Language of document : ECLI:EU:C:2013:747

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑390/12

Robert Pfleger

Autoart a.s.

Mladen Vucicevic

Maroxx Software GmbH

Ing. Hans-Jörg Zehetner

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija)]

“Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-provvista ta’ magni tal-logħob mingħajr permess — Numru limitat ta’ permessi — Sanzjonijiet kriminali — Proporzjonalità — Karta tad-Drittijiet Fundamentali”





1.        Il-liġi Awstrijaka tillimita l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fejn jintużaw magni tal-logħob għal operaturi awtorizzati. Il-permessi huma disponibbli f’numri limitati. Magni tal-logħob li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr permess jiġu kkonfiskati u meqruda. Dawk il-persuni li jinstabu li kienu involuti fl-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzat huma suġġetti għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali.

2.        L-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (Qorti Amministrattiva Indipendenti tal-Land tal-Oberösterreich) tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (2) (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprekludux dawk ir-restrizzjonijiet u/jew is-sanzjonijiet imposti fl-eventwalità ta’ ksur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-UE

 Il-Karta

3.        Skont l-Artikolu 15(2) tal-Karta kull ċittadin tal-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li jagħti servizzi f’kull Stat Membru. Skont l-Artikolu 16, il-libertà tal-intrapriża skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rrikonoxxuta. L-Artikolu 17 jiggarantixxi d-dritt ta’ tgawdija minn kull persuna tal-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt, li jistgħu jiġu kkonfiskati biss fl-interess pubbliku u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq. Huwa jistipula li l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

4.        L-Artikolu 47 jistipula li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. L-Artikolu 50 jistipula li l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li saret res judicata skont il-liġi.

5.        L-Artikolu 51(1) tal-Karta jistipula wkoll li l-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

6.        L-Artikolu 56 TFUE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

7.        Tali restrizzjoni tista’ tiġi permessa bħala miżura derogatorja espressament prevista fl-Artikolu 52(1) TFUE, li hija applikabbli għall-provvista ta’ servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8.        L-Artikolu 2 tal-Glücksspielgesetz (Il-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, iktar ’il quddiem il-“GSpG”), kif attwalment fis-seħħ (3), jiddefinixxi “lotteriji” bħala, essenzjalment, logħob tal-ażżard li jsiru disponibbli għall-pubbliku minn operatur, fejn jitħallsu ġugati u minnhom jinkiseb rebħ. Għal dan l-iskop, “operatur” huwa persuna li twettaq b’mod indipendenti attività stabbli sabiex tirċievi flus mill-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, anki jekk l-attività ma tkunx imfassla biex toffri rebħ. Meta diversi persuni jaqblu li jorganizzaw tali logħob huma lkoll jiġu kkunsidrati bħala operaturi, anki jekk huma ma għandhom ebda intenzjoni li jirċievu flus jew jipparteċipaw biss biex jagħmlu l-logħba disponibbli għall-pubbliku. Lotteriji li għalihom ma ngħata ebda permess jew awtorizzazzjoni huma illegali.

9.        L-Artikolu 3 tal-GSpG jirriżerva d-dritt tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għall-Istat Awstrijak, bl-eċċezzjoni tal-magni tal-logħob li huma regolati bil-liġijiet tal-Bundesländer (l-Istati Federali) bis-saħħa tal-Artikoli 4 jew 5 tal-istess liġi.

10.      L-Artikolu 4 tal-GSpG jistipula li logħob tal-ażżard reġjonali permezz ta’ magni tal-logħob skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ma humiex suġġetti għall-monopolju tal-Istat fuq il-logħob tal-ażżard.

11.      L-Artikolu 5 tal-GSpG jistipula li kull wieħed mid-disa’ Bundesländer jistgħu jagħtu sa tliet permessi lil organizzaturi ta’ logħob tal-ażżard fuq skala żgħira li jużaw magni tal-logħob. Il-permessi jingħataw għal perijodu sa 15-il sena suġġetti għal ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tal-ġugaturi. Tali logħob jista’ jiġi offrut f’sala ta’ bejn 10 u 50-il magna tal-logħob, b’ġugati massimi ta’ EUR 10 u b’rebħ massimu ta’ EUR 10 000 kull logħba jew bi provvista ta’ massimu tliet magni individwali b’ġugati massimi ta’ EUR 1 u rebħ massimu ta’ EUR 1 000 kull logħba.

12.      Skont l-Artikoli 14, 15 u 17 tal-GSpG, moqrija flimkien, l-Istat Awstrijak jista’, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jagħti d-dritt esklużiv għall‑organizzazzjoni ta’ tipi differenti ta’ lotteriji, billi jagħti permess għal massimu ta’ 15-il sena, bi ħlas ta’ tariffa.

13.      Skont l-Artikolu 21 tal-GSpG, l-Istat Awstrijak jista’ jagħti sa 15‑il liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard permezz ta’ stabbilimenti tal-logħob (casino) għal perijodu ta’ 15-il sena. Għandha titħallas tariffa ta’ EUR 10 000 għal kull applikazzjoni għal permess u tariffa oħra ta’ EUR 100 000 għal kull permess mogħti. Il-logħob ipprovdut bis-saħħa ta’ dawn il-permessi huwa suġġett għal taxxi ta’ bejn 16 u 40 % kull sena (l-Artikoli 17, 28, 57 u 59a(1) tal-GSpG).

14.      L-Artikolu 52 tal-GSpG jistipula li kull min, bħala “operatur”, jorganizza jew jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr permess tista’ tiġi imposta fuqu sanzjoni amministrattiva sa EUR 22 000. Madankollu, meta l-ġugata tkun ta’ iktar minn EUR 10 kull logħba, ir-reat ikun suġġett għall-prosekuzzjoni kriminali taħt l-Artikolu 168(1) tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem l-“StGB”), li japplika minflok. L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li ‘logħob inserje’ fejn il-ġugata tkun ta’ inqas minn EUR 10 imma kumulattivament iktar minn hekk, ukoll ikunu suġġett għall-prosekuzzjoni kriminali skont l-Artikolu 168(1) tal-StGB.

15.      Skont l-Artikolu 53 tal-GSpG, magna tal-logħob tista’ tiġi maqbuda provviżorjament meta jkun hemm suspett li qiegħda tiġi operata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GSpG.

16.      L-Artikolu 54 tal-GSpG jistipula li l-oġġetti li kienu l-mezz biex jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) għandhom jiġu kkonfiskati; il-persuni kollha li jista’ jkollhom xi pretensjoni dwar l-oġġett għandhom jiġu nnotifikati. Oġġetti kkonfiskati għandhom jiġu meqruda mill-amministrazzjoni.

17.      Skont l-Artikolu 56(a), stabbiliment li jipprovdi logħob tal-ażżard bi ksur tal-liġi jista’ jingħalaq.

18.      L-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal finijiet ta’ profitt minn persuna li ma jkollhiex permess hija suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali. Skont l-Artikolu 168(1) tal-StGB, “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r-rebħ jew it-telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix-xorti, jew kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil-għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l-organizzazzjoni jew minn din il-laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terz iwettaq reat”. Logħob tal-ażżard operat mingħajr permess jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni ta’ logħob ipprojbit bis-saħħa tal-Artikolu 52(1)(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tal-GSpG. Is-sanzjonijiet previsti huma piena ta’ priġunerija li tista’ titla’ sa sitt xhur jew multa kuljum sa massimu ta’ 360 jum. L-Artikolu 168(2) tal-StGB jistipula li l-istess sanzjoni tapplika għal kull minn jipparteċipa f’logħob tal-ażżard bħala “operatur” kif imfisser fl-Artikolu 2 tal-GSpG.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna erba’ kawżi dwar diversi stabbilimenti fl-Awstrija ta’ Fuq (il-qorti tar-rinviju tistqarr li għadd kbir ta’ kawżi simili huma pendenti). Fil-proċeduri nazzjonali, R. Pfleger, Autoart a.s. Prague (iktar ’il quddiem “Autoart”), M. Vucicevic, Maroxx Software GmbH (iktar ’il quddiem “Maroxx”) u H-J. Zehetner appellaw minn deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ magni tal-logħob li, mingħajr permess uffiċjali, kienu installati lesti għall-użu f’diversi stabbilimenti tan-negozju fl-Awstrija ta’ Fuq.

20.      Fl-ewwel kawża, il-pulizija tal-finanzi qabdet provviżorjament sitt magni f’lukanda f’Perg li kienet qiegħda tipprovdi logħob tal-ażżard mhux awtorizzat. R. Pfleger ġie misjub li kien l-organizzatur u Autoart, kumpannija reġistrata fir-Repubblika Ċeka, kienet preżunta li kienet is-sid ta’ dawk il-magni. L-awtorità kompetenti lokali kkonfermat il-qbid. Fl-appelli tagħhom, R. Pfleger isostni li huwa la kien is-sid jew id-detentur tal-magni u lanqas l-organizzatur tal-logħob tal-ażżard u ma kienx ipprovda l-magni lill-proprjetarju tal-lukanda, filwaqt li Autoart issostni li hija ma għandha l-ebda konnessjoni legali mal-magni: la hija s-sid tagħhom, la sselfithom, kriethom, qassmithom jew żammithom u ma ‘tiġġestihomx’.

21.      Fit-tieni kawża, il-pulizija tal-finanzi qabdet provviżorjament tmien magni tal-logħob fi stabbiliment f’Wels li hija sabet li kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-permess relattiv. Sid il-magni kien M. Vucicevic. L-awtorità lokali kompetenti kkonfermat il-qbid. Fl-appell tiegħu, M. Vucicevic jammetti li huwa xtara l-istabbiliment ikkonċernat iżda jiċħad li fl-istess ħin huwa sar sid il-magni.

22.      Fit-tielet kawża, il-pulizija tal-finanzi qabdet provviżorjament żewġ magni tal-logħob li kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-permess relattiv f’stazzjon ta’ servizzi f’Regau operat minn Jacqueline Baumeister, ċittadina Ġermaniża. Il-qbid ġie kkonfermat mill-awtorità lokali kompetenti; l-appell ta’ J. Baumeister kontra l-qbid ġie kkunsidrat bħala tardiv. Imbagħad il-konfiska kienet ikkonfermata u nnotifikata lil Maroxx, kumpannija rreġistrata fl-Awstrija, bħala sid il-magni, li appellat.

23.      Fir-raba’ kawża, il-pulizija tal-finanzi qabdet tliet magni tal-logħob li kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-permess relattiv f’stazzjon ta’ servizzi f’Enns, li kien operat minn H‑J. Zehetner. L-aworità kompetenti aċċertat li l-magni kienu proprjetà ta’ Maroxx u adottat id-deċiżjoni li tikkonferma l-qbid. Ġiet imposta fuq H‑J. Zehetner multa ta’ EUR 1 000 (alternattivament, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, 15-il siegħa ta’ priġunerija). Fuq Maroxx kienet imposta multa ta’ EUR 10 000 (alternattivament, 152 siegħa ta’ priġunerija) (4).

24.      Fl-appell tiegħu, H‑J. Zehetner allega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tikkonforma mad-dritt tal-UE, b’mod partikolari mal-Artikolu 56 TFUE u ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta.

25.      Peress li l-eżitu tal-kawżi quddiemha jorbot fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob li tingħata deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-[Karta] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kawża prinċipali, li jinsabu fl-Artikoli 3 sa 5, 14 u 21 tal-[GSpG], li jussuġġettaw l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ magni tal-logħob għall-kundizzjoni (suġġetta għal sanzjonijiet u miżuri ta’ qbid) tal-għoti minn qabel ta’ permess, liema awtorizzazzjonijiet huma disponibbli f’numru limitat, billi sa issa, l-Istat apparentament qatt ma wera fi proċeduri kriminali jew amministrattivi li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob fil-fatt jikkostitwixxu problema sinjifikattiva li tista’ biss tiġi rrimedjata mhux permezz ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob awtorizzati lil numru ta’ fornituri individwali, iżda biss mill-espansjoni kkontrollata tad-detentur ta’ monopolju (jew ta’ numru żgħir ħafna ta’ fornituri f’oligopolija), flimkien ma’ reklamar moderat?

2.      Fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u mill-Artikolu 168 tal-[StGB], li permezz ta’ kunċetti legali impreċiżi jwasslu sabiex ikun hemm responsabbiltà kriminali sħiħa, ukoll fir-rigward ta’ persuni (bħal sempliċi distributuri jew kerrejja ta’ magni tal-logħob) li jkunu involuti mill-bogħod ħafna (possibilment stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea?

3.      Fil-każ li t-tieni domanda tingħata wkoll risposta negattiva: ir-rekwiżit ta’ demokrazija u ta’ Stat ta’ dritt, li fuqhom huwa manifestament ibbażat l-Artikolu 16 tal-Karta, u/jew ir-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ effiċjenza li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta u/jew l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE , u/jew id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat taħt l-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u fl-Artikolu 168 tal-StGB, billi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ċara, id-delimitazzjoni reċiproka bejn dawn id-dispożizzjonijiet hija diffiċilment prevedibbli u determinabbli ex ante għaċ-ċittadini u din tista’ biss tiġi ċċarata f’kull każ partikolari permezz ta’ proċess formali elaborat, u li differenzi estensivi fil-qasam tal-kompetenza (tal-awtorità amministrattiva jew qorti), ta’ prerogattivi għal intervent, tal-istigma li hija konnessa magħhom u mal-istatus proċedurali (pereżempju fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova)?

4.      Fil-każ li waħda min dawn l-ewwel tliet domandi tingħata risposta affermattiva: l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta u/jew l-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu li jiġu ssanzjonati persuni li jkollhom rabta mill-qrib ma’ magna tal-logħob (imsemmija fl-Artikolu 2(1)(1) u fl-Artikolu 2(2) tal-GSpG u/jew jipprekludu qbid jew konfiska ta’ dawn il-magni u/jew l-għeluq tal-impriża ta’ tali persuni?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn M. Vucicevic, Maroxx, H‑J. Zehetner, il-Gvern tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Pajjiż l-Baxxi, tal-Polonja u tal-Portugall, u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2013, M. Vucicevic, Maroxx, H‑J. Zehetner, il-Gvern tal-Awstrija u tal-Belġu u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

 Ammissibbiltà

27.      Il-Gvern Awstrijak jissottometti li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għar-raġuni li l-fatti esposti u d-domandi li saru ma humiex preċiżi biżżejjed biex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli. Dan il-gvern jissottometti wkoll li ma huwiex ċar jekk il-kawża tippreżentax element transkonfinali li jagħti lok għall-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

28.      Il-Kummissjoni ssostni li d-domandi huma ammissibbli. Hija ssostni li ma jistax jiġi eskluż li entitajiet minn Stati Membri oħra jkunu jixtiequ joffru logħob tal-ażżard fl-Awstrija li jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

29.      L-ebda waħda mill-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet ma indirizzat din il-kwistjoni.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod konsistenti li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (5).

31.      Jiena ma nqisx li l-bażi fattwali għad-domandi f’dan il-każ u d-domandi nnifishom ma humiex ċari biżżejjed biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti deċiżjoni. B’mod partikolari, id-digriet tar-rinviju jistabbilixxi f’dettall suffiċjenti l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali biex il-Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE li hija rilevanti għall-istħarriġ tagħha.

32.      Fir-rigward tal-oġġezzjoni li l-element transkonfinali ma huwiex ċar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kollha din tista’ taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, anki jekk dan biss sa fejn tapplika għal sitwazzjonijiet konnessi mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (6). Fis-sentenza Garkalns il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’dak il-każ kienet ammissibbli minkejja li l-elementi kollha tat-tilwima kienu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed.

33.      Il-fatti ta’ din il-kawża juru li operaturi minn Stati Membri oħra huma interessati li joperaw logħob tal-ażżard billi jużaw magni tal-logħob fl-Awstrija. Wieħed mill-appelli quddiem il-qorti nazzjonali tressaq minn ċittadina Ġermaniża, J. Baumeister, li kienet topera stazzjon ta’ servizzi fejn instabet magna tal-logħob mhux awtorizzata; u waħda mill-magni tal-logħob maqbuda kien jidher li ġiet fornuta minn kumpannija rreġistrata fir-Repubblika Ċeka, Autoart. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Applikabbiltà tal-Karta

34.      Id-domandi rrinvjati kollha jitolbu li tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta. Tqum kwistjoni preliminari dwar jekk il-Karta tapplikax fejn qorti nazzjonali tkun qiegħda tagħmel stħarriġ ġudizzjarju dwar leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tidderoga mid-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

35.      Din il-kwistjoni hija indirizzata minn H‑J. Zehetner, il-Gvern tal-Awstrija, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tal-Portugall kif ukoll mill-Kummissjoni. L-erba’ gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni kollha jqisu li l-Karta ma tapplikax għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. H‑J. Zehetner u l-Kummissjoni huma t-tnejn ta’ opinjoni kuntrarja.

36.      Jiena nqis li l-Karta tapplika fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat.

37.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa mfisser fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistipula li din tapplika għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

38.      L-użu tat-terminu “jimplimentaw” fl-Artikolu 51 tal-Karta jillimita l-applikabbiltà tagħha għal każijiet fejn Stat Membru jkun meħtieġ jieħu azzjoni pożittiva speċifika (pereżempju biex tiġi trasposta direttiva) (7) sabiex jikkonforma mad-dritt tal-UE?

39.      Ma naħsibx.

40.      Jien nosserva (li prevedibbilment) hemm grad ta’ varjazzjoni lingwistika fit-testi f’lingwi differenti ugwalment awtentiċi. Għalhekk, filwaqt li t-test Ingliż jitkellem dwar “implementing”, il-Ġermaniż jipprovdi “bei der Durchführung des Rechts der Union” u l-Franċiż “lorsqu’ils mettent en oeuvre le droit de l’Union”. L-Ispanjol u l-Portugiż (pereżempju) huma iktar wiesgħa (“cuando apliquen el Derecho de la Unión” u “quando apliquem o direito da União”, rispettivament). B’dan l-isfond, wieħed idur naturalment għall-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (8), li għandhom, konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta nnifisha, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Karta (9). Dawn jagħtu l-indikazzjoni li ġejja fir-rigward tal-Artikolu 51(1):

“[f]ir-rigward ta’ l-Istati Membri, joħroġ b’mod ċar mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali definit f’kuntest ta’ l-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni.”.

Imbagħad jiġu ċċitati erba’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja: Wachauf, ERT, Annibaldi u Karlsson et (10).

41.      F’sentenzi suċċessivi għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea trid tikkonforma mal-Karta u li “l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni jimplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta” (11). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat b’mod ċar li t-test huwa jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda fejn japplika d-dritt tal-UE (jiġifieri, waħda li taqa’ “fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-UE”) minflok (forsi b’mod iktar ristrett) jekk l-Istat Membru qiegħedx “jimplementa” id-dritt tal-UE billi jieħu azzjoni pożittiva speċifika (12).

42.      Il-ġurisprudenza ċċitata fl-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 51(1) tixħet dawl utli dwar xi jfisser “fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”. Is-sentenzi Wachauf u Karlsson et it-tnejn li huma kienu jikkonċernaw regoli nazzjonali li taw sfumatura differenti l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar l-operazzjoni tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib. Xi regoli nazzjonali kienu evidentement meħtieġa biex jikkumplimentaw ir-regoli tal-UE u, billi jżidu d-dettall, jagħmluhom operattivi b’mod sħiħ. Għaldaqstant dawn ir-regoli nazzjonali kellhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali kif irrikonoxxuti taħt id-dritt tal-UE. Għal kuntrarju, fis-sentenza Annibaldi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni (liġi reġjonali li stabbilixxiet park tan-natura u tal-arkeoloġija) b’mod ċar ma kellha x’taqsam xejn mal-implementazzjoni (jew tabilħaqq l-operazzjoni) ta’ xi liġi tal-Komunità dwar l-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli, mal-ambjent jew mal-kultura; lanqas ma kien hemm xi punt ieħor ta’ rbit mad-dritt Komunitarju.

43.      Għall-iskopijiet preżenti, is-sentenza ERT hija ta’ rilevanza partikolari. Din il-kawża kienet tikkonċerna liġi nazzjonali li kienet tippermetti lil xandar tat-televiżjoni wieħed ikollu monopolju tat-televiżjoni għat-territorju kollu ta’ Stat Membru u li jagħmel xandiriet tat-televiżjoni ta’ kull xorta. Qamet il-kwistjoni dwar jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mit-Trattat kinitx tipprekludi dik il-liġi nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn tali monopolju kien jagħti lok għal effetti diskriminatorji għad-detriment ta’ xandiriet minn Stati Membri oħra, dan kien ipprojbit bl-Artikolu 59 KEE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) sakemm ir-regoli ma setgħux ikunu ġġustifikati minn xi waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 56 KEE (li sar l-Artikolu 52(1) TFUE), li għalih l-Artikolu 66 KEE (li sar l-Artikolu 62 TFUE) jagħmel riferiment (13). Għalhekk, is-sentenza ERT kienet tikkonċerna sitwazzjoni fejn il-liġi ta’ Stat Membru kienet tidderoga mil-libertà fundamentali li jiġu pprovduti servizzi.

44.      Fis-sentenza ERT kienet qamet ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-liġi nazzjonali kinitx tosserva l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom u li ma setgħatx taċċetta miżuri li jkunu inkompatibbli ma’ dawk id-drittijiet (14). Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha talba għal deċiżjoni preliminari, hija għandha tagħti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni, min-naħa tal‑qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (15). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta Stat Membru jinvoka d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 56 KEE u 66 KEE (li saru l-Artikoli 52(1) TFUE u 62 TFUE) biex jiġġustifikaw regoli nazzjonali li probabbilment jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tali ġustifikazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tal-liġi u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali. Huwa biss jekk ir-regoli nazzjonali jkunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jinkludu l-Artikolu 10 tal-KEDB, li huma permessi bħala eċċezzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (16).

45.      Għalhekk is-sentenza ERT tagħmilha ċara li, meta Stat Membru jippromulga miżura li tidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mit-TFUE, dik il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑UE. Il-poter li jidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-UE f’ċerti ċirkustanzi huwa poter li l-Istati Membri għad għandu u li d-dritt tal-UE jirrikonoxxi; iżda l-eżerċizzju ta’ dak il-poter huwa ċirkoskritt bid-dritt tal-UE. Meta qorti, kemm jekk tkun qorti nazzjonali kif ukoll jekk tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, ,tistħarreġ jekk leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ tali libertà fundamentali taqax fl-ambitu ta’ deroga mit-Trattat (u għaldaqstant hija permessibbli) dak il-proċess ta’ stħarriġ jitwettaq b’riferiment għal, u skont kriterji dderivati, mid-dritt tal-UE u mhux mil-liġi nazzjonali. Għalhekk, pereżempju, ir-regola ta’ interpretazzjoni li tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, u l-applikazzjoni tat-test tal-proporzjonalità għal deroga li hija prima facie permissibbli, it-tnejn li huma jirriżultaw mid-dritt tal-UE nnifsu. Peress li hija biss miżura nazzjonali derogatorja li tikkonforma mal-kriterji tad-dritt tal-UE li ser tkun permissibbli (altrimenti, il-libertajiet tat-Trattat għandhom jipprevalu) isegwi li l-miżura derogatorja nnifisha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑UE. Din għalija hija kemm il-konsegwenza neċessarja tal-istruttura familjari tat-Trattat (dritt protett, deroga limitata minn dak id-dritt) u tal-inklużjoni tas-sentenza ERT fl-ispjegazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta.

46.      Għalhekk Stat Membru għandu jitqies li “jimplimenta d-dritt tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 51 meta jistabbilixxi deroga minn libertà fundamentali. Minn dan isegwi li l-Karta tapplika. Peress li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali “timplementa” id-dritt tal-UE għax din taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Karta.

47.      Jien issa ser ngħaddi għad-domandi li saru.

 Id-Domanda 1

48.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ magni tal-logħob għal dawk il-persuni jew impriżi li jkollhom permess, liema permessi huma disponibbli f’numru limitat. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jinkisirx f’ċirkustanzi fejn ma jkunx stabbilit li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob fil-fatt jikkostitwixxu problemi sinjifikattivi u li kieku tali problemi kienu jeżistu, dan ma kinux jistgħu jiġu rrimedjati b’espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob awtorizzati minn numru kbir ta’ fornituri individwali minflok espansjoni kkontrollata permezz ta’ numru limitat ta’ fornituri.

49.      Jiena l-ewwel ser nikkunsidra l-Artikolu 56 TFUE u mbagħad il-Karta.

 L-Artikolu 56 TFUE

50.      Illum hawn korp kunsiderevoli ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċerna l-logħob tal-ażżard (inkluż erba’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li rriżultaw f’kawżi preċedenti dwar il-GSpG) (17) li jipprovdi l-kriterji li fid-dawl tagħhom trid tiġi eżaminata d-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

51.      Din il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li numru limitat ta’ detenturi ta’ permessi biss jistgħu jorganizzaw logħob tal-ażżard u l-operaturi l-oħrajn kollha, kemm jekk stabbiliti fl-Awstrija kif ukoll f’xi Stat Membru ieħor, huma pprojbiti milli joffru tali servizzi, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, bħala tali, hija pprojbita bl-Artikolu 56 TFUE (18). Tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-derogi espressament previsti mit-TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku (19).

52.      Il-Gvern Awstrijak isostni li r-restrizzjoni hija ġġustifikata peress li ssegwi l-għanijiet li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-ġugaturi u l-prevenzjoni tal-kriminalità. Madankollu Marrox, M. Vucicevic u H-J. Zehetner kollha jallegaw li ż-żieda tad-dħul mit-taxxa kien l-għan prinċipali tal-gvern.

53.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restrizzjonijiet tal-Istati Membri fuq servizzi tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati fejn dawn huma maħsuba li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni tal-ġugaturi mill-vizzju tal-logħob (20) u l-prevenzjoni tal-kriminalità (21). Kuntrarju għal dan, iż-żieda fid-dħul għall-gvern tal-Istat Membru ma huwiex għan li jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għalkemm dan jista’ jkun benefiċċju anċillari għall-gvern ikkonċernat (22).

54.      Hija kwistjoni ta’ fatt, li għandha tkun stabbilita mill-qorti nazzjonali, liema huma l-għanijiet attwalment segwiti mil-liġi nazzjonali inkwistjoni (23). Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-għan reali huwa primarjament li jiżdied id-dħul, imbagħad ir-restrizzjoni trid titqies li hija inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE.

55.      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti nazzjonali ssib li r-restrizzjoni ġenwinament issegwi l-għanijiet permessi tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-prevenzjoni tal-kriminalità, imbagħad trid tikkunsidra jekk ir-restrizzjoni hijiex proporzjonali. Il-qorti trid tkun sodisfatta li r-restrizzjoni hija xierqa biex jintlaħaq l-għan segwit bil-leġiżlazzjoni kkonċernata fil-livell ta’ protezzjoni li trid tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

56.      Bħalma Stat Membru li jfittex li jiżgura livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni huwa intitolat, kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, li jieħu l-pożizzjoni li huwa biss bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil entità waħda li hija suġġetta għal kontrolli stretti li huwa jista’ jittratta r-riskji tal-logħob tal-ażżard (24), bl-istess mod Stat Membru jista’ jieħu l-pożizzjoni li l-eżistenza ta’ sistema ta’ permessi li jingħataw lil numru żgħir ta’ fornituri huwa metodu xieraq kif jiġu ttrattati dawk ir-riskji. Kif kien deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Engelmann (25), limitazzjoni tan-numru ta’ konċessjonijiet biex joperaw stabbilimenti tal-logħob “tippermetti, min-natura tagħha stess li jiġu limitati l-opportunitajiet ta’ logħob […]. Minħabba li l-konsumaturi jkollhom jivvjaġġaw sabiex jaslu fil-bini ta’ stabbiliment fejn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard inkwistjoni, limitazzjoni tan-numru ta’ dawn l-istabbilimenti għandha l-konsegwenza li ssaħħaħ l-ostakoli għall-parteċipazzjoni f’tali logħob”.

57.      Għalhekk jidher li l-limitazzjoni fuq in-numru ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard hija mezz proporzjonali kif jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-prevenzjoni tal-kriminalità. Jekk jitħalla numru ikbar ta’ stabbilimenti biex jipprovdu tali servizzi jkun inqas probabbli li jintlaħqu dawk l-għanijiet għaliex dan jagħti opportunitajiet ikbar għal-logħob tal-ażżard. Ikun inqas probabbli li politika bħal din tikseb livell għoli ta’ protezzjoni. Madankollu, dan huwa suġġett għal verifika mill-qorti nazzjonali, li meta tanalizza l-fatti u l-evidenza quddiemha, din jeħtieġ ukoll tqis in-natura, il-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli li jiġu applikati għall-istabbilimenti awtorizzati (26).

58.      L-oneru li jiġi ppruvat li r-restrizzjoni hija proporzjonali jibqa’ fuq l-awtoritajiet Awstrijaċi, li għandhom id-dover li jipprovdu lill-qorti nazzjonali li hija mitluba tiddeċiedi fuq dik il-kwistjoni bl-elementi kollha neċessarji li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar tiżgura ruħha li l-miżura msemmija hija, fil-fatt, maħsuba li ssegwi l-għan dikjarat u tista’ tilħqu (27). Fis-sentenza Dickinger u Ömer (28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika, jekk l-attivitajiet kriminali u frawdolenti kif ukoll il-vizzju tal-logħob setgħux jikkostitwixxu problema fl-Awstrija fiż-żmien tal-fatti u jekk espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati kinitx issolvi dik il-problema. Fil-każ preżenti huwa meħtieġ li l-qorti nazzjonali twettaq l-istess eżerċizzju.

59.      Il-qorti nazzjonali trid ukoll tkun sodisfatta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġenwinament tirrifletti preokkupazzjoni biex jintlaħaq l-għan b’mod konsistenti u sistematiku (29). Peress li l-prattiki ta’ numru limitat ta’ detenturi ta’ permessi jistgħu jiddeterminaw jekk l-għanijiet jistgħux jintlaħqu jew le, il-politika kummerċjali ta’ dawk id-detenturi ta’ permessi huma rilevanti għal dik l-evalwazzjoni (30).

60.      Il-qorti tar-rinviju tosserva fid-digriet tagħha li l-politika kummerċjali ta’ detenturi ta’ permessi ma ġietx limitata għal espansjoni kkontrollata b’reklamar limitat. Hija tgħid li detenturi ta’ permessi, għal kuntrarju, daħlu f’dik li hija ssejjaħ “spiża kolossali” fuq kampanja “aggressiva” ta’ reklamar li tippromwovi immaġini pożittiva tal-logħob tal-ażżard u tinkoraġġixxi parteċipazzjoni attiva. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li reklamar moderat jista’ jkun konsistenti ma’ politika ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, dan iseħħ biss meta r-reklamar ikun strettament limitat għal dak li huwa neċessarju biex il-konsumaturi jiġu ggwidati lejn netwerks ta’ logħob tal-ażżard ikkontrollati (31). Reklamar li jinkoraġġixxi l-logħob tal-ażżard billi jurih bħala trivjali, jagħtih immaġini pożittiva jew iżid l-attrazzjoni tiegħu għandu l-għan li jespandi s-suq ġenerali għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard minflok jiggwida lis-suq eżistenti lejn ċerti fornituri. Tali politika kummerċjali espansjonista hija evidentement inkonsistenti mal-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. Għalhekk, kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dickinger u Ömer: “Stat Membru ma jistax jinvoka raġunijiet ta’ ordni pubbliku dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob sa fejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan l-Istat iħajru u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi sabiex jieħdu sehem fil-logħob tal-ażżard bil-għan li t-Teżor pubbliku jkun jista’ jagħmel profitt” (32).

61.      L-għan attwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk dan huwa għan permess, jekk il-leġiżlazzjoni hijiex fil-fatt proporzjonata u koerenti u konsistenti ma’ dak l-għan, hija kwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina.

62.      Huwa meħtieġ iktar stħarriġ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta?

 L-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta

63.      L-Artikolu 15(2) tal-Karta (33) jirrikonoxxi l-libertà ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tal-istabbiliment u li jipprovdi servizzi f’kull Stat Membru. L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (34) jikkonfermaw li l-Artikolu 15(2) jittratta l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti bl-Artikoli 26, 45, 49 u 56 TFUE. Peress li jsir provvediment għal din il-libertà fi ħdan it-Trattati, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha huma stabbiliti bl-Artikolu 52(2) tal-Karta, li jistipula li tali libertajiet “għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom”. L-ispjegazzjoni għall-Artikolu 52(2) tikkonferma wkoll li “l-Karta ma tbiddilx is-sistema ta’ drittijiet mogħtija mit-Trattat KE u riprodotta fit-Trattati”. Għalhekk, sa fejn hija kkonċernata l-kawża preżenti, l-osservanza tal-Artikolu 15(2) tal-Karta tikkoinċidi mal-konformità mal-Artikolu 56 TFUE.

64.      L-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi l-libertà li wieħed imexxi impriża imma jistipula espressament li dan għandu jsir “skond il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Kif jikkonfermaw ukoll l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, din il-libertà tista’ tkun suġġetta għal limitazzjonijiet li huma permessi bl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dak l-Artikolu jitlob li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandhom ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma għandhom ikunu meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv l‑għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

65.      Fis-sentenza Sky Österreich (35) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “l-libertà tal-impriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesa’ ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika. Issa, din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod ta’ kif għandu jiġi implementat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.”

66.      Fil-fehma tiegħi, din il-libertà tkun irrispettata meta d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ikunu osservati tenut kont, b’mod partikolari tal-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tiġi limitata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

67.      L-Artikolu 17 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għall-proprjetà, u l-użu tagħha “jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”. L-ispjegazzjoni dwar dan l-artikolu tgħid li huwa bbażatat fuq l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huma għalhekk l-istess bħal dawk tad-dritt iggarantit bil-KEDB u, filwaqt li limitazzjonijiet fuq id-drittijiet huma permissibbli, dawn ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB.

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li d-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet proporzjonati. Fis-sentenza Križan et, l-Awla Manja ddeċidiet li “id-dritt għall-proprjetà ma jidhirx bħala prerogattiv assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis‑soċjetà. Għaldaqstant, l-użu ta’ dan id-dritt jista’ jiġi ristrett, dejjem sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit” (36). Għalhekk restrizzjoni proporzjonata fuq l-użu ta’ magni tal-logħob fl-interess pubbliku ġenerali ma tiksirx l-Artikolu 17 tal-Karta.

69.      Fil-fehma tiegħi restrizzjoni fuq l-użu ta’ magni tal-logħob li hija permissibbli skont l-Artikolu 56 TFUE, li jinkludi wkoll il-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tirrispetta wkoll l-Artikolu 17 tal-Karta. Tali limitazzjoni fuq l-użu tal-proprjetà ma teċċedix dak permess bl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-KEBD, li jagħmel id-dritt għall-proprjetà suġġett għad-“dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess pubbliku”.

70.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta ma jimponu ebda obbligi ikbar li jridu jiġu sodisfatti biex tkun permessa restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dak li diġà huwa stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE.

71.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb l-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li numru limitat biss ta’ detenturi ta’ permessi jistgħu jorganizzaw logħob tal-ażżard, sakemm dik ir-restrizzjoni ma tkunx iġġustifikata fuq il-bażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-konsumatur u/jew il-prevenzjoni tal-kriminalità, issegwi dak l-għan b’mod konsistenti u koerenti billi tqis il-politika kummerċjali tad-detenturi tal-permessi eżistenti u tkun proporzjonata. Jekk dawk il-kriterji jiġux sodisfatti jew le hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeterminah. Fejn restrizzjoni tissodisfa dawk il-kriterji, din ma hijiex prekluża mill-Artikoli 15, 16 jew 17 tal-Karta.

 Id-Domanda 2

72.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 56 TFUE u fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u l-Artikolu 168 tal-StGB li, permezz ta’ kunċetti legali impreċiżi, jwasslu sabiex ir‑responsabbiltà kriminali tiġi estiża għal persuni li jkunu involuti biss mill-bogħod ħafna (bħal sempliċi distributuri jew kerrejja ta’ magni tal-logħob).

73.      Din id-domanda, bħat-tielet u r-raba’ domanda, hija rilevanti biss jekk il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk ir-restrizzjoni hija prekluża mill-Artikolu 56 TFUE, f’dak il-każ id-dritt tal-UE jipprekludi wkoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal ksur tar-restrizzjoni (37).

74.      Sa fejn l-Istati Membri huma permessi bid-dritt tal-UE li jidderogaw mill-Artikolu 56 TFUE u li jimponu restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard, dawn jistgħu jimponu wkoll sanzjonijiet kriminali sabiex jinfurzaw dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dawk is-sanzjonijiet ikunu proporzjonati u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

75.      Fil-fehma tiegħi, sabiex ikun proporzjonat, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-responsabbiltà kriminali għal ksur tal-liġi nazzjonali li timponi r-restrizzjoni ma għandux jestendi lil hinn minn dawk il-persuni responsabbli għall-ksur, kemm direttament jew indirettament, u li kienu jew kellhom ikunu jafu li l-azzjonijiet tagħhom kien ser jikkontribwixxu għall-ksur.

76.      Fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-responsabbiltà kriminali tista’ tiġi estiża għal dawk li jkunu kompliċi f’reat (38). Tali persuni ma humiex direttament responsabbli għall-ksur tal-liġi kriminali — huma nnifishom ma jqegħdux il-magna tal-logħob għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr permess — imma dawn jippermettu li l-ksur iseħħ.

77.      Fil-fehma tiegħi, li jinġabu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà kriminali dawk il-persuni li huma indirettament responsabbli għall-ksur tar-restrizzjoni, meta kienu jafu jew suppost kienu jafu li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jikkontribwixxu għall-ksur, jikkontribwixxi għall-infurzar tar-restrizzjoni u b’hekk jintlaħaq il-livell għoli mixtieq ta’ protezzjoni. Madankollu, ikun sproporzjonat li r-responsabbiltà kriminali tiġi estiża għal persuni li ma kinux jafu jew li ma setgħux ikunu jafu dwar il-ksur, għaliex tali persuni ma humiex f’pożizzjoni li jagħżlu li jevitaw li jikkontribwixxu għall-ksur.

78.      Il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-UE, sa fejn dan ikun possibbli billi tieħu l-korp kollu tal-liġi domestika inkunsiderazzjoni u tapplika l-metodi interpretattivi rikonoxxuti minnha, bil-ħsieb li tiżgura l-effettività tad-dritt tal-UE (39).

79.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk, l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta ma jipprekludux dispożizzjoni li testendi r-responsabbiltà kriminali għal persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli għall-ksur ta’ restrizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard, sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-responsabbiltà kriminali jkun limitat għal dawk il-persuni li kienu jafu, jew li suppost kienu jafu, li l-azzjonijiet tagħhom ikkontribwixxew għall-ksur.

 Id-Domanda 3

80.      Bit-tielet domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 16, 47 u 50 tal-Karta u/jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jimponu sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi għal ksur tal-liġi, iżda li ma jippermettux li persuna tkun taf taħt liema dispożizzjonijiet hija ser tiġi mixlija.

81.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludix tali dispożizzjonijiet. Mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li huwa fondat is-suġġeriment li jeżisti riskju li l-istess reat jiġi pproċessat darbtejn. Ir-reat jew jiġi ttrattat permezz tal-qrati amministrattivi, inkella jiġi ttrattat permezz tal-qrati kriminali. Jidher li l-StGB tapplika fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard b’ġugati ta’ EUR 10 jew iktar u “logħob inserje” b’ġugati iżgħar li kumulattivament jammontaw għal iktar minn EUR 10. Altrimenti, ir-reat jiġi ttrattat bħala ksur amministrattiv skont id-dispożizzjonijiet tal-GSpG.

82.      Huwa biss wara li l-fatti tal-każ individwali jkunu magħrufa li ser ikun possibbli li jiġi stabbilit jekk jagħtux lok għal ksur amministrattiv (logħob tal-ażżard illegali li jinvolvi ġugati ta’ inqas minn EUR 10 u mhux logħob inserje) jew reat kriminali (logħob tal-ażżard illegali li jinvolvi ġugati ta’ iktar minn EUR 10 jew ġugati iżgħar bħala parti minn logħba inserje). Għalhekk tinqala’ inċertezza legali sempliċement minħabba li dispożizzjonijiet differenti japplikaw f’ċirkustanzi fattwali differenti.

83.      L-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrikonoxxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, ma jinkisirx f’ċirkustanzi fejn il-persuna akkużata b’reat għandha aċċess għal qorti jew tribunal, kemm jekk dawk il-qrati huma amministrattivi jew kriminali.

84.      Għalhekk la l-Artikolu 56 TFUE u lanqas l-Artikoli 16, 47 jew 50 tal-Karta ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula li għandhom jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fir-rigward ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard illegali b’ġugati ta’ EUR 10 u logħob inserje b’ġugati individwali iżgħar iżda li kumulattivament jammontaw għal iktar minn EUR 10 filwaqt li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard illegali b’ġugati ta’ inqas minn EUR 10.

 Id-Domanda 4

85.      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 15 sa 17 u 50 tal-Karta jipprekludux sanzjonijiet, bħal dawk previsti fl-Artikoli 53, 54 u 56(a) tal-GSpG, li jinkludu l-konfiska u d-distruzzjoni ta’ magni tal-logħob u l-għeluq tan-negozju.

86.      Kif diġà indikajt (40), jekk Stat Membru jimponi restrizzjoni li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u għalhekk ma hijiex prekluża mill-Artikolu 56 TFUE, dak l-Istat Membru jista’ jinforza wkoll dik ir-restrizzjoni billi jimponi sanzjonijiet kull meta tinkiser. Madankollu, dawn is-sanzjonijiet iridu jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mad-drittijiet fundamentali.

87.      Mill-fatti u l-leġiżlazzjoni stabbiliti fid-digriet tar-rinviju, jidher li huwa l-każ li, meta jkun ġie organizzat logħob tal-ażżard li juża magni tal-logħob mingħajr permess, il-magna tal-logħob tiġi awtomatikament ikkonfiskata u wara meqruda. Id-dispożizzjonijiet li taħthom jittieħdu dawk il-passi ma jidhirx li jippermettu l-ebda azzjoni alternattiva skont il-grad ta’ ħtija ta’ sid il-magna, jew ta’ xi persuna oħra li jkollha interess fil-magna, jew, skont il-gravità tal-ksur tal-liġi. Kwalunkwe difiża għat-twettiq tar-reat jew ċirkustanzi attenwanti li l-persuna b’interess fil-magna tkun tixtieq tinvoka, ma jistgħux, apparentement, iwasslu għal xi eżitu ieħor.

88.      Jekk huwa tabilħaqq il-każ li s-sanzjoni ma tistax tiġi aġġustata biex tirrifletti elementi bħall-grad ta’ ħtija, din tkun sanzjoni sproporzjonata li hija prekluża mill-Artikolu 56 innifsu kif ukoll mill-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta. Madankollu din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali. (Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 50 tal-Karta ma għandu ebda rilevanza għal din il-kwistjoni.)

89.      Bil-kontra, l-Artikolu 56(a) tal-GSpG jidher li jagħmel id-deċiżjoni tal-għeluq ta’ stabbiliment waħda diskrezzjonali. Bil-flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dan il-poter, deċiżjoni li jingħalaq stabbiliment tista’ tittieħed f’ċirkustanzi fejn din tkun sanzjoni pproporzjonata. Għalhekk jiena ma nqisx li l-Artikolu 56 tal-GSpG fih innifsu huwa prekluż mill-Artikolu 56(a) TFUE. Għalhekk hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk fil-prattika l-poter ġiex tabilħaqq eżerċitat billi jittieħed debitament kont taċ-ċirkustanzi tal-każ u għalhekk bil-flessibbiltà neċessarja biex jiġi sodisfatt it-test tal-proporzjonalità.

 Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi li saru mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija) f’dan is-sens:

1.      L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li numru limitat biss ta’ detenturi ta’ permessi eżistenti jistgħu jorganizzaw logħob tal-ażżard, sakemm dik ir-restrizzjoni ma tkunx iġġustifikata fuq il-bażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-konsumatur u/jew il-prevenzjoni tal-kriminalità, issegwi dan l-għan b’mod konsistenti u koerenti billi tqis il-politika kummerċjali tad-detenturi tal-permessi eżistenti u tkun proporzjonata. Jekk dawn il-kriterji jiġux sodisfatti jew le hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeterminah. Fejn restrizzjoni tissodisfa dawk il-kriterji, din ma hijiex prekluża mill-Artikoli 15, 16 jew 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.      L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta ma jipprekludux dispożizzjoni li testendi r-responsabbiltà kriminali għal persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli għall-ksur ta’ restrizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard, sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-responsabbiltà kriminali jkun limitat għal dawk il-persuni li kienu jafu, jew li suppost kienu jafu li l-azzjonijiet tagħhom ikkontribwixxew għall-ksur.

3.      La l-Artikolu 56 TFUE u lanqas l-Artikoli 16, 47 jew 50 tal-Karta ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula li għandhom jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fir-rigward ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard illegali b’ġugati ta’ EUR 10 u “logħob inserje” b’ġugati individwali iżgħar iżda li kumulattivament jammontaw għal iktar minn EUR 10 filwaqt li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard illegali b’ġugati ta’ inqas minn EUR 10.

4.      L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li magni tal-logħob li jintużaw f’logħob tal-ażżard mhux awtorizzat jiġu awtomatikament ikkonfiskati u meqruda mingħajr il-possibiltà li dak l-eżitu jiġi varjat skont il-grad ta’ ħtija ta’ sid il-magna tal-logħob u/jew l-estent tal-ksur. L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta ma jipprekludux, madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha Stat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali li jagħlaq stabbiliment fejn magni tal-logħob bla permess ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU C 83, 30.07.2010, p.389.


3 – Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju ċċitat id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma attwalment fis-seħħ. Madankollu, jidher li l-fatti li taw lok għal xi wħud mir-reati allegati seħħew qabel ma daħlet fis-seħħ din il-verżjoni tal-liġi. Trid tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi liema verżjoni tal-liġi kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti.


4 – Ma huwiex ċar għalija kif jista’ jiġi impost żmien ta’ priġunerija (anki b’mod alternattiv) fuq persuna ġuridika, iżda dawn huma l-fatti kif meħuda mid-digriet tar-rinviju.


5 – Sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, punt 17), u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra I‑1721, f’punt 24).


6 – Sentenza Garkalns, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata.


7 – Jiena nislet distinzjoni ċara bejn traspożizzjoni u implimentazzjoni, fejn din tal-aħħar hija ħafna iktar wiesgħa minn tal-ewwel.


8 – Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007 C 303, p. 17.


9 – Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, punt 42) u tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, Ġabra I‑13849, punt 32).


10 –      Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra 2609); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I-2925); tat-18 ta’ Diċembru 1997, Amnibaldi (C‑309/96, Ġabra p. I‑7493) u tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C‑292/97, Ġabra p. I‑2737).


11 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punt 210 (enfażi miżjud minni), u tas-26 ta’ Settembru 2013, TEXDATA Software (C‑418/11, punt 73) (enfażi miżjud minni).


12 – Id-diverġenza potenzjali fit-tifsira titnaqqas jekk wieħed ma jqisx “it-traspożizzjoni” u “l-implimentazzjoni” bħala sinonimi: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 hawn fuq.


13 – Punt 26.


14 – Punt 41.


15 – Punt 42.


16 – Punt 43.


17 – Id-dispożizzjonijiet tal-GSpG taw lok għal talbiet għal deċiżjonijiet preliminari wkoll fil-Kawża Engelmann (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, C‑64/08, Ġabra p. I‑8219), li kienet tikkonċerna l-obbligu fuq persuni detenturi ta’ permessi biex joperaw stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard, illi jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali; fil-kawża Dickinger u Ömer (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, C‑347/09, Ġabra p. I‑8185), li kienet tikkonċerna monopolju tal-funzjonament ta’ logħob tal-casino fuq l-internet favur operatur wieħed; fil-kawża HIT u HIT LARIX (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, C‑176/11), li kienet tikkonċerna r-reklamar għal casinos. L-iktar sentenza reċenti dwar din il-kwistjoni, (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet et, C‑186/11 u C‑209/11), li kienet tikkonċerna monopolju esklużiv dwar l-immaniġġjar, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ logħob tal-ażżard mogħti minn Stat lil kumpannija b’responsabbiltà limitata ġiet mogħtija fl-24 ta’ Jannar 2013, u għaldaqstant wara d-data meta ngħata d-digriet tar-rinviju fil-kawża preżenti.


18 – Sentenza Stanleybet et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 21.


19Ibid., punt 22; ara wkoll is-sentenza Garkalns, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, Ġabra p. I‑8069, punti 74 and 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I-8621, punti 61 sa 75).


22 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf (C‑212/08, Ġabra p. I‑5633, punt 52) u l-ġurisprudenza ċċitata); sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 55.


23 – Sentenza Stanleybet et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24 – Sentenza Stanleybet et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 29.


25 – Sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 45.


26 – Dik l-analiżi tista’ wkoll tassisti lill-qorti nazzjonali biex tistabbilixxi l-għan veru tar-rekwiżiti tal-permessi: ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq.


27 – Sentenza Stoß et, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 71.


28 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 66.


29 – Sentenza Stanleybet et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 27; sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punti 49 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 58.


31 – Sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 68.


32Ibid., punt 62.


33 – Huwa biss l-Artikolu 15(2) li huwa rilevanti għall-fatti ta’ din il-kawża. L-Artikolu 15(1) jikkonċerna d-dritt li wieħed jaħdem u li jwettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament, filwaqt li l-Artikolu 15(3) jagħti d-dritt lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji tal-Istati Membri, għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni.


34 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


35 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 46 u 47.


36 – Sentenza tat-15 ta’ Jannar 2013 (C‑416/10, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 32 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Donner (C‑5/11).


39 – Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, punti 54 sa 56) u l-ġurisprudenza ċċitata.


40 – Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.