti elementi li ġġustifikaw eżami bir-reqqa tan-natura tar-relazzjoni tal-Istat mad-detentur. Dawn huma l-kundizzjonijiet finanzjarji tat-titoli inkwistjoni li setgħu ġew stabbiliti “abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq li jirregolaw l-iskambju u l-profittabbiltà ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji” (46) u l-bidliet f’dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji li “kellhom iseħħu wara deċiżjoni ta’ maġġoranza tad-detenturi” fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali inkluża fil-kuntratti tal-ħruġ (47).
57. Il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet osservat qabel dwar il-kumplessità tal-kwistjonijiet li kellhom effett fuq l-immunità tal-Istat (48), iddeduċiet minn dan li “ma jistax jiġi konkluż li l-kawżi prinċipali ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007, b’mod li dan ir-regolament huwa applikabbli għal dawn il-kawżi” (49).
58. Għaldaqstant, peress li hija l-qorti adita li għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja (50), huwa xieraq li tiġi rripetuta l-analiżi tal-klassifikazzjoni tat-tilwima billi d-diskussjoni tiġi ffokata fuq l-elementi enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fahnenbrock et sabiex tiġġustifika r-riżervi tagħha fir-rigward tan-natura ċara tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
2. Il-klassifikazzjoni tat-tilwima
59. Bħala punt preliminari, nikkunsidra xieraq li jitfakkar li l-metodi ta’ interpretazzjoni tal-istrumenti preċedenti li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, li nżammu sa issa (51), huma intiżi sabiex japplikaw għar-Regolament Nru 1215/2012 (52).
60. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni tal-kunċett awtonomu ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” twassal għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti li jirregolaw il-ġurisdizzjoni “minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din” (53). Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi identifikata r-relazzjoni legali li teżisti bejn il-partijiet fit-tilwima u li tiġi eżaminata l-bażi u l-mod li bih issir l-azzjoni (54).
61. F’dan il-każ, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk azzjoni għal kumpens minn individwu kontra Stat li jagħmel is-self ikollhiex is-sors materjali tagħha f’att ta’ awtorità pubblika jew, b’mod iktar speċifiku, jekk ir-relazzjoni legali bejn l-Istat Grieg u L. Kuhn, kif tirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ self, hijiex ikkaratterizzata minn manifestazzjoni ta’ awtorità pubblika min-naħa tal-Istat debitur, billi tikkorrispondi għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (55).
62. Fil-fehma tiegħi, din il-manifestazzjoni tirriżulta, f’din il-kawża bħal f’dawk preċedenti, fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tad-dejn Grieg kemm min-natura kif ukoll mill-modalitajiet tal-modifiki tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-Istat Grieg u s-sidien tat-titoli kif ukoll mill-kuntest li fih saru dawn tal-aħħar.
63. Fil-fatt, it-termini ġenerali ta’ “modifika” jew ta’ “konverżjoni” tat-titoli, li ġeneralment jintużaw, jimmitigaw ħafna r-realtà tal-iskambju ta’ titoli li kienu twettqu (56): it-titoli inizjali kienu ġew ikkanċellati u ssostitwiti b’titoli ġodda b’valur nominali inferjuri, li jirriżulta f’telf kapitali ta’ 53.5 %, jew saħansitra ogħla jekk titqies il-bidla fid-data li fiha t-titoli l-qodma kellhom jimmaturaw (57), parti minnhom kellhom jimmaturaw bejn is-sena 2023 u s-sena 2042. Ir-rati annwali għall-ħlas tal-kupuni kienu ġew irriveduti. Fl-aħħar nett, it-titoli ma għadhomx suġġetti għal-liġi Griega, imma għal-liġi Ingliża (58).
64. Minħabba n-natura sostanzjali tagħha, din is-sostituzzjoni ta’ titoli ma tistax tiġi mqabbla ma’ modifiki ġeneralment meqjusa bħala li jikkostitwixxu riskji inerenti f’dan it-tip ta’ investimenti, li huma kompletament taħt il-kontroll tal-Istat Membru li qed jissellef (59), ħaġa li jista’ jobsor akkwirent normalment infurmat (60).
65. Il-modalitajiet ta’ din is-sostituzzjoni għandhom jiġu enfasizzati wkoll meta ma jkunux ġew previsti la taħt il-kundizzjonijiet ta’ self u lanqas fid-dritt Grieg meta nħarġu t-titoli li kienu jirregolawhom. Dawn kienu ġew imposti mil-leġiżlatur Grieg permezz tal-Liġi Nru 4050/2012 meta introduċa l-KAK retroattivament.
66. B’dawn il-klawżoli, il-ftehim konkluż bejn l-Istat u d-detenturi tal-bonds li ddeċidew, b’maġġoranza kkwalifikata, li jaċċettaw il-modifiki kuntrattwali proposti mill-Istat Grieg, għamilha possibbli li dawn jiġu imposti fuq il-minoranza tad-detenturi, inklużi dawk li xtaqu jirrifjutawhom.
67. L-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ma jistax joħloq dubju dwar in-natura immedjata u diretta (61) tal-modifiki fil-kundizzjonijiet ta’ self fuq il-minoranza ta’ detenturi, speċjalment peress li l-Liġi Nru 4050/2012 kienet immirata speċifikament sabiex tikseb dan ir-riżultat bil-għan li tevita li l-Greċja tkun inadempjenti (62). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeduċiet mill-mekkaniżmu tal-KAK li “l-modalitajiet li bihom l-iskambju [kien seħħ] juru b’mod ċar in-natura involontarja tal-parteċipazzjoni [tar-rikorrenti] fil-proċess tal-haircut” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (63).
68. Sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 li tirrigwardana, lanqas ma huwa possibbli li jitressaq l-argument li, bis-saħħa tal-KAK, intlaqa’ l-ftehim tad-detenturi fil-qafas kuntrattwali (64). Fil-fatt, dan ma jistax jiġi sseparat miċ-ċirkustanzi li fihom kienet ġiet aċċettata l-inklużjoni retroattiva ta’ dawn il-klawżoli taħt il-kundizzjonijiet ta’ self.
69. Għalkemm il-Liġi Nru 4050/2012 timplimenta l-ftehim li joħroġ min-negozjati bejn ir-Repubblika Ellenika u l-investituri privati (PSI) li l-parteċipazzjoni tagħhom tqieset li “għandha rwol vitali biex twassal id-dejn tar-[Repubblika Ellenika] għal livell sopportabbli” (65), huwa stabbilit li l-persuni fiżiċi, li huma biss minoranza ta’ detenturi tal-bonds tal-Istat Grieg u li jirrappreżentaw madwar 1 % tad-dejn pubbliku totali tal-Greċja ma pparteċipawx f’dawn in-negozjati ma’ investituri istituzzjonali li huma, b’mod partikolari, il-banek u l-entitajiet ta’ kreditu (66).
70. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll aspetti oħra tal-kuntest eċċezzjonali li fih ġiet ippromulgata l-Liġi Nru 4050/2012.
71. L-ewwel nett, il-proċedura obbligatorja, imposta minn din il-liġi, hija r-riżultat tat-tiftix ta’ “soluzzjoni eċċezzjonali u unika” (67) għas-sitwazzjoni tar-Repubblika Ellenika. Hija marbuta inseparabbilment mal-politika monetarja tal-Unjoni peress li timmira li tissalvagwardja l-istituzzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’mod aktar ġenerali, li żżomm l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro inġenerali (68).
72. It-tieni nett, ir-rikors mhux tas-soltu (69) għall-inklużjoni retroattiva tal-KAK kellu l-għan li jipprevjeni n-nuqqas tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn (70), li jista’ jkun ir-riżultat tan-nuqqas ta’ KAK (71) fil-ħruġ tat-titoli li għamlet ir-Repubblika Ellenika fis-suq nazzjonali. L-għan li jrid jintlaħaq huwa li, filwaqt li jiġi żgurat li l-kredituri individwali kollha jipparteċipaw, l-awtoritajiet Griegi ħadu vantaġġ li d-dejn tal-bonds kien iktar minn 90 % suġġett għal-liġi Griega sabiex jiġi mmodifikat bl-impożizzjoni ta’ dawn klawżoli (72).
73. It-tielet nett, l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura mill-Istat, li jaġixxi kemm bħala parti kontraenti kif ukoll bħala leġiżlatur, hija limitata fiż-żmien (73). Fil-fatt, minn naħa, it-titoli l-ġodda li jirriżultaw mill-konverżjoni huma suġġetti għal-liġi Ingliża u din tipprovdi għall-KAK (74). Min-naħa l-oħra, wara d-deċiżjoni tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro, meħuda f’Novembru 2010 u approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011 (75), li tagħmel obbligatorju l-użu tal-mekkaniżmu KAK, huwa skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) konkluż fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2012 (76), li hemm il-KAK, mill-1 ta’ Jannar 2013, fit-titoli kollha b’terminu ta’ iktar minn sena fuq id-djun pubbliċi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (77). Dawn issa jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u b’hekk jipparteċipaw fl-għan “li tiġi żgurata l-ġestjoni tal-kriżijiet tas-solvibbiltà milħuqa mill-Istati” (78) u li jserrħu moħħ l-investituri.
74. Dawn l-elementi kollha jenfasizzaw it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali, li mhux limitat għal dak tal-Greċja, imma jikkonċerna ż-żona kollha tal-euro. L-ammissjoni, taħt dawk il-kundizzjonijiet, li t-tilwima ma tinżammx fl-isfera kuntrattwali (79) stretta ma jidhirlix li hi ta’ natura li tiffaċilita r-rikors mill-Istati li jissellfu għal-liġi sabiex “jimmunizzaw” (80) il-kuntratti tad-dejn sovran billi jiġu mmodifikati l-kundizzjonijiet ta’ self, b’mod partikolari retroattivament.
75. Jien nikkonkludi li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha s-sors materjali tagħha f’att ta’ awtorità pubblika li permezz tiegħu kienu ġew imposti retroattivament, f’kundizzjonijiet u f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-konverżjoni tat-titoli u l-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali sabiex jiġi evitat li l-istat Grieg ikun inadempjenti u sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà taż-żona tal-euro.
76. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari li azzjoni magħmula minn persuna fiżika li tkun akkwistat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra dan tal-aħħar, bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali jew sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self inizjali jew il-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom, minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds ma’ bonds ta’ valur inqas, impost fuq dik il-persuna fiżika b’operazzjoni ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li mmodifikat unilateralment u retroattivament il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi ddaħħlet KAK li tippermetti li maġġoranza tad-detenturi tagħhom jimponu tali skambju fuq il-minoranza, ma tirrigwardax “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.
77. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-azzjoni inkwistjoni sempliċement “tissuġġetta għall-kontroll tal-qorti relazzjoni tad-dritt privat” (81) bejn l-akkwirent ta’ bond sovran u l-Istat li jkun wettaq att jure gestionis, ikun xieraq għalhekk li jiġi ddeterminat jekk it-tilwima tirrigwardax il-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.
B. Il-kwistjoni tirrigwarda “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012?
78. Wara li twaqqfet il-bażi tar-raġunament u ġie ppreċiżat kif is-sentenza Kolassa ma tistax isservi bħala riferiment, ser nippreżenta l-fehma tiegħi dwar il-klassifikazzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
1. Tfakkir tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni
79. Preliminarjament, infakkar il-bażi li fuqha tistrieħ kull interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt”.
80. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 (82), issir referenza għal dik ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li tapplika wkoll għall-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jissostitwih (83).
81. L-ewwel nett, minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7 għandha tkun restrittiva peress li tagħti lil min jagħmel it-talba għażla ta’ ġurisdizzjoni u, konsegwentement, il-fakultà li jagħmel eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qorti tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli speċjali tal-ġurisdizzjoni ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet espliċitament previsti minn dan ir-regolament (84).
82. Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġu ddefiniti soluzzjonijiet konsistenti mal-għan ġenerali mfittex, stabbilit fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan sabiex tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja meta “hemm rabta mill-qrib bejn il-kwistjoni u l-qorti adita sabiex tittrattaha” (85). Il-qorti tal-post fejn l-obbligu stipulat fil-kuntratt għandu jiġi eżegwit u li jservi bħala bażi għal azzjoni legali normalment hija dik li hija l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, partikolarment minħabba l-prossimità tat-tilwima u l-faċilità tal-amministrazzjoni tal-provi (86). L-iżgurar tal-eżekuzzjoni mgħaġġla tad-deċiżjoni tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni (87).
83. It-tielet nett, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita sew dwar il-kunċett awtonomu ta’ “materji kuntrattwali” (88) u, għalhekk, bl-esklużjoni ta’ “referenza għal-liġi domestika ta’ wieħed jew l-ieħor tal-Istati kkonċernati” (89), l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’din il-materja fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 tippreżupponi l-identifikazzjoni ta’ obbligu legali liberament mogħti minn persuna fir-rigward ta’ oħra u fuq liema hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent, u ftit huwa importanti n-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ kuntratt (90), jew li l-kuntratt ikun irregolat minn dispożizzjonijiet imperattivi (91).
84. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li azzjoni għad-danni tista’ taqa’ taħt “materja kuntrattwali” “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt” u li dan “ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent” (92). Il-kunċett ta’ “materja delittwali” jintuża biss meta l-azzjoni ma tkunx marbuta mill-qrib ma’ kuntratt (93).
85. Fil-każ ta’ azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti, skont ir-Repubblika Ellenika, li tiġi trasposta l-ġurisprudenza fis-sentenza Kolassa. Jien ma naqbilx ma’ din l-opinjoni għar-raġunijiet li se nispjega.
2. Il-portata tas-sentenza Kolassa
86. F’dik is-sentenza, li tirrigwarda l-akkwist ta’ titoli fis-suq sekondarju u involviet diversi intermedjarji, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikorrent li jkun akkwista bonds bearer minn terza persuna mingħajr ma l-emittent ta’ dan il-bond ikun assuma b’mod liberu obbligu fir-rigward ta’ dan ir-rikorrent, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah, ma jistax jistrieħ fuq il-ġurisdizzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-azzjoni mressaq kontra dak l-emittent u bbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u l-kontroll kif ukoll ir-responsabbiltà għall-prospett (94).
87. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mill-preżentazzjoni fil-qosor tal-fatti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ma kienx hemm obbligu legali liberament konsentit mill-bank li joħroġ is-self fir-rigward tar-rikorrent li kien akkwista bond bearer mingħand terz (95).
88. Jidhirli li l-kawża prinċipali hija differenti mis-sitwazzjoni li tat lok għal dik is-sentenza għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, l-obbligi li qagħad fuqhom l-investitur kienu ta’ natura prekuntrattwali. Huwa invoka r-responsabbiltà tal-emittent tat-titoli li kien akkwista bħala riżultat tal-prospett u l-ksur ta’ obbligi ta’ informazzjoni legali oħra li jaqgħu fuq dak l-emittent, sabiex juri li ma kienx jagħmel investiment bħal dan kieku huwa kien infurmat aħjar.
89. It-tieni nett, il-ħruġ ta’ bonds sovrani, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, li jikkorrispondi mal-intermedjazzjonijiet tas-soltu tad-djun tal-Istat, huwa suġġett għal kundizzjonijiet fundamentalment differenti minn dawk ta’ ċertifikati bħal dawk li investa fihom Harald Kolassa. Dawk iċ-ċertifikati kkontestati kienu nħarġu minn bank privat fil-forma ta’ bonds bearer li l-valur tagħhom kellu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ indiċi ffurmat minn portafoll li l-ġestjoni tiegħu ġiet fdata lil kumpannija (96).
90. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrent ma kienx id-detentur ta’ dawn il-bonds (97), wara li kkonstatat li kienu ġew ordnati u akkwistati mill-bank li miegħu r-rikorrent kellu relazzjoni diretta mal-kumpannija omm tagħha, b’dawn il-kumpanniji jwettqu l-ordni f’isimhom, u li dawn il-bonds kienu nżammu bħala fondi ta’ kopertura mill-bank intermedjarju f’ismu stess u f’isem ir-rikorrent (98).
91. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent huwa proprjetarju ta’ titoli li kienu ġew akkwistati f’ismu mill-bank tad-depożitu u l-bank aġixxa bħala aġent.
92. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni partikolari ta’ dawn ir-rabtiet. Fir-rigward tal-għażla tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” (99), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt.
3. Il-klassifikazzjoni partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ titoli sovrani
93. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ titoli sovrani, din il-kwistjoni ta’ klassifikazzjoni hija ġdida u kumplessa minħabba l-iskop doppju tagħha, jiġifieri n-natura partikolari tal-bond sovran u t-trasferiment tad-drittijiet jew it-trasferiment ta’ dejn marbut miegħu.
94. Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni li d-“drittijiet fuq it-titoli issa huma fil-parti l-kbira miżmuma, ittrasferiti jew iggarantiti permezz tar-reġistrazzjoni fil-kontijiet tat-titoli” (100).
95. Għalkemm diversi awturi jsostnu li ma hemm l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent u l-investitur fis-suq sekondarju, oħrajn jemmnu li dan l-approċċ jista’ jkun relativizzat (101). Bħal dawn tal-aħħar, jiena nikkunsidra li, f’dan il-każ, jekk jista’ jiġi aċċettat li ma għadx hemm rabta kuntrattwali diretta, fin-nuqqas ta’ titolu ffirmat mill-emittent u mid-detentur (102), “ma jistax bħala regola ġenerali jingħad li r-relazzjonijiet legali bejn l-emittent ta’ titolu finanzjarju u l-investitur li jakkwista dawn l-istrumenti (anki jekk fis-suq sekondarju) ma jkunux ta’ natura kuntrattwali. Din il-kwistjoni ma tistax tiġi analizzata biss minn każ għal każ, skont in-natura eżatta tal-istrumenti finanzjarji, id-dokumenti li jirregolawhom u d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnhom fir-rigward tal-emittent u l-investitur” [traduzzjoni libera] (103).
96. Jidhirli li għandna naraw inkoraġġiment sabiex nimxu f’din id-direzzjoni fil-qari tal-punt 41 tas-sentenza Kolassa, li ma jeskludix li l-kwistjoni tista’ tkun materja kuntrattwali.
97. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li taħthom il-bonds huma offruti għas-sottoskrizzjoni minn Stat, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu deskritti bħala “katina ta’ kuntratti”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (104).
98. Fil-fatt. kif jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari mis-subscription agreement (il-ftehim ta’ sottoskrizzjoni), l-Istat Grieg ikkuntratta ma’ managers jew parteċipanti fis-sistema tas-suq primarju li, bħala l-ewwel detenturi tat-titoli jistgħu jillikwidawhom fis-suq sekondarju. Fi kliem ieħor, ir-rwol tagħhom jista’ jiġi deskritt bħala dak ta’ distributur għand l-investituri fis-suq sekondarju fejn iseħħu tranżazzjonijiet f’dawn il-bonds.
99. L-Istat Grieg ifformola wkoll, bħal kull Stat emittent ta’ titoli, dokument (offering circular jew prospett ta’ offerta) li jinkorpora l-kundizzjonijiet prinċipali ta’ self u legalment jikkostitwixxi l-kuntratt mal-kredituri tiegħu (105). Għalhekk, f’din ir-relazzjoni legali, l-Istat jintrabat li jħallas il-kupuni u jirrimborża s-self mal-maturità lil kwalunkwe detentur ta’ titoli, ċertament, mhux direttament, imma permezz ta’ intermedjarji li akkwistaw it-titoli għan-nom ta’ dan tal-aħħar. F’din ir-relazzjoni, jista’ jitqies ukoll li “it-trasferiment tat-titolu bearer iwettaq trasferiment tad-drittijiet inkorporati fit-titolu, is-sottoskrivent ikun ab initio obbligat lejn kull detentur tat-titolu, id-detentur ikun proprjetarju ta’ dritt tiegħu stess fir-rigward tal-emittent” [traduzzjoni libera] (106). Fil-punt 91 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE (107), l-analiżi magħmula hija konsistenti ma’ dan. Hemm ippreċiżat li, “skont id-dritt privat applikabbli, l-imsemmija banek ċentrali akkwistaw, matul ix-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, l-istess bħall-investituri privati, l-istatus ta’ kreditur tal-Istat li joħroġ it-titoli jew debitur” (108).
100. Jistgħu jinstiltu żewġ argumenti supplimentari mill-intervent tal-Istat leġiżlatur sabiex jimmodifika l-kundizzjonijiet tas-self tal-Istat kontraenti. Minn naħa, il-liġi inkwistjoni kienet intenzjonata li jkollha effett dirett u immedjat fuq titoli li jappartjenu għal investituri istituzzjonali privati jew persuni fiżiċi, irrispettivament mill-intermedjazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.
101. Min-naħa l-oħra, din l-inizjattiva leġiżlattiva tiżvela l-għarfien perfett mill-Istat tal-portata tal-obbligi tiegħu bħala Stat Kontraenti (109) fl-konfront tas-sidien tat-titoli (110), billi mmodifika l-portata qabel ma kien inadempjenti u, għaldaqstant, li jkollu jiffaċċja talbiet għal rimbors antiċipat tal-kreditu li kienu jittressqulu direttament.
102. Jiena niddeduċi minn dawn l-elementi kollha li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-azzjoni li permezz tagħha l-akkwirent ta’ bonds maħruġa fi Stat Membru jrid jasserixxi kontra dak l-Istat, drittijiet li joħorġu minn dawk it-titoli, b’mod partikolari wara l-modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self minn dan tal-aħħar.
103. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi ta’ risposta li jistgħu jingħataw lill-qorti tar-rinviju sabiex jiġi ddeterminat il-post tat-twettiq ta’ dak l-obbligu li jservi bħala l-bażi għat-talba.
C. Fuq id-determinazzjoni tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kontenzjuż
104. Jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwiex dak li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-bonds inkwistjoni jew jekk dak il-post jistax jinbidel bl-għażla tat-trasferimenti ta’ dejn marbutin ma’ dawk il-bonds, jew jekk jistax ikun il-każ tal-post ta’ fejn jinġabru l-interessi mill-kreditur.
105. Skont ġurisprudenza stabbilita sew (111), fin-nuqqas ta’ indikazzjoni mill-partijiet tal-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni, dan għandu jiġi ddeterminat skont il-liġi li tirregola dak l-obbligu skont ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-qorti adita.
106. Kif iddeskrivejt qabel, il-ħruġ ta’ bonds, suġġett għal-liġi Griega, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-offering circular (prospett ta’ offerta). F’dan id-dokument, il-Bank Ċentrali Grieg huwa indikat, skont l-Artikolu 8(6) tal-Liġi Nru 2198/1994 applikabbli għad-djun tal-Istat, bħala “paying agent”, il-liġi applikabbli magħżula hija l-liġi Griega u l-“bond holders” huma r-“relevant participants of the Bank of Greece Book entry system”. Minn dan niddeduċi li l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu, dak tal-ħlas ta’ kupuni u tar-rimbors tal-kapital, li jservi bħala l-bażi tat-talba jinsab fil-Greċja, skont din il-Liġi Nru 2198/1994. L-operazzjoni tal-konverżjoni ta’ titoli rregolati mil-liġi Griega, li tirriżulta mil-Liġi Nru 4050/2012, turi wkoll li dan huwa l-post tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-modalitajiet tal-investimenti u l-eżekuzzjoni tagħhom.
107. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u meta titqies l-analiżi tiegħi rigward il-klassifikazzjoni tat-trażmissjoni tat-titolu bearer billi tagħmel trasferiment ta’ drittijiet inkorporati fit-titolu, jiġifieri trasferiment ta’ dejn, jiena nikkunsidra li trasferimenti ta’ qabel ma humiex tali li jimmodifikaw id-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (112).
108. Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżit tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali, li jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 (113), peress li twassal għall-esklużjoni tal-possibbiltà li l-konvenut jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru li ma setax b’mod raġonevoli jipprevedi jekk id-determinazzjoni tagħha għandhiex tiddependi fuq l-għażla tal-post tad-depożitu tat-titolu, u tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja msemmija fil-premessa 16 ta’ dak ir-regolament.
109. Dawk l-għanijiet ma setgħux jintlaħqu kieku l-post ta’ eżekuzzjoni kellu jiġi ddeterminat skont il-post tal-ġbir tal-interessi dovuti lid-detentur ta’ bond sovran (114).
110. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ bond sovran huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet tas-self fil-ħruġ ta’ dak it-titolu, minkejja t-trasferimenti ulterjuri tiegħu jew l-eżekuzzjoni effettiva f’post ieħor tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-ħlas ta’ interessi jew ir-rimbors tal-kapital.
V. Konklużjoni
111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) bil-mod li ġej:
Prinċipalment:
– azzjoni magħmula minn persuna fiżika li tkun akkwistat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra dan tal-aħħar, bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali jew il-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom, minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds ma’ bonds ta’ valur inqas, impost fuq dik il-persuna fiżika b’operazzjoni ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li mmodifikat unilateralment u retroattivament il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi ddaħħlet klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti li maġġoranza tad-detenturi ta’ dawn il-bonds jimponu tali skambju fuq il-minoranza, ma tirrigwardax “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tilwima tirrigwarda “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012:
– tirrigwarda l-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-azzjoni li permezz tagħha l-akkwirent ta’ bonds maħruġa fi Stat Membru jrid jasserixxi kontra dak l-Istat, drittijiet li joħorġu minn dawk it-titoli, b’mod partikolari wara l-modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self minn dan tal-aħħar.
– il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ bond sovran huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet tas-self fil-ħruġ ta’ dak it-titolu, minkejja t-trasferimenti ulterjuri tiegħu jew l-eżekuzzjoni effettiva f’post ieħor tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-ħlas ta’ interessi jew ir-rimbors tal-kapital.